Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

Is-26 Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Numri 11:25-29; Salm 18; San Ġakbu 5:1-6; San Ġwann 9:38-43.45.47-48

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġwanni qal lil Ġesù: “Mgħallem, wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna”. Imma Ġesù qal: “La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. Għax min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna.

Riflessjoni: In-nisrani kultant jaħseb li jinsab miexi waħdu fit-triq li urieħ Kristu u jinkwieta; imma kieku kellu jgħolli għajnejh u jħares madwaru, jinduna li hemm bnedmin oħrajn ġenerużi u sinċiera li mexjin fl-istess triq. Jistagħġeb u jistaqsi lilu nnifsu kif ma ndunax bihom qabel.  Jista jkun li ma rahomx qabel għax kellu għajnejh mgħottija bil-velu oħxon tal-preżunzjoni li jaħseb li l-uniku veru dixxiplu huwa hu. L-għira ma ħallitux jagħraf it-tajjeb li jagħmlu dawk li huma differenti minnu. Fil-vanġelu naraw li l-appostli kienu kburin li kienu jappartjenu għall-grupp partikulari. Lil Ġesu qalulu: “ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna”. Preżunzjoni bħal din waslithom biex jemmnu li kienu għedewwa ta’ Kristu dawk li ma kienux jaħsbuha bħalhom kienu għedewwa ta’ Kristu. “Il-kburija għax tappartjeni għall-grupp partikulari hija perikoluża: għax il-membri ta’ dak il-grupp jibdew jaħsbu li huma biss għandhom żelu qaddis...żelu li fil-verita’ jkun qed jaħbi egoiżmu, u nkapaċita’ li jammettu li t-tajjeb jeżisti wkoll barra mill-istruttura reliġjuża li huma jappartjenu għaliha. Ġesu’ jgħallimna li għandna nieħdu gost bit-tajjeb jagħmlu min jagħmlu. 

Itlob: Mulej għinna negħlbu l-peġudizzji, l-esklużiviżmu, l-għeluq reliġjuż. Int tħobbna lkoll Mulej, u fuq kull bniedem ixxerred xrar mit-tjubija tiegħek.

Agħmel: Ieqaf ippretendi li kulħadd huwa bħalek, li inti biss tagħmel it-tajjeb u li biex issalva trid tkun fl-għaqda li fiha tinsab int! Tkomplix taħseb li l-verita qegħda kollha f’idejk!


Il-25 Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Għerf 2:12.17-20; Salm 53; San Ġakbu 3:16-4:3; San Mark 9:30-37

Aqra’: Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?”. Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar. Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd”. U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni”.

Riflessjoni: “Meta kienu d-dar staqsiehom”. “Id-Dar” tirrapreżenta l-Komunita’ Nisranija. F’din “id-Dar” min jokkupa l-ewwel post irid iwarrab kull xewqa li jkun hu l-akbar. Il-Knisja hija l-post fejn kull wieħed u waħda mill-insara jagħraf id-doni li tah Alla, u jiċċelebra l-kobor tagħhom billi jużahom b’umilta’ għas-servizz lill-oħrajn. F’għajnejn Alla, l-ikbar wieħed huwa dak li l-iktar jixbaħ lil Kristu, li huwa l-qaddej ta’ kulħadd (Lq 22:27).

Biex jwassal b’iktar qawwa dan il-messaġġ, Ġesu’ jagħmel ġest sinifikanti: ‘U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili”’. Fi żmien Ġesu’, it-tfal kienu maħbuba, imma ma kellhomx importanza fis-soċjeta’. Mill-aspett ta’ liġi ma kienux rikonoxxuti, u kienu meqjusa ukoll li mhumiex safja għaliex jonqsu minn dak li kienet titlob il-liġi. Jekk inżommu dan il-fatt f’moħħna, nifhmu iktar il-għala Ġesu’ għamel dan il-ġest. Ġesu’ jrid li l-komunita’ tad-dixxipli tiegħu ipoġġu fiċ-ċentru ta’ l-attenzjoni u ta’ l-isforzi tagħhom lill-ifqar fost il-fqar, lil dawk li ma jgħoddux fis-soċjeta’, lill-emarġinati, lil dawk li mhumhiex safja.

