Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

It-12-il Ħadd matul is-Sena Liturġika A

Ġer 20, 10-13; Salm 68; Rum 5, 12-15; Mt 10, 26-33

Aqra’: “La tibżgħux…” Aħna mdawrin bid-dnub, imma l-grazzja ta’ Alla tgħinna nirbħu d-dnub. L-ebda ħajja umana mhi ser titħalla barra mil-providenza u l-għożża ta’ Alla, billi kull bniedem hu prezzjuż f’għajnejn Alla.

Itlob: Il-fidi tkeċċi ‘l barra l-biża’, kemm mill-individwu, kif ukoll mill-Knisja. Ħalli t-talb jeħilsek minn kull biża’.

Irrifletti:  Il-ħajja tagħna tista tidher bħala toqol tqil wisq biex inkunu nistgħu nġorruh. Imma meta nħossu dan it-toqol, għandna nafdaw iktar minn qatt qabel, fit-tjubija tal-Mulej u fil-wegħdiet tiegħu. Aħna konna salvati mhux b’xi ħaġa żgħira, imma bid-demm ta’ Ġesu’ Kristu, u għalhekk għal Alla aħna prezzjużi, ħafna iktar minn kull ħaġa oħra fil-ħolqien.

Agħmel: Ikteb talba li fiha turi l-fiduċja tiegħek fil-Providenza ta’ Alla. Imbagħad meta tkun għaddej minn żmien ta’ prova uża din it-talba biex titlob biha.

 


Il-Ġisem u d-Demm għażiż tal-Mulej     

Dewt. 8:2-3.14b-16a; Salm 146; 1 Kor 10:16-17; San Ġwann 6:51-58.

Aqra: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem”

Irrifletti: Ġesu’ jagħti lilu nnifsu lilna totalment, mhux biss biex imantnina ta’ kuljum, iżda biex niksbu l-milja tal-ħajja.

“Kull min jemmen li jitmanta bil-Ġisem mogħti għalih, u bid-Demm li nxtered għalih, jikseb il-qawwa biex, min-naħa tiegħu, jibdel lilu nnifsu f’don, kif jgħid Santu Wistin: ‘Kun dak li tirċievi, u rċievi dak li int’ (Diskors 272,1, f’nhar Għid il-Ħamsin)” (San Ġwanni Pawlu II)

Itlob: Itlob biex dejjem tifhem u tapprezza l-presenza ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija. Nitolbu għal dawk li jsibuha diffiċli biex jifhmu dan id-don.

Agħmel: Ftakar f’esperjenza meta l-Mulej daħal f’ħajtek! Agħmel att ta’ ringrazzjament


It-Trinita’ Qaddisa

Eżodu 34, 4b-6.8-9: Il-Mulej hu Alla li jagħder u jħenn

Dan 3, 52-56: Ta’ min ifaħħrek u jgħollik fuq kollox għal dejjem

2 Kor 13, 11-13: Il-grazzja ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, l-imħabba ta’ Alla, u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu

Ġw 3, 16-18: Evanġelju

 

Aqra’: L-Evanġelju jħabbar il-profondita’ kbira ta’ l-imħabba ta’ Alla meta Huwa bagħat lill-Ibnu fid-dinja biex isalva l-umanita’

Irrifletti: Bħala komunjoni ta’ mħabba, Alla jagħtina l-milja tiegħu innifsu u ta’ l-imħabba tiegħu. Għalhekk, bħat-Trinita’, aħna msejħin li nkunu wkoll f’għaqda ta’ mħabba miegħu u ma’ xulxin.

Nitolbu: F’din id-dinja globalizzata imma mifruda, għandna bżonn ħafna għaqda u solidarjeta’. Nitolbu għall-għaqda ta’ l-ulied kollha ta’ Alla. Nitolbu wkoll kuljum għad-don tal-grazzja, tal-imħabba u tal-għaqda ta’ Alla Trinita fina.

Agħmel: Kif nistgħu nkunu aġenti tal-għaqda? Inkunu aġenti ta’ għaqda meta aħna nħabirku biex nibnu pontijiet, u mhux ħitan fil-komunitajiet tagħna?

