Il-bidu tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin

Il-knisja ta’ Santu Wistin fil-belt Valletta bdiet tinbena fis-7 ta’ Jannar 1765. Il-perit Anton Cachia kien responsabbli tal-pjanta, filwaqt li Mastru Ġużeppi Bonnici kien l-imgħallem tal-bini. L-Isqof Vincenzo Labini bierek din il-knisja. Il-knisja ġiet ikkonsagrata mill-Isqof ta’ Għawdex, l-agostinjan Giovanni Maria Camilleri, nhar l-1 ta’ Lulju 1906.

Nhar il-21 ta’ Jannar 1968, b’ittra pastorali ta’ Mons. Arcisqof Mikiel Gonzi li nqrat fil-knejjes kollha ta’ Malta, tħabbar uffiċjalment li l-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta saret Parroċċa. Din il-parroċċa ġdida, li ħarġet minn dik ta’ San Duminku u tħaddan kwart mill-popolazzjoni tal-Belt, bdiet tiffunzjona bħala parroċċa fl-1 ta’ Frar 1968. Patri Salv Portelli OSA intagħżel bħala l-ewwel kappillan tal-parroċċa l-ġdida, iddedikata lil Santu Wistin, isqof.

L-istatwa titulari nħadment fi Spanja fuq l-abbozz ta’ l-iskultur Vincenzo Apap u ġiet imbierka mill-Provinċjal Patri Eġidju Galea fil-21 ta’ Awwissu 1972.

 

Il-ħidma parrokkjali illum

Illum, il-parroċċa ta’ Santu Wistin – anke jekk inbidel il-kuntest u x-xenarju minn dak inhar tat-twaqqif tagħha – qed tkompli timpenja ruħha b’mod attiv fl-oqsma ta’ evanġelizzazjoni u fid-diversi ħidmiet u servizzi li titlob komunità parrokkjali. Fi żmien meta l-popolazzjoni tal-Belt kollha naqset b’mod qawwi ħafna, il-parrooċċa msejħa tkun punt ta’ riferiment għal ħafna nies anke barra mill-Belt li jsibu fiha dar-komunità fejn wieħed jista’ jitlob u jiltaqa’ mal-Mulej Ġesù u mal-Kelma tiegħu.

Fil-Parroċċa hemm diversi persuni – reliġjuzi, lajċi u diversi operaturi pastorali – li flimkien mal-Kappillan, jgħinu u jaqdu fid-diversi ħtiġijiet li kull realtà parrokkjali jkollha.



Attivitajiet li jmiss - Parroċċa Santu Wistin Valletta

iċċekkja drabi oħra għal attivitajiet oħrajn fil-futur
© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.