Formazzjoni

L-Agostinjani minn dejjem kienu impenjati fil-qasam tal-istudji. Diversi minnhom ħadmu u qegħdin jaħdmu kemm fl-Università, hawn Malta u barra minn Malta, kif ukoll f’diversi istituzzjonijiet kulturali.

“Ta’ min wieħed ifakkar element li aħna ngħarfu bħala partikolari, jew kważi, tal-għerf tal-Ordni Agostinjan, fil-kapaċità tiegħu li jmexxi ‘l quddiem l-appostolat intellettwali… Għandkom f’idejkom wirt imprezzabbli ta’ S. Wistin, u quddimkom għandkom tradizzjoni li ma taqtax ta’ studji… għaldaqstant ma tistgħux tiċħdu milli tkunu preżenti fil-qasam reliġjuż u kulturali.” (Pawlu VI, Ittra lill-Pirjol Ġenerali O.S.A. fl-okkażjoni tal-Kapitlu Ġenerali, 14 ta’ Settembru 1977).

L-Ordni Agostinjan, sa mit-tnissil tiegħu fis-seklu XIII, ispira ruħu mill-esperjenza u l-għerf ta’ S. Wistin, tant li għamel mill-istudju parti mill-kariżma tiegħu għas-servizz tal-Evanġelju. L-ewlenin aħwa Agostinjani sabu posthom fl-ibliet universitarji ewlenin (Pariġi, Bolonja, Padova, Oxford, Cambridge, Salamanca…) sabiex jagħtu kontribut xieraq fil-oqsma differenti tal-għerf. F’bosta postijiet l-Agostinjani waqqfu univsersitajiet u kulleġġi superjuri sabiex jagħtu kontribut għal soċjetà aktar umana.

L-istudju jkun kemm dak tal-arti u tax-xjenzi, kemm ekklesjali u sekulari, għall-benefiċju tal-Knisja, bħala agostinjani u bħala soċjetà umana. L-istudju ma hux mifhum bħala attività temporanja li tispiċċa maż-żmien tal-formazzjoni inizjali, imma hija attitudni permanenti ta’ riflessjoni fuq ir-realtà u b’mistoqsijiet inteliġenti.

Illum ukoll, l-Agostinjani jagħtu s-sehem tagħhom, ispirati mill-ħsieb ta’ S. Wistin, li l-bniedem jagħmel minn ħajtu esperjenza ta’ tfittxija interjuri tal-Verità. Diversi aħwa tal-Provinċja kellhom l-opportunità li japprofondixxu, f’Universitajiet diversi barra minn Malta, oqsma differenti ta’ studji ekkleżjastiċi (fosthom: teoloġija, filosofija, morali, skrittura, storja tal-Knisja, patroloġija, spiritwalità, pastorali taż-żgħażagħ…), soċjali (pedagoġija, psikoloġija, xjenzi soċjali…) u umanistiċi (arti, mużika, letteratura…).

Fost il-kontribuzzjonijiet tal-Provinċja Agostinjana fil-qasal akkademiku u kulturali, insibu l-Istitut Patristiku għall-Istudji u r-Riċerka, il-Pubblikazzjonijiet Agostinjani, il-Pastorali ta’ djalogu kulturali.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.