Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

Ir-Raba’ Ħadd mtul is-Sena C

Ġeremija 1:4-5.17-19; Salm 70; 1 Korintin 12:31-13:13; San Luqa 4:21-30

Aqra’: F’dak iż-żmien Ġesù qal lin-nies fis-sinagoga: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: “Dan mhuwiex bin Ġużeppi?”. Iżda hu qalilhom: “Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju: ‘Tabib, fejjaq lilek innifsek. Dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum agħmlu hawn f’pajjiżek ukoll!’”. U żied jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu. Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon. U kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja”. Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.

Riflessjoni:. Illum il-Kelma ta’ Alla qed tfakkarna li aħna rridu nkunu profeti fi żminijietna. Ma nistgħux noffru lill-bniedem rigal isbaħ mill-Aħbar it-Tajba.

Imma din l-ħidma irridu nkunu lesti li nħaddmuha wkoll meta nsibu oppożizzjoni, tfixkil u persekuzzjoni.  Darba xi ħadd qal: “Min irid jiżfen ma jridx joqgħod jibża li se jirfes xi sieq”.  Hija realta’  ta’ min iwassal il-Kelma ta’ Alla li jkun qiegħed jistieden mhux li jibagħtulu xi bukkett fjuri, imma xi kritika, ħars bl-ikrah, iwaqqfuh milli jieħu xi promotion li jkun ħaqqu, insomma xi għamla ta’ persekuzzjoni. Hekk gralu Ġesu’ f’Nazaret.

Il-messaġġ li jgħaddilna l-Evanġelista San Luqa bl-aħħar frażi: “Hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer”, hu messaġġ ta’ konsolazzjoni u tama lilna l-insara kull meta nħabbtu wiċċna ma’ opposizzjoni, nuqqas ta’ ftehim u ta’ qbil, u kultant anke mibegħda minħabba li nkunu qegħdin nxandru l-Evanġelju. Ir-riskju tan-nisrani meta jgħaddi minn dan kollu huwa li jinsa li dak li qed jgħaddi minnu, huwa repetizzjoni ta’ dak li għaddew minnu qablu l-profeti u Ġesu’. L-Evanġelista jassigura lilna l-insara li mħarsin minn Alla, aħna wkoll ngħaddu minn qalb il-persekuzzjoni u nkomplu bil-ħeġġa nimxu lejn l-għan tagħna.

Itlob: Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek. Fik, Mulej jien nistkenn; ma jkolli qatt għax ninfixel. Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni; agħtini widen u fittex eħlisni.

Agħmel: Nibdew il-ħidma tagħna tax-xandir tal-Aħbar it-tajba bħal Ġesu’: minn pajjiżna stess, mir-raħal tagħna, minn fejn sibna ruħna dalgħodu meta qommna.


It-Tielet Ħadd mtul is-Sena C

Neħemija 8:2-4a.5-6.8-10; Salm 18; 1 Korintin 12-12-30; San Luqa 1:1-4; 4:14-21

Aqra’: U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Iżaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,

għax hu kkonsagrani.

Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,

inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,

irrodd il-ħelsien lill-maħqurin

u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej”.

Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”.

Riflessjoni: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. Illum ukoll l-Mulej Ġesu’ jiġi jħabbar “il-ħelsien lill-imjassrin” u jrodd “il-ħelsien lill-maħqurin”. Illum il-kelma ta’ Ġesu’ ser tibda teħles lill-bniedem li jismagħha, mhux biss mill-mard, imma wkoll mlll-ostakli psikoloġiċi u morali li ma jħallux lil dak li jkun jimxi ‘l quddiem u jikber fl-imħabba. Ix-xibka ta’ passjonijiet mhux kontrollati jġalu lill-bniedem ifittex l-interessi egoistiċi tiegħu, ikollu għatx kbir għall-ġid, u ġenn għall-poter u s-suċċess. Dawn huma ktajjen li jżommu lill-bniedem ilsir. Dawn il-ktajjen illum ser jibdew jitkissru! Il-qawwa li tkissirhom hija dik ta’ l-Ispirtu s-Santu...”L-Ispirtu tal-Mulej fuqi”. L-Ispirtu mela li jaħdem f’Ġesu’ mhux biss meta jagħmel mirakli ta’ fejqan, imma wkoll meta bil-kelma qawwija tiegħu ikisser il-ktajjen li jżommu lill-bnedmin fi stat ta’ jasar.

