Rabat

rabat_3.jpg

L-ewwel żminijiet tal-Agostinjana fir-Rabat

Għalkemm mhux magħruf eżatt meta l-patrijiet tagħna bnew l-ewwel kunvent tagħhom qrib l-Imdina, hu żgur li fis-sena 1429 dawn kienu diġa’ jeżistu. Wisq probabbli l-preżenza tal-Agostinjani fir-Rabat tmur lura għat-tmiem tas-seklu XIV.
F’Lulju 1551, il-flotta Torka ta’ madwar 140 ġifen tal-gwerra niżlet fil-port ta’ Marsamxett u bla telf ta’ żmien ġibdet lejn ir-Rabat. Malta kienet għadha mingħajr fortifikazzjonijiet minkejja li l-Ordni ta’ San Ġwann kienu ilu Malta mill-1530. Il-Maltin, meta raw li ma kien hemm ħadd li seta’ jiddefendihom sewwa kontra l-qawwa tat-Torok, inġabru wara l-ħitan tal-Imdina bil-ħsieb li minn hemm ikunu jistgħu jiddefendu ruħhom. Il-kunvent tal-Agostinjani, daqs tefa’ ta’ ġebla l-bogħod mis-swar tal-Imdina, seta’ jservi bħala bażi għall-ħbit kontra l-belt. Il-poplu ħareġ mill-Imdina u qered għal kollox il-kunvent u l-knisja tal-Agostinjani. Il-ħwejjeġ tal-knisja u tas-sagristija (inklużi oġġetti oġġetti prezzjużi), kif ukoll dawk tal-kunvent (ħwejjeġ tal-patrijiet, il-librerija u l-arkivju) intilfu.
Hekk il-patrijiet tilfu kollox saħansitra l-ġebel u l-injam tal-kunvent u tal-knisja. B’dan il-mod, il-patrijiet sfaw mingħajr provi dwar dak kollu li kien tagħhom. Kienu sfaw bla post fejn jgħammru u jgħixu l-ħajja reliġjuża u komunitarja minħabba li dan il-kunvent kien l-uniku wieħed li dak iż-żmien, l-Agostinjani kellhom f’Malta (dak t’Għawdex kien zgħir ħafna u ma kienx addattat biex jilqa’ fih ukoll il-patrijiet ta’ Malta).
Wara sitt snin jiġġerrew minn post għal ieħor, fosthom fl-Isptar ta’ Santu Spirtu, fir-Rabat. L-Agostinjani damu hemm sakemm fl-1555 ingħataw mingħand il-Kapitlu Kattidrali il-kappella ta’ San Mark Evanġelista fuq is-Saqqajja, bi ftit kmamar u kuriduri mitluqa u mkissra. Wara li akkwistaw il-permessi kollha meħtieġa, il-bini tal-knisja l-ġdida beda fuq id-disinn tal-arkitett Malti Ġlormu Cassar u l-ewwel ġebla tal-knisja tqiegħdet fl-1556. Il-bini tal-knisja tlesta fis-sena 1588.
rabat_2.jpg

Il-bini tal-kunvent tal-lum

Wara ftit inqas minn mitejn sena preżenza fit-tieni kunvent fuq is-Saqqajja, inħass il-bżonn li l-parti l-kbira mill-kunvent kellha tiġi mibnija mill-ġdid minħabba li kienet ġarrbet ħafna ħsara. Għaldaqstant, fil-kapitlu li sar fil-15 ta’ Marzu 1739, il-patrijiet kollha qablu li jibnu kunvent ġdid – it-tielet wieħed fuq is-Saqqajja.
Wara ħafna konsultazzjonijiet f’Ruma, fosthom mal-Valvasorio, ġie rakkomandatat il-pjanta magħmula mill-perit Andrea Belli speċjalment minħabba li d-disinn għandu qisien tajbin ħafna filwaqt li jsalva partijiet mill-pjanta l-qadima. Id-disinn ta’ Belli tqis bħala l-aħjar wieħed anke għall-fatt li kien joffri ambjent eċċellenti għall-istudju, li kien sa minn dejjem meqjus bħala aspett mill-aktar importanti fil-ħajja agostinjana. Infatti minn żminijiet bikrija, dan il-kunvent kien meqjus bħala wieħed tajjeb u adattat biex jilqa’ fih żgħażagħ li riedu jħaddnu l-Ordni Agostinjan. Il-komunità, minbarra l-ħidma pastorali ordinarja, kellha wkoll il-missjoni tat-tagħlim kemm ta’ numru ta’ kjeriċi kif ukoll ta’ xi lajċi. Kien ukoll il-post tan-novizzjat għal dawk iż-żgħażagħ li kienu qegħdin iħejju ruħhom għall-professjoni.
Il-pirjol ħa hsieb jakkwista l-permessi meħtieġa mingħand il-Gran Mastru Despuig biex iħott u jibni mill-ġdid il-kunvent. Ix-xogħol beda fis-26 ta’ Awwissu 1740 filwaqt li l-ewwel ġebla tqegħdet fil-5 ta’ Ottubru. Ix-xogħol tal-bini f’dan il-perjodu dam aktar biex tlesta minħabba diversi kwistjonijiet li kienu qegħdin jinqalgħu. Madankollu, bil-għajnuna tal-Kurja Ġeneralizja Agostinjana f’Ruma, irnexxilhom jirbħu kull ostaklu.
rabat.jpg

