Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

Ir-Raba’ Ħadd ta’ l-Avvent. Sena Liturġika C

Mikea 5:1-4a; Salm 79; Lhud 10:5-10; Luqa 1:39-45

Aqra’: F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej”.

Riflessjoni: Kulfejn tidħol Marija – l-Arka l-ġdida tal-Patt - ikun hemm splużjoni ta’ ferħ: il-Battista jaqbeż bil-ferħ, Eliżabetta tinfexx f’għajta kbira meta l-Mulej iżurha f’Marija, il-fqar jifirħu għax iż-żmien tal-ħelsien tagħhom kien wasal. Li tilqa’ lill-Mulej li ġej ma jfissirx li ma tibqax tkun ferħan, imma li tiftaħ il-bibien għall-ferħ veru. Marija hija msejħa hienja għax emmnet kullma bagħat jgħidilha l-Mulej. Il-fidi vera – bħalma kellha Marija – m’għandhiex bżonn tara u tivverifika. Hija bbażata fuq is-smigħ tal-Kelma. Il-fidi turi ruhha meta dak li jemmen jagħmel dak li din il-Kelma tgħidlu biex jagħmel bla ebda kundizzjoni. Irid ikollok ħafna kuraġġ biex temmen li l-wegħdiet li Alla jagħmel lill-bennejja tal-paċi, lil dawk li ma jpattux deni b’deni, lil dawk li joffru ħajjithom għall-imħabba, ser iseħħu. Marija turina li minkejja li ma nifhmux kif il-Mulej qiegħed jaħdem fina u bina, jagħmel sens li nibqgħu nafdaw dejjem fil-kliem tal-Mulej: “Ħienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha” (Luqa 11:28). Marija emmnet li l-Mulej ma jiġix għand min hu perfett imma għand min hu konvint li għandu bżonnu.

Itlob:  Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-salvatur tiegħi. Għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja. Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar.

 Agħmel: Nagħtu każ x’irid Alla minna fl-għażliet li nagħmlu ta’ kuljum.


It-Tielet Ħadd ta’ l-Avvent. Sena Liturġika C

Sofonija 3:14-18a; Is 12:2-6; Filippin 4:4-7; San Luqa 3:10-18

Aqra’: F’dak iż-żmien, in-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?”. U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”. Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?”. U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu”. Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?”. U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom”.

Riflessjoni: Il-Ħadd li għadda Ġwanni l-Battista stedinna biex naraw kif inhi r-relazzjoni tagħna ma’ Alla jekk irridu nħejju ruħna għall-miġja tal-Messija. Huwa ħeġġiġna nbiddlu ħsibijietna u għemilna biex niksbu l-maħfra tad-dnubiet (Lq 1:3). Illum huwa jiffoka fuq ir-relazzjoni li għandu jkollna mal-proxxmu. Imħabba, solidarjeta’, qsim tal-ġid ma’ l-oħrajn, tneħħija ta’ inġustizzji u abbużi mill-poter huma l-kliem prinċipali tad-diskors tiegħu. Wieħed ma jistax jgħid li l-Battista ma kinx ċar fi kliemu. It-talb u d-devozzjonijiet huma tajbin, sakemm mhux użati biex naħarbu mid-dmir tagħna li naqsmu l-ġid ma’ min hu fil-bżonn. Aħna ninġabru biex nitolbu, nkantaw, imma meta nintalbu li naqsmu mal-oħrajn il-ġid li għandna ...l-entużjażmu reliġjuż ġili malajr jgħib. Hemm ħafna ferħ li mhux nisrani. Ġwanni l-Battista juri t-triq li timla l-qalb b’ferħ veru: li nħejju għall-miġja ta’ Kristu billi naqsmu l-ġid mal-fqar u billi niċħdu kull forma ta’ abbuż ta’ poter u kull nuqqas ta’ sinċerita’ ma’ l-aħwa. Il-ferħ nisrani huwa ferħ li jaħseb f’ħaddieħor.

Itlob: Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar; ħa jkun dan magħruf mal-art kollha. Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f’ Sijon, għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Israel.

Agħmel: Inħabirku biex ikollna l-ferħ li jġib l-Ispirtu ta’ Kristu. Naraw x’nistgħu nagħmlu biex niksbu u nkabbru l-ferħ nisrani kull fejn nkunu.