Mhux faċli tħaddan bniedem li ta’ xi erbgħin sena li għad għandu bżonn jiġi mwieżen bħal tifel żgħir..wieħed li ma jġibx ruħu sewwa man-nies, itellef l-ħajja ta’ ħaddieħor, mhux responsabbli. “Tħaddan” ma jfissirx li tapprova l-imġiba ta’ bniedem bħal dan u tissaportja l-imġieba ħażina tiegħu, imma li tedukah, tgħinu jikber.  Fil-komunitajiet tagħna issib “tfal” minn dawn. Irridu nammettu li “it-tifel” jinsab f’ kull wieħed u waħda minna. Li nħaddnu lil xulxin huwa ġest ta’ aċċettazzjoni ta’ xulxin bil-ferħ, b’fiduċja, b’rispett, b’rieda li nservu.

Itlob: Mulej, ħaddanna bejn dirgħajk, kif għamilt lil dak it-tifel ċkejken u għallimna nilqgħu lilek, il-fehmiet tiegħek, it-toroq tiegħek.

Agħmel: Aħseb fuq l-importanza li jpoġġi Ġesu’ fl-attitudni tiegħek li sservi lill-oħrajn, u agħmlu fil-prattika, fil-ħajja tiegħek.

 

 

 


L-24 Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Isaija 50:5-9a; Salm 114; San Ġakbu 2:14-18;San Mark 8:27-35

Aqra’: Ġesu’ Sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu?”.

Riflessjoni: “Jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja”. Dawn huma it-tliet ordnijiet li n-nisrani irid jagħmel jekk jrid ikun dixxiplu veru ta’ Ġesu’.

Meta Ġesu’ jgħid: “Jiċħad lilu nnifsu” ifisser li d-dixxiplu jrid jieqaf jaħseb dwaru nnifsu. Dan huwa kontra kull loġika tad-dinja. Il-bniedem għandu fl-għerq ta’ qalbu t-tendenza li jaħseb fih innifsu, li jkun fi-ċentru tal-interess, li jfittex li kollox ikun għall-vantaġġ tiegħu u jinjora lill-oħrajn. Minn jagħżel li jkun dixxiplu ta’ Kristu huwa msejjaħ li jiċħad l-egoiżmu tiegħu u jieqaf jagħmel għażliet li jkunu għall-vantaġġ tiegħu. Id-dixxiplu li jieqaf jaħseb fih innifsu jħobb mingħajr ma jistenna xejn lura.

Meta Ġesu’ jgħid: “jerfa’ salibu”, mhux qed jgħid li wieħed joqgħod ibati bil-paċenzja t-toqol u l-uġiegħ tal-ħajja bħala mezz kif id-dixxiplu jogħġob lil Alla. In-nisrani ma jfittixx it-tbatija, imma l-imħabba. Is-salib huwa sinjal ta’ l-imħabba ta’ Alla u d-don tiegħu nnifsu lilna. Li ġġorr is-salib wara Ġesu’ tfisser li d-dixxiplu jagħmel minnu nnifsu servizz għall-oħrajn, anke jekk dan jista jwasslu saħansitra sal-martirju.

Meta Ġesu’ jgħid: “jimxi warajja”, mhux qed jgħid “ħa jkun ta’ mudell għalih”, imma qed jgħid li d-dixxiplu jkollu sehem fil-għażla tal-Imgħallem, jagħmel tiegħu il-proġett ta’ l-istess Imgħallem, u jirriskja ħajtu miegħu għall-imħabba tal-bnedmin.

Itlob: Il-ħbula tal-mewt dawruni, l-irbit tal-imwiet ħakimni; fin-niket u l-hemm sibt ruħi. Imma isem il-Mulej sejjaħt: “Mulej, nitolbok, salvani!”

Agħmel: Aħseb għalfejn inti timxi wara Ġesu’. Jgħinek li tiftakar f’dawn ir-raġunijiet meta ssib ruħek tbati u trid tagħmel sagrifiċċji biex timxi warajh?


It-23 Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Isaija 35:4-7a; Salm 145; San Ġakbu 2:1-5; San Mark 7:31-37

Aqra’: Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa: “Agħmlu l-ħila, la tibżgħux! Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas; il-ħlas ta’ Alla wasal; hu stess ġej biex isalvakom”. Imbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja, jinfetħu widnejn it-torox. Imbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ. Iva, igelgel l-ilma fid-deżert, u l-widien fix-xagħri.L-art maħruqa tinbidel f’għadira, u l-art niexfa f’għejun ta’ ilma ġieri.

