Storja tal-Provinċja

User Rating: 0 / 5

Star InactiveStar InactiveStar InactiveStar InactiveStar Inactive
 

Diffiċli wieħed jgħid b’ċertezza meta r-reliġjużi Agostinjani waslu Malta. Madanakollu nistgħu ngħidu li l-preżenza tagħhom teħodna lura għat-tieni nofs tas-seklu XIV, għax dan hu l-perjodu li l-għejjun storiċi jindikaw b’ċertezza: fl-arkivji ġenerali tal-Ordni għandna l-ewwel referenza għal reliġjuż agostinjan malti, ċertu Fra Franġisk ta’ Malta (+1416) f’reġistru ġenerali tal-1386. Dokumenti oħra li nstabu f’Palermo juru li l-Agostinjani kellhom preżenza f’Malta fl-1412.

Jeżistu evidenzi li l-Agostinjani kienu jieħdu ħsieb is-santwarju marjan fil-Mellieħa. Minħabba l-biża’ mill-kursari, probabilment kienu ħallew dan is-santwarju. Huwa fatt ċert li l-Agostinjani batew u tilfu l-monasteru tagħhom fir-Rabat u kulma kienu jippossedu matul l-assedju Tork tal-1429.

L-Agostinjani fis-seklu XVI

Reġgħu bnew kunvent ieħor frontespicio contra et prope civitatem quantum est jactus lapidis(tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mill-ħitan tal-belt tal-Imdina) Dan il-kunvent twaqqa’ mill-Maltin f’Lulju 1551 waqt li t-Torok kienu se jattakkaw l-Imdina. Ir-raġuni li twaqqa’ kienet li l-kunvent kien viċin ħafna l-ħitan tal-belt u li t-Torok setgħu jużawh bħala pjattaforma biex jidħlu l-Imdina. F’din il-ġrajja hekk ta’ swied ta’ qalb, l-Agostinjani reġgħu tilfu kollox.

L-Agostinjani kellhom jistennew sat-28 ta’ Awissu 1555 biex akkwistaw mingħand il-Kapitlu tal-Kattidral tal-Imdina l-kappella żgħira ta’ San Mark u ftit djar imġarrfa li kienu jmissu magħha fuq is-Saqqajja, barra l-Imdina. Din id-data hi importanti fl-istorja tal-Agostinjani f’Malta għax hija meqjusa bħala l-bidu ġdid tal-preżenza solida tal-Agostinjani f’Malta u Għawdex li mingħajr interruzzjonijiet waslet sal-lum.

Il-kunvent attwali, ġawhra arkittetonika, jeħodna għal-nofs is-seklu XVIII u Andrea Belli kien il-moħħ wara din il-kostruzzjoni barokka tant sabiħa. Bil-mod il-mod, il-kunvent ’il barra mill-Imdina, illum ir-Rabat, sar il-qalb tal-preżenza Agostinjana, il-post tal-formazzjoni u l-iskola filosofika u teoloġika tal-Ordni f’Malta. Kien ingħata t-titlu ta’ conventus maior u għal żmien twil (1515-1614) il-membri tal-komunita gawdew il-privileġġ rari li jagħżlu l-pirjol tagħhom. Fl-1602, il-Pirjol Ġenerali Ippollitu ta’ Ravenna sejjaħlu domus celeberrima.

Ħafna agostinjani li ngħataw għall-istudji u li servew barra minn Malta, b’mod speċjali fi djar tal-Ordni fl-Italja, kollha bdew l-istudju tagħhom f’dan il-kunvent: Mons. Gejtanu Pace Forno, Arċisqof ta’ Malta (1858-1874), Mons. Pawlu Micallef, Pirjol Ġenerali tal-Ordni (1859-1863), isqof ta’ Città di Castello (1863), Amministratur għad-Djoċesi ta’ Għawdex (1866-1867) u Arċisqof ta’ Pisa u Primat ta’ Sardinja (1871-1883), Mons. Giovanni M. Camilleri, isqof ta’ Għawdex (1889-1924) u l-Eminenza Tiegħu Kardinal Prospero Grech huma ftit fost il-ħafna Agostinjani Maltin li ddistingwew ruħhom u li huma magħrufin għall-għerf, għall-ispiritwalita u s-servizz lill-Knisja.

L-Agostinjani fil-Belt Valletta u Għawdex

Fl-1566, wara l-Assedju l-Kbir ta’ Malta, il-Gran Mastru Jean de la Valette, iddeċieda li jibni Belt Kapitali ġdida. Fl-1571 kien iffirmat kuntratt li fih l-Agostinjani kienu ngħataw “kwartier” sħiħ biex ikunu jistgħu jibnu kunvent u knisja. Aktar tard, fl-1763, il-bini qadim twaqqa’ u minfloku nbena kunvent spazjuż u knisja maestuża b’forma ta’ salib grieg li hija unika f’Malta. Il-kumpless kollu ntemm fl-1794. Matul it-tieni gwerra dinjija, partijiet mill-kunvent u mill-knisja nqerdu għal kollox mill-bombi Ġermaniżi, imma reggħu ġew mibnija mill-ġdid.

