Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

It-Tieni Ħadd il-Għid

Atti tal-Appostli 5:12-16; Salm 117, Apokalissi 1:9-11a.12-13.17-19; San Ġwann 20:19-31

Aqra’: Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”. Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.

Riflessjoni: Il-paċi hija teżor li dejjem nixxenqu għaliha fina nfusna, fil-familji tagħna, fis-soċjeta’ tagħna. Għax x’sens fiha l-ħajja jekk ma ngħixux fis-sliem u l-paċi. Il-ġlied, il-gwerer kull ma jġibu ħafna tbatija lil ħafna nies. Bħalissa li qed naraw quddiemna ta’ kuljum l-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna...tbatija enormi, mewt ta’ nies innoċenti, għandna xewqa kbira li ssaltan il-paċi fid-dinja. Imma l-paċi donna tidher ‘il bogħod. U kultant toħroġ il-karba minn qalbna: Mulej fejn inti f’dan kollu? Imma hemm bżonn li nibqgħu nemmnu: “Ħenjin dawk li ma rawx u emmnu”. Ħafna drabi ma narawx il-Mulej fiċ-ċirkostanzi iebsin tal-ħajja. Illum qed naraw lil Ġesu’ li minkejja li rebaħ id-dnub u l-mewt, fil-ġisem glorjuż tiegħu għadu jġorr il-marki tal-ġrieħi tal-passjoni li ġew mill-ħażen tal-bniedem...mill-għira, mir-regħba, mis-suppervja, mill-għatx għall-poter, mit-tradiment. Il-Mulej rxoxt jaf bil-konsegwenzi li jġib il-ħażen ta’ xi bnedmin fuq bnedmin oħra. Irridu nkomplu nemmnu li l-Mulej jinsab ma’ min qed ibati. Ma nifhmux, ma narawx, imma rridu nibqgħu nemmnu. Ħenjin dawk li ma jarawx u jemmnu. Inkomplu nitolbu għall-paċi u nagħmlu li nistgħu biex inkomplu ngħinu lil dawn in-nies li qegħdin ibatu.

Itlob: O Ġesu’ l-iktar ħanin, Inti d-Dawl tad-dinja kollha. Ilqa’ fil-kenn tal-Qalb Tiegħek kollha ħniena l-erwieħ ta’ dawk li s’issa għadhom ma jemmnux Fik jew ma jafukx. Agħmel lir-raġġi tal-grazzja Tiegħek idawwluhom, sabiex huma wkoll, flimkien magħna, ifaħħru l-għeġubijiet tal-ħniena Tiegħek; u la tħallihomx jitbiegħdu mill-Qalb l-iżjed Ħanina Tiegħek.

Agħmel: Kieku aħna wkoll nafdaw ftit iżjed lil xulxin, kieku ma nkejlux il-ġejjieni biss bl-imgħoddi, kieku nemmnu li bidu ġdid hu possibli għal kulħadd..kieku l-paċi mhix il-lussu li rrendejnieha.


Ħadd il-Għid

Atti tal-Appostli 10:34.37-43; Salm 117, Kolossin 3:1-4; San Ġwann 20:1-9

Aqra’: F’dak iż-żmien, Pietru qabad jitkellem u qal: “Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien xandar il-magħmudija; tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu. U aħna xhud ta’ dak kollu li hu għamel fl-art tal-Lhudija u f’Ġerusalemm. Tawh il-mewt billi dendluh mal-għuda tas-salib; imma Alla qajmu mill-imwiet fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd, imma lix-xhieda li Alla għażel minn qabel, lilna, li miegħu kilna u xrobna wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet. Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li dan hu dak li Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin. Il-profeti kollha jixhdu għalih u jgħidu li kull min jemmen fih jaqla’ l-maħfra tad-dnubiet bis-saħħa ta’ ismu”.

