Ġustizzja u Paċi

“… jeħtieġ li nisimgħu bir-reqqa kollha l-ħtiġijiet tal-Knisja u tas-soċjetà, u nagħtu l-għajnuna tagħna sabiex il-mistoqsijiet imqajma minn fost dawk li magħhom naħdmu ikunu jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar u solvuti aktar malajr. Fost dawn wieħed jista’ jsemmi: il-ħarsien tal-ħajja, id-drittijiet tal-bniedem, is-sitwazzjoni tal-immigranti, id-dinjità tal-mara, il-protezzjoni taż-żgħażagħ, il-ġustizzja u l-paċi, ordni ekonomiku aktar bilanċjat, il-ħarsien tan-natura, eċċ. Għaldaqstant, is-superjuri, fil-ġurisdizzjoni rispettiva tagħhom, għandhom jippromwovu dawk l-attivitajiet li jwasslu lill-komunitajiet u lir-reliġjużi għal sehem akbar fil-ħidma tal-Knisja u tas-soċjetà ċivili, speċjalment ma’ organizazzjoni non-governattiv (NGO) tal-Ordni fil-Ġnus Magħquda”, Kostituzzjonijiet tal-Ordni ta’ Santu Wistin, nru. 185.

L-għan tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi fi ħdan l-Ordni Agostinjan hija li tippromwovi l-paċi permezz tal-ġustizzja. Il-Papa Pawlu VI, fit-tagħlim tiegħu, jistqarr li jekk irridu ngħixu fil-paċi irridu nissieltu sabiex ikollna l-ġustizzja. Il-ġustizzja hija s-sinjal viżibbli li qed iseħħ ir-rieda ta’ Alla fit-twettiq tal-kmandament il-ġdid ta’ Ġesù sabiex inħobbu lil proxxmu tagħna kif ħabbna hu stess. B’dan kollu f’moħħna, il-membri tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi għandha l-għan li tinkoraġġixxi lill-insara sabiex jimxu fuq dan il-kmandament tal-Mulej u titfa’ dawl fuq dawk is-sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja, fejn il-paċi hi nieqsa, ħafna drabi minħabba nuqqas ta’ affarijiet bażiċi: nuqqas ta’ kenn, ikel, edukazzjoni… Għal dan il-għan il-Kummissjoni taħdem sabiex dawn ir-realtajiet ikunu magħrufa l-ewwel u qabel xejn fost il-membri tagħha, imma wkoll permezz ta’ attivitajiet varji li ikunu organizzati perjodikament.

Ħafna realtajiet fejn hemm inġustizzja u nuqqas ta’ paċi mhumiex magħrufa fostna, minkejja l-fatt li Malta hija pajjiż ċkejken. Numru ta’ nies għaddejjin minn żminijiet u sitwazzjonijiet diffiċli. Din hi r-raġuni għaliex membri tal-Ordni ta’ Santu Wistin huma impennjati f’dan il-qasam, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom fil-Knisja u fost ordnijiet reliġjużi oħrajn. Dan huwa sinjal ta’ fraternità u ta’ għaqda l-ewwel u qabel xejn fost l-insara stess, kemm kattoliċi kif ukoll ta’ denominazzjonijiet oħrajn.

B’dawn l-għanijiet quddiem għajnejha, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tagħti għajnuna lill-insara sabiex jagħmlu l-pass meħtieġ ħalli jgħinu lil min hu fil-bżonn, jitimgħu lil min hu bil-ġuħ u bil-għatx, ilibbsu lil min qiegħed fil-bżonn, iżuru lil min jinsab fil-ħabs, u jagħtu kull forma ta’ assistenza oħra possibbli. Dan kollu isir LIL Ġesù u mhux GĦAL Ġesù. B’dawn il-prinċipji fundamentali, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Provinċja Agostinjana maltija tagħti s-sehem tagħha għal bini ta’ dinja aħjar.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.