Ma’ dawn iż-żewġ kunventi prinċipali, irridu inżidu wkoll dak ta’ Għawdex. Ma nafux eżatt meta nbena l-ewwel kunvent fil-gżira Għawdxija. Huwa magħruf li fl-1533 il-bini twaqqa’ u nbena ieħor ġdid biex jaqdi aħjar il-ħtiġijiet tal-komunità. Bejn 1660 u 1717 tkabbru kemm il-knisja u kemm il-kunvent.

Il-patrijiet Agostinjani li kienu jieħdu ħsieb il-kappella tal-Madonna tad-Duluri f’Tal-Pietà (1617-1652) u tal-Madonna tal-Virtù (1659). Matul il-ħakma Franċiża, il-kunventi tal-Belt u r-Rabat tneżżgħu mill-ġid kollu tagħhom u kellhom ibaxxu rashom quddiem l-ordnijiet despotiċi tal-awtoritajiet li serqulhom il-libertà reliġjuża u l-ġid kollu tagħhom.

Il-Provinċja Agostinjana Maltija

Fl-1788 ir-re Ferdinandu taż-Żewġ Siċilji ordna li l-kunventi kollha li kienu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu ma kellhomx jibqgħu jiġu mmexxija mill-Pirjol Ġenerali f’Ruma. Bħala reazzjoni, fl-1790, iż-żewġ kunventi ta’ Malta u l-ieħor ta’ Għawdex saru Provinċja awtonoma b’ordni tal-Pirjol Ġenerali Stiefnu Bellesini.

Madanakollu, dan id-digriet qatt ma daħal fis-seħħ għax ma kienx approvat mis-Santa Sede u b’konsegwenza it-tliet kunventi Maltin reġgħu waqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Provinċja ta’ Sqallija. Fl-1801 il-Kummissarju Ingliż bagħat avviż lill-isqof lokali u lill-Ordnijiet Reliġjużi li l-Kuruna Ingliża ma tirrikonoxxix superjuri barranin. Meta l-patrijiet intebħu li l-osservanza reliġjuża kienet f’riskju, fl-1817 talbu lill-Papa Piju VII biex jaċċetta li t-tliet kunventi Maltin isiru Provinċja Awtonoma.

B’digriet tal-14 ta’ Settembru 1817, Septimus Rotelli, Vigarju Ġenerali tal-Ordni, waqqaf il-Provinċja Agostinjnana Maltija bit-titlu ta’ Provinċja ta’ San Mark.

Ħidma Edukattiva u Kunventi Ġodda

30 sena wara t-twaqqif tal-Provinċja Agostinjana, eżattament fl-1848, il-Provinċjal ta’ dak iż-żmien u aktar tard Arċisqof ta’ Malta Mons. Gejtanu Pace Forno, waqqaf skola biex imexxi ’l quddiem l-edukazzjoni kulturali, ċivili u reliġjuża taż-żgħażagħ Maltin, b’mod speċjali ta’ dawk it-tfal li kienu ġejjin minn familji foqra. Din l-ewwel skola sekondarja b’xejn għas-subien f’Malta twaqqfet fil-kunvent tal-Belt Valletta.

Sa minn dak iż-żmien, l-Agostinjani f’Malta taw u għadhom jagħtu kontribut siewi fil-qasam edukattiv b’impenn sħiħ. L-ideal ta’ Mons Pace Forno għadu ħaj fil-Kulleġġ Santu Wistin li jinsab f’Tal-Pieta’ u fil-Marsa fejn l-edukazzjoni tiġi mgħallma fuq il-prinċipji tal-pedagoġija Agostinjana.

Minn dak iż-żmien sallum, l-Agostinjani wessgħu l-preżenza tagħhom f’lokalitajiet diversi Fis-seklu XX waqqfu l-kunventi ta’ Santa Rita (f’San Ġiljan), tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb (f’Paceville), San Nikola ta’ Tolentino (f’Ħal Tarxien). Fl-1968, l-Arċisqof M. Gonzi waqqaf il-Parroċċa ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta.

Mal-bidu tal-millennju l-ġdid, l-Agostinjani bdew proġett pastorali ġdid f’Paceville: il-Millennium Chapel u l-WOW (Wishing Others Well) li hu proġett spiritwali u soċjali immexxi mill-Fondazzjoni Millennium Chapel. Twaqqfu ukoll diversi gruppi lajkali ta’ ispirazzjoni agostinjana (Lajċi Agostinjani, gruppi ta’ żgħażagħ, gruppi ta’ talb madwar il-Kelma t’Alla…).

Mill-2015 l-Agostinjani qegħdin jagħtu s-servizz pastorali tagħhom fil-komunità tal-Baħrija.

