Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

It-Tieni Ħadd ta’ l-Avvent Sena B

Is 40, 1-5, 9-11; Salm 84; 2 Piet 3, 8-14; Mk 1, 1-8

Aqra’: “Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.

Itlob: Aħna lill-Mulej ġieli warabnieh u ħallejnieh barra minn ħajjitna, mill-ambjenti tagħna fejn ngħixu, naħdmu, nistudjaw, niddevertu. F’dan l-Avvent ħa nitolbu lill-Mulej jerġa jiġi lura f’ħajjitna għax għandna bżonnu iktar minn qatt qabel.

Irrifletti: Is-sejħa li qed issirilna f’dan l-Avvent: “Ħejju t-triq tal-Mulej iddrrittaw il-mogħdijiet tiegħu” tfisser li il-Mulej qed jistenna minnha li niftħu qalbna beraħ għalih. Li tħejji t-triq għall-Mulej tfisser li tipprepara ruħek għall-laqgħa ma’ l-imħabba. Is-sejħa biex nħejju t-triq għall-Mulej mhijiex triq li twassal lill-persuna għand il-Mulej, imma waħda li tħalli lill-Mulej jasal mill-ġdid għand il-persuna.

Agħmel: Il-Mulej ġej jiltaqa' magħna biex jibdilna fih. F’ismu ħa nħabirku biex inġibu aktar ġustizzja u tjieba fl-ambjenti kollha tal-ħajja.


L-Ewwel Ħadd ta’ l-Avvent Sena B

Is 63, 16b-17.19b; 64, 1-7; Salm 79; 1 Kor 1,3-9; Mk 13,33-37

Aqra’: Mulej mhux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel minn hemm! Ishru, għax ma tafux meta jerġa’ jiġi sid id-dar. Alla jżomm kelmtu!

Itlob: Itlob biex qatt ma jiġrilek li l-Mulej ikun fostna u int ma tagħarfux, li jiġi jħabbatlek u int ma tisimgħux.

Irrifletti: F’dan iż-żmien ta’ l-Avvent, il-Knisja tfakkarna li l-Mulej mhux biss ġie fil-għar ta’ Betlehem, mhux biss għad jerġa jiġi fil-glorja fl-aħħar taż-żminijiet, iżda jrid jiġi fostna llum ukoll. Irid jiġi fina u fostna fil-ħafna esperjenzi u ġrajjiet li bihom u fihom tinbena ħajjitna. Jista jkellimna fl-inqas ġrajja li tiġri madwarna, fl-iċken esperjenza li nġarrbu f’ħajjitna, fl-aktar persuna sempliċi li niltaqgħu magħha. Jeħtieġ nindunaw meta l-Mulej ikun għaddej fil-ħajja tagħna u jkellimna. Jeħtieġ noqogħodu għassa!

Agħmel: Matul dan iż-żmien tal-Avvent insibu mumenti ta’ skiet biex nirriflettu biex fi spirtu ta’ fidi, ta’ talb u ta’ qalb miftuħa, nagħarfu l-istedina li l-Mulej jagħmlilna bl-esperjenzi u fiċ-ċirkostanzi konkreti ta’ ħajjitna.


Sidna Ġesu’ Kristu, Sultan tal-Ħolqien kollu

Eż 34, 11-12. 15-17; Salm 22; 1 Kor 15, 20-26. 28; Mt 25, 31-46

Aqra’: L-Evanġelju jippreżentalna l-Ġudizzju Universali fejn Kristu, l-Imħallef, jesponi r-ruħ tagħna lilna. Kristu Sultan jagħtina finalment is-Saltna tal-Missier, wara li rebaħ il-mewt darba għal dejjem. San Mattew jurina li l-kriterju biex nidħlu fil-ħajja ta’ dejjem huwa l-mod kif inkunu ġibna ruħna ma’ ħaddieħor.

Itlob: Itlob li bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, tagħraf il-persuni li huma fil-bżonn.

Irrifletti: Xi ħsibijiet u x’emozzjoni jqanqal fina l-ħsieb li l-Mulej Ġesu’ għad jiġi fil-glorja biex jiġġudikana? Nistgħu ngħixu f’ċerta apatija u indifferenza lejn il-Kelma ta’ Kristu u lejn il-bżonnijiet ta’ ħutna? Il-ġudizzju tagħna nagħmluh aħna fuqna nnifisna skont kif inkunu lqajna jew warrabna lil Kristu fil-proxxmu tagħna. Meta Kristu jidher fil-glorja, aħna fid-dawl tiegħu, nistgħu naraw x’għażla nkunu għamilna.

Agħmel: Fittex opportunitajiet biex tilħaq l-aspettazzjonijiet ta’ Ġesu’ fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum.


It-33 Ħadd ta’ matul is-Sena Liturġika A

Mhuwiex dak li wieħed jirċievi li jgħodd, imma x’jagħmel b’dak li jkun irċieva

Prov 31, 10-13. 19-20, 30-31; Salm 127; 1Tess 5, 1-6; Mt 25, 14-30

Aqra’: Il-parabbola tat-talenti turi kif meta jkollna atitudni tajba, din tiġi ppremjata mill-Mulej. Dawk li għandhom ruħhom b’saħħitha m’għandhomx għalfejn jibżgħu mit-tieni miġja tal-Mulej u mill-Ġudizzju. 