Riflessjoni: L-esperjenza ta’ San Pietru u ta’ l-appostli l-oħra li kellhom il-grazzja li “jieklu u jixorbu” ma’ Ġesu’ hija esperjenza unika u rrepetibli. Madanakollu biex tkun xhieda ta’ Kristu, mhux bilfors li tkun imxejt fiżikament ma’ Ġesu’ ta’ Nażaret fit-toroq tal-Palestina. San Pawl, li lanqas hu ma kien jaf lil Ġesu’ personalment - kien imsejjaħ biex ikun xhud ta’ dak li ra (Atti 26:16) u jirċievi l-missjoni mingħand il-Mulej: “Kif tajt xhieda għalija f’Ġerusalemm, hekk ukoll jeħtieġ li tagħti xhieda f’ Ruma” (Atti 23:11). Ix-xhieda mhix li nagħtu eżempju tajjeb. Dan bla dubju huwa bżonnjuż, imma x-xhieda hija xi ħaġa oħra. Din tista tingħata biss min xi ħadd li għadda mill-mewt għall-ħajja; xi ħadd li jista jikkonferma li l-ħajja tiegħu tbiddlet u ħadet sens meta kienet imdawwla mid-dawl ta’ l-Għid; xi ħadd li għamel l-esperjenza li l-fidi fi Kristu tagħti tifsira lill-mumenti ta’ ferħ u lill-mumenti ta’ dwejjaq, u d-ddawwal kull mument li jgħaddi minnu ikun x’ikun. Jekk qalbna hija miftuħa biex nifhmu l-Iskrittura, aħna nkun nistgħu naraw lill-Mulej.

Itlob: Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu! Ħa jgħidu wlied Israel: “Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.

Agħmel: Ħa nistaqsu lilna nfisna: Il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesu’ huwa punt ta’ referenza fil-proġetti kollha li nagħmlu, meta mmorru nixtru, meta nbiegħu, meta niddjalogaw, meta niġu biex naqsmu l-wirt, meta nagħżlu li jkollna tarbija oħra...jew nemmnu li r-realtajiet ta’ din id-dinja m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-Għid? Xi ħadd li jkun “ra” lill-Mulej ma jagħmel xejn iktar mingħajru.


Ħadd il-Palm

Isaija 50:4-7; Salm 21; Filippin 2:6-11; San Luqa 22:14-23:56

Aqra: Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug....Imbagħad Ġesu’ għajjat għajta kbira u qal: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi”. U kif qal hekk, ħarġet ruħu.

Riflessjoni: Nhar Ħadd il-Palm tibda l-Ġimgħa Mqaddsa. Għaliex Ġesu’ kellu jmut? X’iġifieri li huwa ssagrifika ħajtu għalina? Minn liema jasar ħelisna meta ħalla lilu nnifsu f’idejn dawk li sallbuh fuq is-salib? Ir-raġuni għal din il-mibegħda li kellhom għalih dawk li salbuh kienet għax Huwa kien jidher bħala d-dawl tad-dinja. Ir-raġġi ta’ dan id-dawl tiegħu li daħlu fid-dlam tad-dinja kienu qawwija. Dawn huma raġġi li nifdu l-qalb ta’ nies sempliċi, u imlewhom bil-ferħ u t-tama, imma dejqu nies oħra. Ġesu’ ppropona wiċċ ġdid ta’ Alla. Mhux iktar Alla li jaqta s-sentenzi, imma Alla li jsalva lil kull persuna. Huwa ppropona wiċċ ġdid tal-bniedem, billi qaleb il-valuri ta’ din id-dinja: għalih il-bniedem kbir mhuwiex dak li jirbaħ u jiddomina, imma dak li jservi lill-ħutu l-bnedmin. Ippropona reliġjon ġdida. Mhux iktar reliġjon ta’ riti, imma reliġjon “fl-ispirtu u l-verita’”. Ippropona soċjeta’ ġdida fejn l-ewwel jiġu il-foqra, id-dgħajfa u l-emarġinati. Ġesu’ ma fittix li jmut fuq is-salib, imma biex jevita din il-mewt ħarxa, kien ikollu jirrinunzja dawn il-proposti kollha, kien ikollu jgħalaq ħalqu, jadatta ruħu mal-mentalita’ ta’ żmienu, iċedi għar-rebħa tal-ħażen, u jabbanduna għal dejjem il-bnedmin f’idejn il-“prinċep ta’ din id-dinja”. Kieku għamel hekk, kien ikun falla fil-missjoni tiegħu. Matul din il-Ġimgħa Mqaddsa m’aħniex mistiednin li noqogħdu nitnikktu għall-mewt ta’ Ġesu’, imma li niċċelebraw il-ħelsien li ġabilna bl-għotja ta’ ħajtu lilna.