Itlob: Il-kliem tiegħek, Mulej huwa spirtu u ħajja! Ħa jkunu milqugħa quddiemek kliem fommi u ħsieb qalbi, Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi.

Agħmel: Aħseb fuq l-aħbar it-tajba tal-Evanġelju. Irringrazzja lil Alla għal kemm hi vera din il-kelma fil-ħajja tiegħek personali.

 


It-Tieni Ħadd matul is-Sena C

Isaija 62:1-5; Salm 95; Korintin 12:4-11; San Ġwann 2:1-11

Aqra’: F’dak iż-żmien, sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu. Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid”. U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”. Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma”. U dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda”. U huma marru jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa”. Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.

Riflessjoni: Ir-reliġjon mgħallma mir-Rabbini Lhud ta’ żmien Ġesu’ kienet tikkonsisti f’kemm jirnexxilek tikseb merti quddiem Alla billi tosserva b’mod skrupluż il-liġi tiegħu. Aħna faċilment naqgħu għat-tentazzjoni li kellu l-poplu ta’ Israel...nagħmlu dak li nagħmlu għax bilfors, biex mingħalina ser niksbu merti quddiem Alla. U nispiċċaw niddejqu, nirribellaw...u nitilqu.

Meta l-quddiesa ssir biss ritwal u mhux esperjenza li niġu għaliha bil-qalb, bil-ferħ, bl-entużjażmu... ikun spiċċalna “l-inbid”.

Meta dak li għandna nagħmlu fil-Knisja, fil-familja, fuq ix-xogħol nagħmluh bil-fors, bla qalb, bla ħeġġa, mdejqin...ikun spiċċalna “l-inbid”.

Jekk nindunaw li f’xi qasam tal-ħajja tagħna spiċċalna “l-imbid”, ħa nagħmlu bħal Marija nduru lejn Ġesu’ u ngħidulu bil-fidi: Spiċċalna l-inbid. Ħa nifhmu li l-ilma tal-ħajja jiġi biss min Ġesu’ permezz tat-talb, tas-sagramenti, tas-smiegħ attent u l-qari tal-Kelma ta’ Alla. Meta nixorbu mill-ilma li jagħtina Hu, dak l-ilma jsir fina “inbid”...isir fina mħabba, ferħ, entużjażmu.

Itlob: Mulej nixtiequ nistiednuk fil-komunita’ nisranija tagħna, fil-familja tagħna, fuq il-post tax-xogħol tagħna, kull fejn inkunu. Hekk inkunu nistgħu naraw kemm int tajjeb, ġeneruż u kreattiv. Agħtina l-ilma tal-ħajja li taf tagħti inti biss, u li fina jinbidel “f’inbid”.

Agħmel: “Agħmlu kull ma jgħidilkom Hu”...mhux bil-fors, imma bil-qalb, bl-imħabba, bil-fidi u bil-ħeġġa.


Il-Magħmudija tal-Mulej

Isaija 40:1-5, 9-11; Salm 103; Titu 2:11-14; 3:4-7; San Luqa 3:15-16, 21-22

Aqra’:  F’dak iż-żmien, il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar”. Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu, u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta’ ħamiema. U mis-sema ġie leħen jgħid: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”.

Riflessjoni: Kont taf li fil-magħmudija, il-Missier jgħidlek l-istess kliem li nstema’ jgħid lil Ġesu’: “Inti ibni l-għażiż. Fik insib l-għaxqa tiegħi”. Dan għaliex fil-magħmudija aħna nsiru ħolqien ġdid: nilbsu ‘l Kristu u nsiru wlied Alla! Il-magħmudija tagħtina ħajja ġdida; għalhekk nitgħammdu bl-ilma, sinjal ta’ element li jnaddaf, iżda fuq kollox li jagħti l-ħajja: il-ħajja tal-grazzja ta’ Alla. Din id-dinjita’ ta’ wlied Alla ġġib magħha wkoll missjoni x’naqdu fid-dinja: insiru qaddejja ta’ Alla fost ħutna l-bnedmin.  Aħna fid-dmir li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nħaddmuha fina, biex imbagħad ngħadduha lill-oħrajn. Ħajjitna  u d-dinja li fiha ngħixu ġew imqaddsin mill-Iben ta’ Alla; iżda aħna rridu nwettqu l-missjoni tagħna billi nressqu jew noffru lilna nfusna u l-ħolqien kollu lejn l-għajn tiegħu li hu Alla.