 


L-Għid il-Ħamsin

Atti 2:1-11; 1 Korintin 12:3b-7,12-13; Ġwanni 20:19-23

Aqra’: Ġesu’ jonfoħ l-Ispirtu S-Santu fuq id-dixxipli. F’Għid il-Ħamsin, l-Ispirtu jinżel fuq ll-Appostli bħala ilsna tan-nar. Fil-magħmudija, aħna lkoll irċevejna l-istess Spirtu li jgħaqqadna lkoll fil-Ġisem ta’ Kristu.

Itlob: Itlob li tiżdied  il-qawwa tal-fidi tiegħek. Itlob li l-Ispirtu iħeġġeġ mill-ġdid il-passjoni fina li ngħixu ma’ Alla u għal Alla. Itlob għad-doni u l-frott tal-Ispirtu s-Santu.

Irrifletti: L-Ispirtu s-Santu huwa l-ħajja tal-Knisja u ta’ kull nisrani. Huwa janimana u jagħtina d-doni tal-kariżmi għal-ġid tas-soċjeta’, igħinna nġibu ruħna bħala aħwa fi Kristu, u jgħaqqadna f’ġisem wieħed ta’ Kristu. L-Ispirtu s-Santu  huwa l-għaqda u l-ftheim bejn il-popli.

Agħmel: Mur imxi fil-kwiet qalb il-kampanja, u ħossok qrib il-ħolqien kollu, waqt li tirringrazzja lill-Ispirtu.


Is-7 Ħadd ta’ l-Għid – It-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema

Atti 1, 1-11; Ef. 1, 17-23; Mt 28, 16-20

Aqra’: L-Evanġelju jagħlaq b’nota glorjuża. Il-ħdax-il dixxiplu jingħaqdu bil-ferħ ma’ Ġesu’ fuq il-quċċata tal-muntanja. Ġesu’ għandu setgħa fuq kollox, u jibgħat lid-dixxipli biex ikomplu il-missjoni tiegħu fid-dinja kollha. “U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien”.

Irrifletti: X’egħluq stupend tal-Evanġelju! Il-Knisja tibda b’Ġesu’ li jagħti l-missjoni lill-ħdax. Kulħadd huwa mistieden li jingħaqad f’din il-missjoni.

Itlob: Itlob għall-evanġeliżżazzjoni tal-popli. Itlob biex l-Evanġelju jiġi mħabbar minn tarf għall-ieħor tad-dinja.

Agħmel: Ħabbar L-Evanġelju bil-mod kif tgħix. Ħalli l-azzjonijiet tiegħek joħorġu minn dak li temmen. Ġesu’ qam mill-imwiet, tela’ s-sema, u issa f’dak bil-missjoni tiegħu! Alleluia!


Is-6 Ħadd ta’ l-Għid

Ġw 14, 15-21

Aqra’: Ġesu’ jserraħ ras id-dixxipli tiegħu li meta ma jkunx għadu magħhom fid-dinja, ser jibgħatilhom il-għajnuna, il-Paraklitu, biex ma jħossuhomx orfni u abbandunati. Jekk juru l-imħabba tagħhom lejn Ġesu billi jobdu kliemu, huma ikunu maħbubin  mill-Missier, u l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu jgħammar fihom.

Itlob: Ħa nħallu l-Ispirtu jigwidana dejjem fid-dixxerniment u fid-deċiżjonijiet tagħna. Ħa nkunu sensittivi  għall-ispirazzjonijiet tiegħu fil-ġrajjiet ordinarji tal-ħajja.

Irrifletti: Li nkunu fidili għall-fidi nisranija, meta id-dinja tistedinna biex nagħmlu kuntrarju, mhix xi ħaġa faċli. In-nisrani ma jistax jgħix din il-fedelta’ waħdu, imma għandu bżonn l-għajnuna. Għalhekk Ġesu jwiegħed li ser jibgħat l-Ispirtu s-Santu bħala għajnuna ġewwinija ħalli jara li naslu li ngħixu il-ħajja nisranija li konna msejħin għaliha. Fejn qegħda il-fedelta’ tiegħi u fuq min qed nistrieħ – fuq l-ispirtu tad-dinja jew fuq l-Ispirtu ta’ Alla li jinsab ġewwa fija? U għaliex?

Agħmel: Eżami tal-kuxjenza kuljum biex tara fejn il-Mulej qiegħed imexxik


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.