Itlob: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int lilna l-bnedmin tajtna eżempju ta’ umilta’ meta ridt li s-Salvatur tagħna jsir bniedem bħalna u jieħu l-mewt tas-salib; fil-ħniena tiegħek, agħtina li s-sabar tiegħu jkun ta’ tagħlim għalina u li jistħoqqilna nissieħbu miegħu fil-qawmien għall-ħajja

Agħmel: Matul din il-ġimgħa mqaddsa ħa nirriflettu u nistaqsu lilna nfusna: “Huwa jien li qed nopponi is-Saltna tiegħek Mulej? Huwa jien li mhux qed naċċetta il-wiċċ ġdid ta’ Alla, ir-reliġjon il-ġdida, il-wiċċ ġdid tal-bniedem, u s-soċjeta’ l-ġdida li pproponejt int?”

 


Il-Ħames Ħadd tar-Randan Sena C

Isaija 43:16-21; Salm 125; Filippin 3:8-14; San Ġwann 8:1-11

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imma l-għada qabel is-sebħ raġa’ mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom. Imbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs u qalulu: “Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. Issa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?”. Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh. Imma Ġesù tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla”. U raġa’ tbaxxa jikteb fit-trab. Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ. Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs. Qam dritt u qalilha: “Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?”. “Ħadd, Sinjur”, qaltlu. “Mela anqas jien ma nikkundannak”, qalilha Ġesù. “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed”.

Riflessjoni: Illum is-silta tal-vanġelu qed tiftħilna għajnejna biex noqogħdu attenti li ma mmorrux biex ngħattu n-nuqassijiet u d-dnubiet tagħna, niffukaw fuq d-dnubiet ta’ ħaddieħor. Hekk jagħmlu grupp ta’ fariżej u għalliema tal-liġi li jġibu mara quddiem Ġesu’ u l-folla, jiddikkjaraw li hi nqabdet fl-adulterju u jgħidu li l-kastig li titilob il-Liġi ta’ Mose kien li din tkun imħaġġra għall-mewt. Aħna wkoll ġili nkunu moħħna f’xulxin..nitkazaw, nakkużaw. Insibuha diffiċli nħennu, niskużaw naħfruha ‘l xi ħadd. Pronti wisq biex nippuntaw subgħajna, nattribwixxu ntenzjonijiet ħżiena, nikkritikaw u nikkundannaw. Forsi ma nitfgħux ġebel lejn dak li f’għajnena hu ħażin, imma ninfamaw, niżolaw, ngħidu kliem iebes, ngħidu kontra dak li jkun. Saħansitra nippruvaw niġbdu lill-Mulej magħna fil-kundanni tagħna lejn min f’għajnejna huwa ħażin: “Issa, inti xi tgħid?”  Il-Mulej iffakarna li lkoll noqogħdu fi djar tal-ħġieġ, ilkoll mnissla fid-dnub, ilkoll inklinati għall-iżball. Ħadd minna ma jista jitfa’ ġebel jew kundanni lil ħadd. Ħadd mhu perfett. Ħadd mhu qaddis. Ħadd mhu bla dnub. F’dawn is-sentejn ta’pandemija drajna bil-maskra. Jalla ma nkunux qegħdin nilbsu maskra li turi dak li m’aħniex meta nippruvaw nilagħbuha ta’ qaddisin. Hemm xi ħadd li jara wiċċna minn fuq il-maskra. Quddiemu ma ninħbewx:  “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla”. 

Itlob: Nitolbu biex aħna nagħrfu li l-akbar dnub tagħna huwa meta nippretendu li aħna aħjar mill-oħrajn. 

Agħmel: “Ejjew nieħdu bis-serjeta’l-fatt li aħna nsara, u nħabirku biex ngħixu bil-fidi, għax hekk biss l-Evanġelju jista’ jmiss il-qalb tal-persun u jiftaħha biex tilqa’ l-grazzja tal-imħabba, biex tilqa’ din il-ħniena kbira ta’ Alla li tilqa’ lil kulħadd” (Papa Franġisku, 30 ta’ Jannar 2016)


Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan Sena C

Ġożwe’ 5,9a,10-12; Salm 33; 2 Kor 5,17-21; Luqa 15,1-3,11-32

Aqra: Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Dak qallu: ‘Hawn ħuk u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ’. Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. Iżda hu qal lil missieru: ‘Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen’. Qallu missieru: ‘Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’”.