It-Tieni Ħadd ta’ l-Avvent. Sena Liturġika C

Baruk 5:1-9; Salm 125; Filippin 1:4-6.8-11; San Luqa 3:1-6

Aqra’: Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka tal-artijiet tal-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta’ Abileni, fiż-żmien meta l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir kien f’idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert. U ġie fl-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet, kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta’ Iżaija:
“Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.
Kull wied jimtela,
kull muntanja u għolja titbaxxa,
il-mogħdijiet mgħawwġa jiddrittaw,
u t-triqat imħarbta jitwittew.
U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla!”.

Riflessjoni: Aħna qegħdin fl-Avvent. Il-Vanġelu qiegħed iħeġġiġna biex inħejju t-triq għall-miġja tal-Mulej f’ħajjitna. Iridna nindmu, nikkonvertu, jew biex nifthiemu ninbidlu. X’qed nagħmlu għall-ħajja ta’ dejjem? Hi triqtna l-onesta’? Il-ħlewwa? Il-bżulija? Qed nistinkaw biex neħilsu minn dnubna? Qed infiequ minn dak kollu li qed jostakolalna l-laqgħa tagħna ma’ Ġesu’? Il-Vanġelu jispiċċa hekk: “Il-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla!” Din hija l-akbar offerta li ġiet magħula lilna l-bnedmin. Il-Knisja llum, messaġġiera ta’ din l-offerta mwegħda ‘il fuq minn elfejn sena ilu, qegħda tagħmililna llum ukoll. X’se nagħmlu jien u int? Ħa nħejju ħajjitna għal Ġesu’ ħaj li twieled għalina, billi nindmu?

Itlob: Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom! Kbir f’għemilu l-Mulej magħna! U aħna bil-ferħ imtlejna.

 Agħmel: Itlob lil Alla biex ifassal lil ħajtek b’tali mod li tagħti glorja lilu: “U jien dan nitlob: li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bl-għerf u b’kull dehen, biex tistgħu tagħrfu tagħżlu l-aħjar, u mbagħad tkunu safja u bla ebda ħtija fil-jum ta’ Kristu, mimlijin bil-frott tal-ġustizzja li ġejja permezz ta’ Ġesù Kristu, għall-glorja u l-foħrija ta’ Alla.” (Filippin)


L-Ewwel Ħadd ta’ l-Avvent. Sena Liturġika C

Ġeremija 33:14-16; Salm 24; 1 Tessalonkin 3:12; 4:2; San Luqa 21:25-28,34-36

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ikun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru xi jkun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.

Riflessjoni: Tentazzjoni kbira li tiġina hija li nċedu quddiem id-dnub li donnu jaħkem id-dinja: “Mhemmx x’tagħmel”, igħidu xi wħud, “l-ħażen madwarna huwa b’saħħtu wisq: ġuħ, konflitti, inġustizzji, mibegħda...donnhom ser jibqgħu magħna għal dejjem”. Mhux hekk biss, imma anke fil-ħajja personali tagħna ngħaddu minn fallimenti, miżerji, dgħufijiet u vizzji. Il-passjonijiet jaħkmuna u ħafna drabi insibuna nagħmlu kompromessi li jnikktuna. Biżgħat, delużjonijiet, rimorsi, esperjenzi mhux sbieħ jagħmluha diffiċli għalina li nitbissmu. Huwa possibli li jerġa jkollna fiduċja fina nfusna u fl-oħrajn? Jista’ xi ħadd jerġa jagħtina s-serenita’, il-fiduċja u l-paċi?

Ma’ hemm l-ebda tip ta’ jasar li l-Mulej ma jistax jeħlisna minnu. Ma’ hemm l-ebda abbiss ta ħtija li Huwa ma jistax itellgħana minnu. Huwa jistenniena ngħarfu l-kundizzjoni tagħna, u nduru lejh bil-kliem tas-salmista: “Minn qiegħ l-art insejjaħlek Mulej”. Il-mument li nħallu lil Alla jiġi f’ħajjitna, inħallu l-Avvent iseħħ f’ħajjitna, titwieled dinja ġdida għalina.

Itlob: Triqatek, Mulej, għarrafni, il-mogħdijiet tiegħek għallimni. Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni, għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

Agħmel: “Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għall-għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”.

 


Sidna Ġesu’ Kristu, Sultan tal-Ħolqien kollu

Danjel 7:13-14; Salm 92; Apokalissi 1:5-8; Ġwanni (18:33b-37)

Aqra’: F’dak iż-żmien, Pilatu sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?”. Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok, jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?”. Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?”. Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn”. Pilatu qallu: “Mela int sultan?”. U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”.

