Spiritwalità Agostinjana

santu-wistin_spir.jpg

L-Ordni ta’ Santu Wistin illum huwa frott ta’ aktar minn 750 sena ta’ storja. Matul il-medda taż-żmien, issawret skola ta’ spiritwalità li tat kontribut fil-formazzjoni tal-ħajja nisranija f’għaqda sħiħa mal-Knisja. L-ispiritwalità tal-Ordni ta’ Santu Wistin tista’ tixxebbah ma’ siġra kbira li l-friegħi tagħha jitferrxu fuq medda ta’ sekli u f’bosta pajjiżi. Il-quċċata tagħha għadha timraħ fil-għoli biex tikseb meded ġodda. Fl-istess waqt l-għeruq sodi tagħha jinżlu fil-fond u li jiksbu l-ħajja minn tlett nixxigħat: il-moviment eremitiku, il-ħajja reliġjuża mendikanti, l-esperjenza ta’ Santu Wistin

“L-għan tal-Ordni jikkonsist f’dan: illi magħqudin għalenija fl-imħabba ta’ aħwa u ħbiberija spiritwali, infittxu li nagħtu qima lil Alla u naħdmu fis-servizz tal-poplu tiegħu. B’dan il-mod naqsmu fil-Knisja l-ħidma tal-evanġelizazzjoni u nwasslu l-Aħbar it-Tajba fid-dinja kollha “sabiex nkunu nistgħu nitrasformaw id-dinja mill-qalba tagħha. Din hi x-xhieda tagħna.

Sabiex dan kollu nistgħu nilħquh

  • Tingħata priorità lill-konsagrazzjoni tagħna lil Alla permezz tal-voti reliġjużi, li minnhom il-ħajja komunitarja tagħha u l-attività appostolika inixxu daqslikieku minn għajn.
  • Nieħdu sehem fil-qima lil Alla bħala espressjoni ta’ fidi li naqsmu ma’ dawk l-aħwa li jfittxu lil Alla.
  • Ngħixu l-ħajja komuni perfetta.
  • Nippromwovu l-esperjenza ta’ Alla permezz ta’ ħajja interjuri u l-istudju.
  • Inwettqu l-attività appostolika skont il-ħtieġa tal-Knisja u tas-soċjetà.
  • Ningħataw b’dedikazzjoni għax-xogħol, kemm dak intellettwali kif ukoll dak manwali, għall-ġid tal-komunità” (Kostituzzjonijiet OSA, 14).

“Il-pedament tal-ħajja Agostinjana jinsab fil-ħajja komuni, li fiha l-aħwa kollha jaqsmu mal-oħrajn dak kollu li huma, jibnu triq lejn Alla fis-servizz lejn l-oħrajn, u fil-komunjoni tal-ġid kollu tagħhom, jipperfezzjonaw lilhom infushom permezz tad-don tal-grazzja divina. Hekk fil-ħajja tagħhom juru l-misteru tat-Trinità u tal-Knisja, filwaqt li juru minn issa fuq din l-art ir-realtà tat-tama futura fid-dar tal-Missier” (Kostituzzjonijiet OSA, 6)

PDF REGOLA


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.