Itlob: “Waqt li kien qiegħed jitlob”. It-talba ta’ Ġesu’ ssir komunjoni, hekk kif il-Missier ikellmu u jafferma min kien. Ħa nitolbu aħna wkoll: Missier, minkejja l-limitazzjonijiet tagħna, ħa jkun jixirqilna li nibqgħu nkunu l-għaxqa tiegħek, ulied tassew għażiż tiegħek, il-maħbubin tiegħek. Agħmel li Ibnek Ġesu’ jkun l-għaxqa tagħna wkoll, it-teżor tagħna, l-għana ta’ qalbna.

Agħmel: Għix il-magħmudija tiegħek. U dwarek ukoll il-Missier ikun jista jgħid: “Dan hu ibni l-għażiż li fih insib l-għaxqa tiegħi”


L-Epifanija tal-Mulej

Isaija 60,1-6; Salm 71; Efesin 3, 2-6; San Mattew 2:1-12

Aqra’:  Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”..... Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. 

Riflessjoni: Il-kewkba li jitkellem fuqha San Mattew fl-Evanġelju tiegħu ma tinstabx fis-smewwiet imma fil-Bibbja: “Qiegħed naraha, imma mhux għalissa; inħares lejha, imma mhux fil-qrib. Għad titla’ kewkba minn Ġakobb, u jqum xettru minn Iżrael; u jkisser ngħas Mowab, u jeqred l-ulied kollha ta’ Set. Edom ikun wirtu; Xegħir wirt l-għedewwa tiegħu; Iżrael jagħmel l-għeġubijiet ta’ ħila. Jaħkem bniedem ġej minn Ġakobb, u jeqred il-fdal minn Għir.” (Ktieb tan-Numri 24:17-19).Hekk tkellem Balgħam, “l-oraklu ta’ bniedem b’għajnejh miftuħa, l-oraklu ta’ wieħed jisma’ kliem Alla, u jara dehret Alla li jista kollox” (Numri 24, 3), xi 1200 sena qabel ma twieled Kristu. Minn dak iż-żmien, il-Lhud bdew jistennew it-tlugħ ta’ din il-kewkba tiddi li ma kienet ħadd ħlief il-Messija nnifsu. Ġesu’ mela huwa l-kewkba! San Mattew kien qed jikteb l-Evanġelju tiegħu fis-sena  80 A.D. Kien qed jara li l-pagani kienu qed jidlu bi ħġarhom fil-Knisja. Huma għarfu u aduraw ilKewkba, waqt li l-Lhud, li ienu qed jistennew għall-ħafna sekli ċaħduh. L-istorja tal-maġi hija mela “parabola” ta’ dak li kien qed jiġri fil-komunita’ nisranija fi tmiem ta’ l-ewwel seklu. Il-pagani kienu għarfu fit-tarbija ta’ Betlem is-sultan u Alla tagħhom u offrewlu rigali. Il-Maġi huma simbolu tan-nies madwar id-dnja li huma mmexxija mid-dawl ta’ Kristu. Huma x-xbieha tal-Knisja, magħmula minn-nies ta’ kull razza, tibu, ilsien u nazzjon. Li tidħol fil-knisja ma jfissir li tiċħad l-identita tegħek Ma jfissirx li tissottometti ruħek għall-uniformita’ falza u inġusta. Kull persuna u kull poplu iżommu l-karatteristiċi kulturali tagħhom. Dan huwa l-mod kif il-Knisja tarrikkixxi ruħha. Ħadd m'hu sinjur biżżejjed li m’għandu bżonn xejn u ħadd ma huwa tant fqir li m’għandu xejn x’joffri.