Riflessjoni: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja”. Hekk qal Ġesu’ lil Pilatu. Is-saltniet kollha ta’ din id-dinja huma mnebbħa mill-kompetizzjoni bejniethom. Ġesu’qaleb ta’ taħt dawk il-prinċipji li jmexxu s-saltniet tad-dinja, meta poġġa fuqnett mhux il-poter, imma s-servizz. Daħal kriterju ġdid, dak tal-qalb umana li tħoss għall-oħrajn, bil-kuntrarju tal-kattiveriji li jsiru fid-dinja. Is-Saltna ta’ Kristu ma ssaltanx fuq spazju geografiku. Mhijiex bbażata fuq turija ta’ forza u ma tikkonsistix f’ħakma. Il-membri ta’ din is-saltna la huma suldati, la lsiera, u lanqas sudditi, imma hija saltna ta’ dawk kollha li bil-magħmudija għandhom is-saċerdozju komuni. Dawn huma msejħa biex joffru b’ħajjithom sagrifiċċji milqugħa minn Alla, iġifieri għemejjel ta’ mħabba. Dan huwa l-unika kmand li huma jirċievu mis-Sultan tagħhom. Ir-rebħa tiegħu hija żgura u kulħadd għad jaraha, anke jekk mhijiex it-tip ta’ rebħa kif il-popli jistennew li tkun. Huwa ma jumiljax lill-egħdewwa tiegħu, ma jikkundannax lil “dawk li kienu nifduh” (Apokalissi 1:7), imma jirbaħhom billi jbiddlilhom qlubhom. Ilkoll għad jgħarfu dnubiethom u jduru lejn imħabbtu. Din hija l-unika tip ta’ rebħa li il-komunitajiet insara għandhom jistennew.

Itlob: Hu l-Mulej, Hu l-Mulej. Kull irkoppa tmil. Kull ilsien jistqarr li Hu, Hu l-Mulej.

Agħmel: Għad li mhix ta’ din id-dinja, is-saltna ta’ Kristu qiegħda wkoll fid-dinja. Hi magħmula mill-bnedmin, u trid tikber u tagħti l-frott fost il-bnedmin li qegħdin jgħixu fi żminijiet u pajjiżi konkreti. Wieħed jidħol fis-saltna ta’ dejjem skont ma jkun ħadem biex tinbena s-saltna ta’ Alla fuq l-art. Ħa nħabirku biex inwasslu l-verita’, naħdmu kontra l-vjolenza u nxerrdu l-paċi, neqirdu l-mibegħda u l-egoiżmu, u nġibu t-tjieba u l-imħabba.


It-33 Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Danjel 12:1-3; Salm 15; Lhud 10:11-14; Mark 13:24-32

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Wara jiem ta’ dwejjaq kbar, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja. U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema. Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix. Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier”.

Riflessjoni: Quddiem l-inġustizzji li jsiru fid-dinja, gwerer, problemi ekonomiċi u soċjali, tibdil fil-klima...jinħoloq inkwiet u dwejjaq. Xejn mhu ċert fid-dinja tal-llum. Quddiem din ir-realta’ inċerta, xi wħud jirribellaw, oħrajn jaqtgħu qalbhom u jaħsbu li wasal it-tmiem ta’ kollox anke tal-fidi. Kif ser ninvolvu ruħna fl-istorja tad-dinja, bi dwejjaq u biża’, jew b’impenn u b’tama? Ġesu’ għallimna kif għandna nħarsu lejn dawn ir-realtajiet: “Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib” (Luqa 21:28). F’dak kollu li jiġri madwaru, meta “l-ħolqien kollu jitniegħed bl-uġiegħ tal-ħlas” (Rumani 8:22), in-nisrani għandu jħejji ruħu għall-ġrajja ta’ ferħ: it-twelid ta’ umanita’ ġdida. Id-destin tad-dinja huwa f’idejn Alla, allura ħa nħarsu ‘l fuq.   

Itlob: Int Mulej ma titlaqnix fl-imwiet, ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar (Salm 15). Ejja, Mulej Ġesu’!

Agħmel: ‘Ejja, Mulej Ġesu’’ hi talba qawwija. Ipprova itlobha regolarment u tista’ tistenna li tiltaqa ma’ ħafna opportunitajiet biex taqdi lil Ġesu’ f’ħafna nies u f’ ħafna postijiet. B’dan il-mod tkun qed tagħmel il-parti tiegħek li tħaffef it-tieni miġja ta’ Ġesu’ u twessa’ ssaltna tiegħu fuq l-art.

 

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.