Itlob: Itlob li jkollok atitudni tajba tal-qalb li togħġob lil Alla

Irrifletti: Wieħed għandu mnejn jaħseb kemm hu fil-fatt ġust li kull wieħed mill-qaddejja ġew mogħtija numru differenti ta’ talenti u mhux kulħadd indaqs. Madanakollu, mhuwiex dak li wieħed jirċievi li jgħodd, imma x’jagħmel b’dak li jkun irċieva. Il-ferħ tas-Sid u l-premju li jingħata lil kull wieħed, huma l-istess għall-qaddejja kollha li rdubbjaw it-talenti tagħhom. Alla jħares mhux lejn il-kwantita tal-offerti tagħna, imma jħares lejn il-kwalita’, kif ukoll lejn l-atitudni tal-qalb u r-rieda tajba li biha noffruhomlu.

Agħmel: Ikteb tliet talenti li Alla tak. Aħseb kif tista' tkabbarhom għas-servizz ta’ Alla u tal-Poplu tiegħu


Mhux diffiċli li temmen daqs kemm li tibqa’ temmen

Għerf 6:12-16; Salm 62; Tess. 4:13-18; Matt 25:1-13

Aqra’: “L-għerf jiddi, bla qatt ma jnemnem, malajr jagħrfuh dawk li jħobbuh, u jsibuh dawk li jfittxuh”. Bl-istess mod irridu nibqgħu nittamaw li: “Jekk aħna nemmnu li Ġesu’ miet u qam mill-imwiet, hekk ukoll Alla jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesu’”. Fl-Evanġelju Ġesu’ jgħid il-parabbola tal-għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus

Itlob: Itlob għall-perseveranza fil-fidi u fil-missjoni li Alla afdalek

Irrifletti: Il-wegħdiet ta’ Alla isibu l-milja tagħhom meta jasal żmienhom. Huwa importanti li nafdaw fi kliemu u nistennew bit-tama, u mhejjijin tajjeb. Ħafna nies jibdew jimxu fit-triq tal-Mulej b’entużjażmu, imma d-dewmien fit-twettiq tal-wegħdiet ta’ Alla, jiddiżappunthom. Iż-żejt tal-fidi jispiċċalhom, u billi ma jkunux ħadu magħhom riserva, jibqgħu barra, biex imbagħad jirrejaliżżaw b’dispjaċir li Alla fil-fatt iwettaq il-Patt tiegħu. Lil min nixbħu aħna: lill-ħames xebbiet għaqlin bir-riserva tal-fidi, jew lill-ħames xebbiet boloh?

Agħmel: Ikkonsla lil xi ħadd li qed iħossu jaqta qalbu li jkompli jistenna lill-Mulej jintervjeni fil-ħajja tiegħu, biex jagħtih il-fejqan li għandu bżonn.


Il-Qaddisin kollha

Apok 7, 2-4, 9-14; Salm 23; 1 Ġw 3. 1-3; Mt 5, 1-12a

Aqra’: Id-diskors tal-muntanja. Il-bnedmin il-ħienja. Ġesu’ jiġbor fil-qosor il-messaġġ li ġie biex iwasslilna, u jxandar min huma dawk li huma hienja tabilħaqq. Il-ħajja tassew qaddisa tinsab filli wieħed igħix fl-ispirtu ta’ dan il-messaġġ.

Itlob: Iktar minn muntanja vera, il-“muntanja” fil-Bibbja tirreferi għal spazju u ħin meta niddisponu ruħna biex niltaqgħu mal-Mulej, u naċċettaw il-Kelma tiegħu. Ħa nsibu dan l-ispazju u l-ħin, din il-“muntanja” tagħna, biex niltaqgħu mal-Mulej, u nħalluh jurina kif aħna lkoll msejħin biex inkunu qaddisin. “Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxu wiċċek, Mulej!”

Irrifletti: Il-liturġija ta’ din il-festa tistedinna biex nirriflettu fuq il-proposti ta’ barkiet magħmulin minn Ġesu’. Huma proposti li l-qaddisin fis-sema għexu, u li l-qaddisin fuq l-art, fuq l-eżempju tagħhom, huma mħeġġa biex jgħixu.

Agħmel: Il-Papa Franġisku jimmaġina elf pass lejn il-qdusija li kull wieħed minnha jista jagħmel matul il-ġurnata ordinarja ta’ kuljum: “Mara tmur tixtri, tiltaqa mal-ġara u jibdew jitkellmu. Il-kliem jaqa fuq in-nies. Imma din il-mara tgħid f’qalbha: ‘Le ma rrid nitkellem ħażin fuq ħadd’. Dan huwa pass lejn il-qdusija. Iktar tard, meta tkun id-dar, binha jkun irid jiftaħ qalbu magħha dwar it-tamiet u l-ħolm tiegħu għall-futur, u anke jekk tħossha għajjiena, hija tpoġġi bilqiegħda u toqgħod tisimgħu bil-paċenzja u l-imħabba kollha. Dan is-sagrifiċċju iressaqha iktar lejn il-qdusija. Iktar tard, tħoss ċerta ansjeta’, imma tiftakar fl-imħabba tal-Verġni Marija, taqbad il-kuruna tar-Rużarju u titlob bil-fidi. Pass ieħor lejn il-qdusija. Imbagħad hi toħroġ fit-triq u tiltaqa ma’ raġel fqir, u tieqaf tgħidlu kelma ta’ kuraġġ. Pass ieħor lejn il-qdusija”.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.