Riflessjoni: Min jaħseb li hu “tajjeb” iktar minn ħaddieħor jorbot idejn Alla. Il-kburi jorbot idejn Alla u ma jħalliħx iħenn għalih. Alla jaħdem ma’ l-umli. Imma llum anke jekk taħseb li inti “tajjeb” iktar minn ħaddieħor, qed tasallek l-Aħbar it-Tajba. Anke jekk għandek il-mentalita’ li jekk tagħmel it-tajjeb tieħu l-premju u jekk tagħmel il-ħażin trid tieħu l-kastig, qed tasallek l-Aħbar it-Tajba. Bħalek kien jaħsibha l-Iben il-kbir tal-parabbola.  Imma dan mhux il-mod kif jaħsibha Alla. Imma llum qed tara kif il-Missier Alla huwa ħanin miegħek ukoll, u ser joħroġ Hu jiltaqa miegħek. U minkejja li inti ħa tgħidlu li Huwa nġust meta jitratta lil- “ħażin” bħal ma jitratta lilek, Hu ser jgħidlek dak il-kliem tant sabieħ: “Ibni inti dejjem miegħi u li huwa tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab”. Ma nafux it-tifel il-kbir x’għamel...daħalx għal festa jew le. Imma inti li taħseb li inti “tajjeb”, aktar mill-oħrajn, inti x’ser tagħmel? Ħa tibqa tgħir, tirrabbja, tippretendi jew ħa tifrah li wieħed minn ħutek ġie lura għand il-Missier?

Itlob: Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom, u ma jkollkomx għax tistħu. Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu, u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. (Salm 33)

Agħmel: Hi x’inhi s-sitwazzjoni li tinsab fiha: jekk inti l-bogħod minn Alla jew taħseb li inti “tajjeb” aktar minn ħaddieħor...agħmel kuraġġ, qum u mur lura għand Alla il-Missier li jismu Ħniena, ħalli dduq u tara kemm hu tajjeb il-Mulej!


It-Tielet Ħadd tar-Randan Sena C

Eżodu 3:1-8a.13-15; Salm 102; 1 Korintin 10: 1-6.10-12; San Luqa 13:1-9

Aqra’: F’dak iż-żmien, ġew xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom. U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom. Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda”. U qalilhom din il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx. Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa: ‘Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha! Għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?’. Iżda dak wieġbu: ‘Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha’”.

Riflessjoni: Fil-vanġelu tal-lum Ġesu’ juża żewġ ġrajjiet li ġraw fi żmienu biex bihom jagħmel sejħa għall-konverżjoni. Il-messaġġ tal-parabola tas-siġra tat-tin huwa ċar: mingħand dawk li semgħu il-messaġġ tal-vanġelu, Alla jistenna frott tajjeb. Ma jridtx prattiċi reliġjużi esterni, imma jfittex egħmejjel ta’ mħabba.

San Luqa, l-evanġelista tal-ħniena, idaħħal fil-parabbola sena oħra ta’ stennija, qabel l-intervent definittiv. Huwa jippreżenta lil Alla li huwa paċenzjuż, jittolera d-dgħufija tagħna l-bnedmin, inkluż l-ebusija tar-ras u tal-qalb.

Din l-atitudni madanakollu, m’għandhiex tinfthiem bħala li wieħed għandu jkun indifferenti għall-ħażen. Mhuwiex li naċċettaw it-traskuraġni, l-indifferenza u s-superfiċjalita’. Iż-żmien fil-ħajja huwa wisq prezzjuż biex nistgħu nitilfu mqar mument wieħed. Kif wieħed jara d-dawl ta’ Kristu huwa għandu jaċċettah u jimxi warajh mill-ewwel.

Il-parabbola hija stedina biex nikkunsidraw ir-Randan bħala żmien ta’ grazzja, bħala żmien prezzjuż ġdid li huwa mogħti lis-siġra tat-tin (lil kull persuna) biex tagħti l-frott.

Itlob: Mulej taqlagħnix. Kompli iftaħli għajnejja. Kun iebes miegħi kemm hemm bżonn. Imma żommni fl-għalqa tiegħek.

Agħmel: Ħu deċizjoni serja u urġenti: ikkonverti! Għarbel ħajtek, indem u dur lejn Alla


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.