Riflessjoni: Fit-Testment l-Antik, l-iktar fil-Ktieb tad-Dewteronomju u fuq l-ilsien tal-Profeti insibu dejjem din l-istedina: “ Isma’, O Iżrael” (Dewteronomju 6:4); “O bniedem, qum fuq riġlejk, ħa nkellmek” (Eżekjel 2:4). Li ma tismax dan il-leħen huwa dnub kbir. Il-Profeta Żakkarija jakkuża lill-poplu tiegħu b’dan il-kliem: “Iżda huma ma ridux jagħtu widen, tawni daharhom, saddew widnejhom li ma jmorrux jisimgħu, u webbsu qalbhom daqs id-djamant biex ma jobdux il-liġi u l-kliem tal-Mulej ta’ l-eżerċti li kien bagħat bl-ispirtu tiegħu permezz tal-profeti ta’ l-imgħoddi” (Żakkarija 7:11-12). Il-Profeta Ġeremija jsejjaħ lil Iżrael “poplu iblah u bla moħħ! Għandhom għajnejn u ma jarawx; għandhom widnejn u ma jisimgħux” (Ġeremija 5:21). Il-Mulej jistenna mill-poplu tiegħu li jobdi u jgħix skont il-Kelma tiegħu, imma jiddiżappunta ruħu: “O bniedem, int qiegħed ma’ nies ta’ rashom iebsa; għandom l-għajnejn biex jaraw, imma ma jarawx; għandhom il-widnejn biex jisimgħu imma ma jisimgħux; għax huma nies ta’ rashom iebsa”. Dan il-poplu ta’ Iżrael li ma jridtx jisma’ jista’ jkun kull wieħed u waħda minna. In-nuqqas ta’ smiegħ fil-Bibbja huwa sinjal taċ-ċaħda tal-Kelma ta’ Alla. Juri il-kundizzjoni ta’ persuna miġbud lejn ilħna oħrajn li mhumiex il-leħen ta’ Alla, li jfixkluh. Din hija kundizzjoni serja, imma l-Mulej wiegħed li jfejjaqha: “Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa: ‘Agħmlu l-ħila, la tibżgħux! Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas; il-ħlas ta’ Alla wasal; hu stess ġej biex isalvakom’. Imbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja, jinfetħu widnejn it-torox.” (Isaija35:4-5)

Itlob: Agħtini, O Mulej, qalb li tisma' kelmtek!

Agħmel: “Effata!” (San Mark 7:34) Ħa niftħu widnejna biex nagħtu attenzjoni fejn hemm bżonn, ngħarfu il-karbiet ta’ ħutna mweġġa’, u nisimgħu l-messaġġi ta’ kuraġġ li jagħtina l-Mulej. Ħa nħollu l-irbit ta’ lsienna biex ngħarfu nfaħħru lill-Mulej, infarrġu f’waqtu u nikkomunikaw biex nagħtu servizz.


It-22 Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Dewteronomju 4:1-2.6-8; Salm 14; San Ġakbu 1:17-18.21b-22.27; San Mark 7:1-8.14-15.21-23

Aqra’: Ġesu’ weġibhom: “Sewwa ħabbar Iżaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub: ‘Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin’. Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin”.

Riflessjoni: L-Evanġelista San Mark iwasslilna dan il-kliem iebes ta’ Ġesu’ għax kien konxju mir-riskju li fil-Knisja tidħol din l-qima ta’ wiċċ b’ieħor, u l-periklu t-tradizzjonijiet tal-bnedmin jiġu meqjusa bħala l-liġi ta’ Alla. L-osservanza stretta ta’ regoli ċari jġal lill-bniedem iħossu li qed jaqdi dmiru billi jagħmel l-inqas possibli, kemm kemm ma jiksirx r-regola, hekk iħossu ġust quddiem Alla; u saħansitra jħoss li Alla huwa b’xi mod midjun lejh. Bniedem bħal dan jinsa li l-qofol tal-liġi t’Alla hija mibnija fuq l-imħabba ġenwina, minn ġewwa, lejn Alla u l-proxxmu. Min iħobb vera jivvinta x’ser jagħmel biex iħobb iżjed, juża’ l-immaġinazzjoni tiegħu, juri attenzjoni, u jkun preżenti għall-proxxmu b’mod totali u inkondizzjonat. F’kelma waħda: imur ‘l hinn minn dak li hu mitlub minnu. Dan għaliex il-bżonnijiet tan-nies jinbidlu, u min iħobb kull darba jistaqsi lilu nnifsu x’hemm bżonn li jagħmel iżjed jew differenti skont il-bżonnijiet tal-proxxmu tiegħu. Ir-reliġjon li ġejja mill-qalb tista tiġi pprattikata minn dawk li laħqu fidi matura u adulta, dawk li huma liberi, sinċiera u miftuħin għad-dawl ta’ Kristu u ta’ l-Ispirtu. Dawk li għadhom “trabi fi Kristu” (1 Korintin 3:1) jibżgħu mir-riskju; jippreferu li jkollhom regoli preċiżi u detaljati, waqt li f’qalbhom iħossu li din it-tip ta’ reliġjon ibbażata fuq r-regoli ma tħallihomx ikunu liberi, ma jitrassmettux ferħ u paċi interna, imma biss tensjonijiet u ansjetajiet.

