Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

Is-26 Ħadd matul is-sena Liturġika A

Eż 18, 25-28; Salm 24, Fil 2, 1-11; Mt 21, 28-32

Aqra’: Intom x’jidhrilkom? – staqsa Ġesu’ – Min minnhom it-tnejn għamel ir-rieda tal-Missier? L-Iben li lil missieru qallu li kien se jmur jaħdem fl-għalqa tad-dwieli u ma mar xejn, jew l-ieħor li qallu li ma riedtx imur, imma mbagħad mar?

Irrifletti: Il-publikani u n-nisa tat-triq jistgħu jkunu miftuħin iżjed minnkom – nies tal-knisja! – biex jaċċettaw lil Ġesu’ f’ħajjithom. Għalhekk jaslu qabilkom fis-Saltna t’ Alla. Huma dawk biss li jgħarfu lilhom infushom bħala midinbin, u li jirrikonoxxu li għandhom bżonn l-għajnuna, li jesperjenzaw l-ferħ li huma salvati.

Itlob: Nitolbu lill-Mulej biex ma naqgħux fit-tentazzjoni tal-ġudizzju u nitgħallmu li kull persuna hija akbar min-nuqqasijiet tagħha.

Agħmel: Fis-skiet ta’ qalbek, għaraf li inti midneb u għandek bżonn il-ħniena ta’ Alla daqs jew iktar minn dawk li f’għajnejk jidhru bħala nies “ħżiena”.


Il-25 Ħadd matul is-Sena Liturġika A

Is. 55, 6-9; Salm 144; Fil. 1,20c-24,27a; Mt. 20, 1-16a.

Aqra’: “Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba”. Innota l-karattri u r-reazzjonijiet tagħhom fil-parabbola tal-ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli.

Irrifletti: Għaliex issibha diffiċli tieħu gost bix-xorti tajba ta’ xi ħaddieħor? In-nies jgħiru meta jaħsbu li xi ħadd għandu xi ħaġa li tappartjeni lilhom…jew sempliċement għax jixtiequ dak li ħaddieħor għandu. X’inhi r-reazzjoni tiegħek għal din il-parabbola?

Itlob: Dejjem ser issib lil xi ħadd li għandu iktar minnek u xi ħadd li għandu inqas. Fit-talb tiegħek itlob li tevita li tgħir. L-għira tkisser ir-relazzjonijiet. Itlob li tevita l-għira akkost ta’ kollox; u ftakar li l-ħajja tista tkun inġusta. Itlob li jkollok qalb li tifraħ bit-tajjeb tal-oħrajn.

Agħmel: Meta xi ħaġa tajba tiġri lil xi ħaddieħor, ingħaqad miegħu fil-ferħ u ipprova tkunx xi ħadd li tixtieq li kollox tridu jdur miegħek. Uri b’mod ġenwin l-apprezzament u l-ferħ fil-barkiet li rċieva xi ħadd fost sħabek.


L-24 Ħadd matul is-Sena Liturġika A

Sir 27, 33-28,9; Salm 102; Rum 14, 7-9; Mt 18, 21-35.

Aqra’: Sew jekk ngħixu, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej. Għalhekk, mibegħda u għadab, dawn kollha ta’ min jistmerrahom. Jekk Alla juri ħniena magħna, aħna għandna nuru ħniena mal-oħrajn, kif tgħidilna l-parabbola tal-qaddej li ma ħafirx.

Itlob: Itlob għall-grazzja ta’ l-umilta’ biex tilqa’ il-ħniena ta’ Alla, u taqsam din il-ħniena ma’ l-oħrajn. Ftakar f’dawk li weġgħuk, u għandhom bżonn il-maħfra tiegħek. Itlob il-grazzja li tkun rikonċiljat.

Irrifletti: Għaliex il-qaddej li nħafirlu dejn kbir ma jaħfirx lill-qaddej tiegħu li kellu dejn ħafna iżgħar miegħu? Il-verita’ hija, li meta dak li jkun jirċievi il-ħniena, mhux dejjem juri gratitudni u umilta’. Kultant din il-ħniena li ssir ma dak li jkun minflok għall-ħniena ma’ l-oħrajn, twassal għar-rabja, speċjalment meta dak li jkun ikun egoist. Nistgħu nilqgħu l-ħniena biss meta nħobbu u nirrispettaw lil dak li jkun urina l-ħniena. Imbagħad, nkunu lesti li naqsmu din il-ħniena mal-oħrajn.