Għas-servizz tal-Knisja Universali – il-Missjonijiet

L-ispirtu missjunarju, huwa parti essenzjali mill-ħajja Agostinjana u kienu diversi il-patrijiet li ħadmu f’artijiet tal-missjoni.

  • L-ewwel passi missjunarji

L-ewwel Agostinjan Malti li nafu bih, Franġisku minn Malta, wettaq il-ħidma tiegħu fi Sqallija. Reliġjuż ieħor, Mons. Emanuel Farrugia (+1770), wara li temm l-istudji tiegħu, mar bħala missjunarju fl-Indja. Hu nħatar Prefett Appostoliku tar-reġjun tal-Indja Portugiża u wara nħatar Vigarju Ġenerali ta’ Maliapur.

 

  • Il-Missjoni matul iż-żmien

Fil-bidu tas-seklu XX, il-patrijiet Agostinjani Irlandiżi li kienu waqqfu l-Ordni Agostinjan fl-Awstralja kienu talbu u qalgħu li xi aħwa Maltin jmorru jgħinuhom f’dak il-kontinent enormi.

Wara ħafna taħbit, fl-1930, il-qaddej ta’ Alla, il-Pirjol Ġenerali Klement Fuhl akkwista mis-Santa Sede l-awtorizzazzjoni biex l-Ordni jidħol fil-belt ta’ Ippona, l-art li fuqha Santu Wistin serva lill-Knisja bħala isqof. Fuhl ħalla f’idejn il-Provinċja Agostinjana Maltija biex tieħu f’idejha din il-missjoni. L-ewwel Agostinjani Maltin waslu hemm fil-1933. Għall-grazzja t’Alla, minkejja l-bdil kbir li sar f’dan il-pajjiż, il-preżenza Agostinjana għadha ħajja sallum.

Fl-1948, l-Agostinjani issetiljaw ukoll fit-Tuneżija u baqgħu hemm sa l-1981. Diversi Agostinjani Maltin, speċjalment wara t-Tieni Gwerra dinjija marru jgħinu lill-Viċi-Provinċja Taljana ġewwa Philadelphia u l-inħawi (USA). Din il-kollaborazzjoni baqgħet għaddejja sa tmiem is-snin sittin.

Sa mill-1978 ir-reliġjużi Maltin ħadmu fil-kunvent u l-knisja ta’ Santu Wistin f’Katanja, servizz li ngħata sa 2006.

L-Agostinjani taw qalbhom bil-preżenza missjunarja tagħhom fil-Brażil. Kien fl-1962 li l-Agostinjani Maltin bdew il-missjoni tagħhom f’din l-art immensa u minn dak iż-żmien sallum l-evanġelizzazzjoni u l-ħidma soċjali kienu bla waqfien bl-għajnuna wkoll ta’ gruppi missjunarji ta’ żgħażagħ li telgħu l-Brażil kull sena, liema ħidma ssir bil-ko-ordinazzjoni tas-Segraterjat għall-Missjonijiet Agostinjani.

Billi fl-2014 d-diversi realtajiet tal-missjoni fil-Brażil minn Provinċji differenti iffurmaw Provinċja waħda bl-isem ta’ Santa Monika, s-Segretarjat għall-Missjonijiet Agostinjani fittex postijiet oħra tal-missjoni fejn issir din l-esperjenza u ħidma missjunarja. Matul dawn l-aħħar snin l-esperjenzi missjunarji saru fil-Mozambique u l-Kenja.

Mill-2010, sehem ieħor li qiegħed jingħata fil-missjoni ad gentes huwa permezz ta’ Agostinjan Malti fil-missjoni f’Kuba.

Studji u Kultura

L-Agostinjani minn dejjem kienu mpenjati fil-kultura u fil-qasam tal-istudji. Diversi mimmhom ħadmu u qiegħdin jaħdmu kemm fl-universita’, hawn malta u barra minn Malta, kif ukoll f’diversi istituzzjonijiet kulturali. Fis-sena 1986 ġie mwaqqaf l-Istitut Agostinjan biex iservi bħala ċ-Ċentru Kulturali Agostinjan għar-Riċerka u Studji. Wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ dan l-Istitut huwa li jxerred it-tagħlim ta’ Santu Wistin u jagħmel magħrufa t-tradizzjoni Agostinjana.

 

Ta’ kull sena, minn Settembru sa Diċembru, dan l-Istitut jorganizza kors għall-poplu. Kontribut ieħor għall-kultura kemm ċivili kif ukoll reliġjuża huma t-traduzzjonijiet li l-Provinċja Agostinjana Maltija qed tagħmel tal-opri ta’ Santu Wistin, kif ukoll studji speċjalizzati fuq dan id-duttur tal-Knisja.

 

Fil-Kapitlu Provinċjali tal-2010, il-Kunvent tar-Rabat ingħata l-missjoni li joħloq spazji u opportunitajiet fejn jista’ jsir djalogu bejn il-fidi u l-kultura. Dan sar ukoll fl-2014 fil-Kunvent tal-Belt Valletta.


© 2017 agostinjani.org. All Rights Reserved.