Paceville u San Giljan

paceville.jpg

Il-preżenza Agostinjana f’Paceville tmur lura għall-bidu tas-seklu XX, meta l-avukat Giuseppe Pace, bena knisja żgħira b’dar magħha f’qasam art fi Spinola, limiti ta’ San Ġiljan. Din l-art iddeċieda li jgħaddiha bi ħlas lill-Provinċja Agostinjana sabiex ikunu jistgħu jaqdu l-ħtiġijiet spiritwali lil kull min kien ser imur joqgħod f’dik il-belt ġdida. Wara li ġiet aċċettata din l-art, il-Provinċjal Patri Lawrenz Agius OSA akkwista l-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet tal-knisja. Fit-12 ta’ Lulju 1936, il-Provinċjal bierek il-knisja, dedikata lill-Madonna tal-Parir it-Tajjeb, wieħed mit-titli marjani meqjuma fl-Ordni Agostinjan.

Għalkemm il-knisja matul it-tletin sena sħaħ qdiet tajjeb ħafna l-ħtiġijiet spiritwali tan-nies ta’ Spinola li kibret u nbidlet f’villaġġ sabiħ bl-isem ta’ Paceville, kien wasal iż-żmien li tinbena knisja oħra akbar u isbaħ. Għal dan il-għan, il-Provinċjal Patri Ugolin Gatt OSA qabbad lis-sur Turu Zammit biex iħejji pjanta ta’ knisja bi stil modern u kunvent bil-ħtiġijiet kollha moderni. L-ewwel ġebla tal-knisja ġdida tqegħdet fit-18 ta’ Ġunju 1967 u tbierket mill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Mikiel Gonzi.

Il-kunvent il-ġdid kien inawgurat u mbierek mill-Provinċjal Patri Albert Borg OSA, nhar il-Ħadd 30 ta’ April 1972, fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb. It-tberik, l-inawgurazzjoni u l-ftuħ tal-knisja l-ġdida sar fit-18 ta’ Awwissu tas-sena ta’ wara mill-Assistent Generali Patri Egidju Galea OSA. Il-konsagrazzjoni tal-knisja saret fl-4 ta’ Mejju 1974 mill-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi.

L-Agostinjani kienu ilhom iħossu l-bżonn li jidħlu fil-qalba ta’ dan l-appostolat biex jilħqu ż-żgħażagħ u turisti li jiffrekwentaw Paceville. Fl-1998, il-Komunità daħlet biex tiffaċċja dan ix-xogħol b’aktar impenn u ngħata bidu għal dan il-proġett tal-Millennium Chapel, mibnija mid-donazzjonijiet tan-nies, u li nfetħet fis-sena 2000. Il-Millennium Chapel Foundation tieħu ħsieb it-tmexxija ta’ dan il-post. Minbarra l-adorazzjoni perpetwa, f’dan il-post, il-patrijiet agostinjani ħasbu wkoll biex jilqgħu korsijiet u laqgħat ta’ gruppi speċifiċi, kemm ta’ natura soċjali kif ukoll reliġjuża.

Fit-28 ta’ Awwissu 2004, l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, flimkien mal-Provinċjal Patri Luċjan Borg OSA, fetaħ uffiċjalment iċ-ċentru tal-WOW, li hi l-id soċjali tal-Kappella tal-Millennju. Dan il-post iservi bħala ċentru tal-komunikazzjoni u għalhekk insibu fih awditorju li jesa 120 persuna, kmamar għal-laqgħat u għadd ta’ faċilitajiet oħrajn. B’dan il-mod il-Millennium Chapel tixtieq tintegra dak kollu li hu spiritwali ma’ dak li hu materjali b’risq il-bniedem sħiħ, filwaqt li tilħaq lil dawk kollha li qegħdin ifittxu ‘l Alla f’ħajjithom.

Barra l-ħidma biex taqdi l-ħtigijiet spiritwali, umani u soċjali taż-żgħażagħ, residenti u turisti li jkunu fil-post, il-komunità ta’ Paceville hija wkoll impenjata sabiex tiġi koordinata l-ħidma f’Malta b’risq il-missjonijiet Agostinjani. Il-Komunità Agostinjana ta’ Paceville tagħti s-servizzi pastorali fil-Kappella ta’ Santa Rita f’San Ġiljan.

San Giljan

Fl-1923, is-Sinjura Nikolina Pons uriet ix-xewqa lill-Provinċjal ta’ dak iż-żmien, Patri Giovanni M. Genovese OSA sabiex fuq ix-xewqa ta’ zijuha, li kien patri Agostinjan, tgħin lill-bdiewa billi tibni knisja żgħira u tagħti d-dar tagħha biex isservi ta’ kunvent għal tnejn jew tliet reliġjużi ħalli jiċċlebraw l-ewkaristija kuljum u jagħtu l-għajnuna meħtieġa lill-fidili. Wara li ġiet aċċettata mill-Kunsill tal-Provinċja, mill-Ġeneral tal-Ordni u mill-Arċisqof ta’ Malta, il-perit Ġużeppi Cachia Caruana għamel il-pjanta tal-kunvent mingħajr il-knisja. L-ewwel ġebla tbierket u tqiegħdet nhar il-11 ta’ Settembru 1927. Madanakollu, minħabba l-mezzi finanzjarji, ġie deċiż li jinbena biss l-ewwel sular u mhux żewġ sulari, kif kien imniżżel fil-pjanta oriġinali. B’dan il-proġett, tħallew barra kmamar biex jintużaw bħala oratorju pubbliku. Fl-24 ta’ Mejju 1928, l-Provinċjal Patri Wistin Cascun OSA bierek solennement l-oratorju pubbliku, dedikat lil Santa Rita. Eżatt xahar wara, sar it-tberik tal-kunvent.

Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-kunvent u l-knisja ta’ Santa Rita kienu f’qagħda mwegħra ħafna. Nhar is-27 ta’ April 1941, għall-ħabta tal-ħamsa ta’ fl-għaxija, waħda mill-bombi tal-qawwa Ġermaniza laqtet u ġarfet il-qalba tal-kunvent u tal-kappella pubblika. Mill-kappella kien baqa’ biss il-hajt fejn kien hemm is-Sagrament bla minsus. Għaldaqstant, il-patrijiet għamlu mill-aħjar li setgħu sabiex jirranġaw it-tiġrif. Il-patrijiet Agostinjani baqgħu jgħixu f’dik il-qagħda b’ħafna sagrifiċċji sal-11 ta’ Novembru 1944, meta tlesta l-bini tal-oratorju fuq il-pjanta tal-perit E. England Sant Fournier. It-tberik tal-oratorju dedikat lil Santa Rita sar ħmistax-il ġurnata wara. Fl-istess żmien li kien qiegħed jinbena l-Oratorju, il-komunità tħabbtet biex tikseb is-setgħa mill-Gvern ħalli tibni l-kunvent u wara ħafna talbiet, ħareġ parti mill-permess tal-bini fis-7 ta’ Novembru 1944. Ix-xogħol tkompla sentejn wara. Fl-1950 saru festi kbar ċinkwantenarji tal-Kanonizzazzjoni ta’ Santa Rita. Fil-Kapitlu Provinċjali tal-1974, il-kunvent ta’ Santa Rita ġie magħżul bħala Dar tal-Formazzjoni inizjali għaż-żgħażagħ li jħaddnu l-Ordni Agostinjan, sakemm imbagħad reġa’ ntagħżel il-Kunvent tar-Rabat sal-llum il-ġurnata.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.