Itlob: Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek? Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb, min jgħid is-sewwa f’qalbu; min ma jqassasx bi lsienu. Min ma jagħmilx deni lil ġaru, u ma jgħajjarx lil għajru; min ma jistmax lill-bniedem ħażin, imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej. Min jislef u ma jitlobx imgħax, u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija. Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek. (Salm 14)

Agħmel: Ħa niżvujtaw lilna nfusna mis-superfiċjalita’, minn legaliżmu vojt, minn repetizzjonijiet bla ħajja. Ħa nfaħħru u nqimu lill-Mulej bi kliemna u b’għemilna, f’kull ħin ta’ ħajjitna, b’kull mod possibli.


Il-21 Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Ġożwe’ 24:1-2a.15-17.18b; Salm 33; Efesin 5:21-32; San Ġwann 6:60-69

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù tkellem fuq il-ħobż tal-ħajja. Ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh, qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?”. Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk, u qalilhom: “Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom? Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela’ fejn kien qabel? Hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja. Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux”. Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih. U ssokta jgħidilhom: “Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi.” Minn dakinhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh. Imbagħad Ġesù qal lit-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?”. Wieġbu Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla”.

Riflessjoni: Ninsabu fl-aħħar parti tal-Kapitlu 6 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, kapitlu li beda bil-miraklu tat-tqassim tal-ħobż u kompla bid-diskors ta’ Ġesu’ f’Kafarnaum. Il-Lhud li kienu jfittxu lil Ġesu’ bħala dak li jagħmel il-mirakli, huma issa ffaċċjati b’għażla radikali li jridu jagħmlu: jew li jibqgħu jgħixu bħal ma dejjem għamlu, billi jkomplu jadattaw irwieħhom skont l-għerf ta’ din id-dinja, u jikkuntentaw ruħhom bil-ħobż materjali, jew jagħmlu qabża kbira ta’ kwalita’, billi jaċċettaw l-Evanġelju, li huwa l-ħobż tal-ħajja. Din hija sfida li qed titpoġġa lilna wkoll llum: irridu nagħżlu f’min nemmnu u x’irridu nemmnu. Li temmen fl-Evanġelju jfisser taċċetta kliem bħal: “Dik il-mara mhix tiegħek”, “Ħobb l-għedewwa tiegħek”, “Rodd lura dak li sraqt”, “Iġġemmax teżori fuq din l-art”, “Dan hu ġismi, dan hu demmi”. X’ser nagħmlu quddiem “ħobż tal-ħajja” bħal dan? Ser ngħidu: “Iebes dan il-kliem” u nitilqu lil Ġesu’, jew bħal San Pietru ser ngħidu bil-fidi: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla”?

Itlob: Mulej l-aħħar kelma hi tiegħek. Kompli kellimna...imqar iebes Mulej. Għax int biss tista toħroġna minn dar il-jasar, tagħmel quddiemna ħwejjeġ kbar, tħarisna matul it-triq.

Agħmel: “Għalhekk issa ibżgħu mill-Mulej, u aqduh bir-reqqa u l-fedelta’; warrbu l-allat li missirijietkom qdew lil hemm mix-xmara u fl-Eġittu u aqdu l-Mulej. U jekk ma jogħoġobkomx taqdu l-Mulej, għażlu llum lil min tridu taqdu” (Ġożwe’ 24:14-15)

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.