Minn żmien il-Franċiżi sallum

Mal-wasla u l-okkupazzjoni tal-Franċiżi fil-Gżejjer Maltin, l-ordnijiet reliġjużi f’Malta ġew soppressi u ma setax ikollhom aktar minn kunvent wieħed. B’xorti ħażina, il-patrijiet Agostinjani thallewlhom biss il-kunvent ta’ Għawdex li dak iż-żmien ma tantx kien f’kundizzjoni sabiħa. Il-kunvent tar-Rabat kif ukoll dak tal-Belt għaddew f’idejn il-Franċiżi b’kulma kien fihom. Minħabba li r-reliġjużi kollha tar-Rabat u tal-Belt ma setgħux jinġabru fil-kunvent ta’ Għawdex, il-maġġoranza marru joqgħodu mal-familji tagħhom.
Bil-ħidma ta’ P. Pietru Pawl Laferla OSA, il-knisja u l-kunvent kienu mogħtija lura lill-patrijiet fl-24 ta’ Diċembru 1798, wara li dawn kienu okkupati mill-Franġiskani Konventwali. Hekk kif rritornaw lura, il-patrijiet Agostinjani reġgħu bdew isebbħu lil dan it-tempju kien li ġie mneżża’ minn kull fidda u deheb, filwaqt li inbdew numru ta’ proġett ta’ tiġdid u tisbiħ.
Fis-16 ta’ Mejju 1893, il-komunità aċċettat d-disinn għall-prospettiva ġdida fil-kor tal-knisja magħmul mill-artista Giovanni Galdes u approvat mill-perit Galizia. B’hekk tneħħa wiehed miż-żewġ kwadri titulari li kienu maġenb xulin: dak ta’ Santu Wistin magħmul minn id Mattia Preti (1694) tqiegħed fis-sagristija. Il-kwadru titulari ta’ San Mark Evanġelista, probabilment magħmul għas-sena 1604 minn dixxiplu tal-pittur ruman Girolamo Muziano, tħalla fejn kien. Taħtu tqiegħedet statwa ta’ rħam ta’ Santu Wistin magħmula minn Paolo Triscornia (1894). L-Artal Maggur tal-knisja kien ikkonsagrat mill-Isqof Gaetanu Pace Forno OSA fid-9 ta’ Ottubru 1869 u mill-Isqof Giovanni M. Camilleri OSA fis-26 ta’ Gunju 1906.
Il-kunvent ta’ San Mark ma serviex biss biex il-patrijiet Agostinjani jgħixu l-ħajja komunitarja tagħhom, kif mitluba fir-Regula ta’ Santu Wistin. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, ir-Rabat kien l-aktar post imfittex minn dawk kollha li xtaqu jfittxu kenn mill-bombi tal-qawwa Ġermaniża. Biex l-edukazzjoni ma tiġix affetwata, il-Gvern ħaseb biex isib postijiet biex jużahom bħala skola.
F’Ottubru 1940, il-kuriduri t’isfel tal-kunvent bdew jintużaw bħala skola tas-subien. Fil-21 ta’ Jannar 1941, minflok it-tfal tal-iskola u iddaħħlu 300 refuġjat raġel. F’waqtiet oħrajn tal-gwerra l-kunvent inbidel f’maħżen kbir li ġabar fih l-għamara ta’ ħafna mir-refuħjati li kienet waqgħetilhom id-dar. Sa Ġunju 1942, il-kunvent tal-Agostinjani fir-Rabat kien ghadu ma ntlaqatx bil-kbir bħal dak tal-Belt, għalkemm sofra xi ħsarat żgħar, fi ksur ta’ ħġieġ u twieqi. Nhar il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù, fit-12 ta’ Ġunju 1942 ġrat l-akbar disgrazzja. Waqt ħbit mill-ajru, fl-9.45pm, intefgħet bomba qawwija u laqtet u kissret għal kollox id-dar ta’ quddiem it-tieqa kbira tar-refettorju, fi Triq il-Kbira. Il-ġebel ta’ dik id-dar milquta u xi bċejjeċ tal-bomba taru għal fuq in-naħa tar-refettorju u għamlu ħsara kemm lir-refettorju kif ukoll fil-professorju li jiġi fuqu. B’xorti t-tajba, il-patrijiet antiċipaw il-ħin tal-ikel sabiex jilħqu jmorru jaqdu d-doveri liturġiċi tagħhom. Madankollu, dak inhar, wieħed mill-istudenti, li kien marid, tilef ħajtu minħabba li ma kellux il-forza biżżejjed biex jinżel jistkenn.

Il-missjoni tal-komunità tar-Rabat

Wara l-gwerra, il-kunvent tar-Rabat kompla jaqdi l-ministeru tiegħu biex jagħti formazzjoni lil dawk iż-żgħażagħ li xtaqu li jħaddnu l-Ordni Agostinjan, kif ukoll biex jagħti servizz pastorali lin-nies li jiffrekwentaw il-Knisja ta’ San Mark. Illum, barra li tingħata formazzjoni umanistika, spiritwali u agostinjana f’dan il-kunvent, l-istudenti jsegwu wkoll studju akkademiku jew vokazzjonali skond iż-żmien tal-formazzjoni li jkunu qegħdin fih.
 
Bħalissa f’dan il-kunvent għaddej wkoll programm ta’ restawr u apprezzament tal-wirt kulturali marbut ma’ dan il-kumpless arkitettoniku mill-isbaħ. Bħala reliġjużi inħossu d-dmir li naqsmu mal-poplu dak li għaddewlna missirijietna b’tant sagrifiċċju, nikkultivawh u niskopru mill-ġdid il-valur evanġeliku tiegħu, hekk kif espress fl-arti, fl-arkitettura, kif ukoll f’kull mezz ta’ djalogu u encounter mad-dinja kulturali permezz ta’ inizjattivi kulturali fil-kunvent stess.

Din il-komunità tagħti s-servizz tagħha f’diversi realtajiet oħrajn tal-Provinċja, fosthom fil-Baħrija, fil-Kappella tal-Palazz tal-President fil-Buskett. 

© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.