Itlob: Mulej, inti m’għandekx fruntieri, barrieri, kulturi. Inti trid issir wirt il-bnedmin kollha akkwist ta’ kull min ifittxek. Mulej nixtieq narak ċar, ħa nħobbok iżjed, naqdik aħjar, nintrabat miegħek b’aktar qawwa!

Agħmel: Jekk il-kewkba hi Ġesu’ nnifsu, għandna nneħħuha mill-presepji tagħna? Le! Ħa nikkontemplaw l-kewkba u nuruha lit-tfal tagna, waqt li nispjegawlhom li l-kewkba mhijiex kewkba fis-smewwiet, imma hija Ġesu’. Huwa d-dawl li jdawwal lil kull bniedem (San Ġwann 1:9). Huwa “il-Kewkba tiddi ta’ filgħodu” (Apokalissi 22, 16)


Il-Familja Mqaddsa ta’ Ġesu’, Marija u Ġużeppi

1 Samwel 1:20-22.24-28; Salm 83; 1 San Ġwann 3:11-2.21-24

Aqra’:  Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skont id-drawwa ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh. Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. Kif rawh, instamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma”. U hu qalilhom: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?”. Iżda kliemu ma fehmuhx. Imbagħad niżel magħhom u raġa’ mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha. U hekk Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.

Riflessjoni: Hemm ħafna tixbieh bejn il-ġrajja ta’ meta Ġużeppi u Marija tilfu lil Ġesu’ u mbagħad sabuh fit-tempju, u l-ħajja spiritwali tagħna. Fil-bidu tal-ġrajja, Ġużeppi u Marija huma kuntenti.  Fl-aħħar, wara numru ta’ snin, setgħu jmorru Ġerusalemm biex iqimu lil Alla li kienu jħobbu fuq kollox. Kienu mimlija bil-paċi u l-ferħ ta’ Alla. Hekk inkunu aħna meta nkunu viċin ta’ Alla u l-Knisja tiegħu, Ġerusalemm il-ġdida tagħna.

Imma huma u sejrin lura d-dar, żgur li Marija u Ġużeppi ma ndunawx li kienu bil-mod il-mod qed jitbiegħdu minn Ġesu’. Distratti kif kienu bil-kumpanija ta’ qrabthom u ħbiebhom, ma ndunawx li Ġesu’ ma kinx magħhom. Ħafna drabi aħna nkunu distratti b’dak li jidher li hu tajjeb, meta fir-realta’ nkunu qegħdin nitbegħdu minn dak li huwa l-iktar importanti.

Huwa diffiċli biex nindunaw meta xi ħaġa tkun qed tieħu over il-ħajja interjuri/spiritwali tiegħek. Għalhekk Ġesu’ qalilna biex nitolbu – ħalli nitgħallmu nagħtu l-attenzjoni xierqa lil dan l-aspett importanti ta’ ħajjitna li ħafna drabi nitraskuraw.

Meta nieqfu nirriflettu, għandu mnejn nieħdu shock bħalma ma ġralhom Marija u Ġużeppi meta qalu: “Fejn hu Ġesu’?!” Għaliex sinċerament inkunu qegħdin naħsbu li qiegħed magħna, imbagħad ma nsibuhx. Ma nindunawx li konna qed nitbegħdu minnu bil-mod il-mod. Issa Ġesu’ jinsab mitluf, jew aħjar aħna nħossuna mitlufin. Ġesu’ qiegħed fejn ikun dejjem: fid-dar tal-Missier, fit-tempju ta’ Alla li huwa aħna stess.

Itlob: Ma’ Marija ngħożżu f’qalbna dawn il-ħwejjeġ kollha.

Agħmel: Jekk tinduna li tinsab ‘il bogħod min Ġesu’ taqtax qalbek! Dan huwa parti mill-vjaġġ spiritwali tagħna li jikkonsisti filli jkun hemm mumenti meta ngħarfu li għandna lil Ġesu’ magħna, mumenti meta nitilfu lil Ġesu’, mumenti meta nfittxu lil Ġesu’, mumenti meta nsibu lil Ġesu’, u mumenti fejn nerġgħu niskopru mill-ġdid min hu Ġesu’ għalina.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.