Agħmel: Iż-żmien ifejjaq, imma ħafna drabi nitilfu l-opportunitajiet għar-rikonċiljazzjoni. Ersaq lejn l-oħrajn b’imħabba u kompassjoni tal-qalb, aħfer lil xi ħadd li naqsek.


It-23 Ħadd tas-Sena Liturġika Sena A

Eż. 33, 7-9; Salm 94; Rum 13, 8-10; Mt 18, 15-20

Aqra: Aħna mibgħutin biex inħobbu lill-proxxmu tagħna. Ġesu’ jitkellem dwar il-bżonn li nkunu impenjati biex inġibu ‘l quddiem il-ġid tal-aħwa. Ngħinu lil xulxin biex ngħarfu u nikkoreġu l-iżbalji tagħna. Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu”.

Irrifletti: Aħna responsabbli għal xulxin. Li tkun responsabbli għall-oħrajn huwa li tieħu ħsieb u tgħinhom jimxu ‘l quddiem. Wieħed mill-modi kif nagħmlu dan hija l-korrezzjoni fraterna. Biex issir din il-korrezzjoni hemm bżonn tliet affarijiet: li jkollok għan tajjeb (l-imħabba lejn il-persuni), ħin f’waqtu (f’mument ta’ kalma), u meżżi adattati (prudenza u umilta’). Irridu nkunu wkoll lesti li nilqgħu korrezzjoni mingħand ħaddieħor aħna stess.

Itlob: Ħa nitolbu il-grazzja li nieħdu ħsieb ħaddieħor b’qalb li tħoss. Ħa nitolbu wkoll għal dawk il-persuni li għandhom bżonn konverżjoni tal-qalb.

Agħmel: Illum uri fil-konkret li qed tieħu ħsieb lil ħaddieħor. Identifika persuna li għanda bżonn korrezzjoni, u agħmel dan b’rispett u b’imħabba.  


Il-22 Ħadd tas-Sena Liturġika A

Ġer 20, 7-9; Salm 62; Rum 12, 1-2; Mt 16,21-27

Aqra: Iseħħilkom tagħarfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb, x’inhu li jogħġob, x’inhu s-sewwa (Rum 12, 1)

Irrifletti: Ir-rieda ta’ Alla tfisser li nfittxu li nagħmlu x’inhu t-tajjeb, x’inhu perfett, x’inhu li jogħġob. Bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu Qaddis, ngħixu l-ħajja kollha tagħna bħala offerta ta’ qima u ta’ tifħir lil Alla. Dan huwa l-għan tal-ħajja tagħna. Dan nagħmluh billi qabel kollox infittxu li nagħmlu dejjem ir-rieda tiegħu …li nimxu fit-triq ta’ l-imħabba sħiħa li mexa fiha Ġesu’ qabilna, li minna titlob ukoll ċaħda u sagrifiċċju: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja” (Mt. 16, 24).

Itlob: Aħna nafu li kemm il-darba mmorru kontra r-rieda ta’ Alla bi dnubietna. Ħa nfittxu li nagħmlu dak li hu tajjeb biex hekk inkunu verament infaħħru lil Alla.

Agħmel: Aħseb fuq id-differenza bejn li tagħmel dixxerniment veru x’inhi r-rieda ta’ Alla, u tagħżel inti x’jaqbel lilek


Il-21 Ħadd tas-Sena Liturġika A

Is 22,19-23; Salm 137, Rum 11, 33-36; Mt 16, 13-20

Aqra’: F’ Ċesarija ta’ Filippu, Pietru jagħmel il-Professjoni tal-Fidi u Kristu jagħtiħ l-imfietaħ tas-Saltna. “Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi”.

Itlob: Ħa nitolbu li jkollna qalb umli biex naċċettaw is-sejħa ta’ Alla. Ħa nitolbu l-grazzja li nkunu dixxipli fidili ta’ Ġesu’.

Irrifletti: Alla jagħżel mhux skont il-merti tagħna l-bnedmin, imma bl-għerf tiegħu li huwa ‘l hinn minn dak li l-bniedem jista’ jifhem. Jekk Alla jsejħilna biex nagħmlu xi ħaġa, ħa ngħarfu bl-umilta’ kollha li Huwa għażilna mhux għax kien jistħoqqilna, imma għax hekk kienet ir-rieda tiegħu. Lilu biss kull tifħir, glorja, unur u qima.

Agħmel: Huwa faċli nikkritikaw lill-mexxejja reliġjużi tagħna, imma napprezzawhom għat-tajjeb li jagħmlu?


© 2020 agostinjani.org. All Rights Reserved.