Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

It-tieni Ħadd tar-Randan Sena B

Ġenesi 22:1-2.9a. 10-13.15-18; Salm 115; Rumani 8:31b-34; San Mark 9:2-10

Aqra’: Ġesu’ ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom waħedihom fuq mintanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Ilbiesu sar abjad jgħammex b’dija tal-għaġeb...Imbaghad ġiet sħaba u għattiehom, u min ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”.

Riflessjoni: Fis-silta tal-Evanġelju tal-lum tat-Trasfigurazzjoni, Ġesu’ qed juri s-sbuħija u l-glorja tiegħu  biex kull min qed jimxi warajh, kull dixxiplu, jkun attirat lejh, u ma jeħilx mat-tbatija. Għax ir-realta’ hija li biex tgħix verament ta’ nisrani trid ħafna drabi tbati. U Ġesu’ għax jaf li aħna faċilment naqtgħu qalbna, meta niġu ppersegwitati minħabba t-tajjeb, illum jiddi quddiemna b’dija li tgħammex, biex nibqgħu mexjin warajh, minkejja li rridu nerfgħu is-salib tagħna. Meta l-Mulej jsir persuna ħajja fil-ħajja tagħna, minkejja s-sofferenza, qalbna tibqa’ tinġibed lejh bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, għax kif jgħidilna San Pawl fl-Ittra lir-Rumani: “Jekk Alla hu magħna, min jista jkun kontra tagħna?”.  Meta nħossuna qed naqtgħu qalbna, ħa ndawru l-ħarsa tagħna lejn il-wiċċ jiddi ta’ Ġesu’.

Itlob: Mulej inti ħlaqtna biex ingawdu, biex nifirħu, biex nitpaxxew bid-dehra meraviljuża tiegħek. Biss sa ma naslu fuq it-Tabor tagħna, jeħtieġ nitilgħu l-Kalvarju ma’ Ibnek: basta tweżinna int, tara safejn naslu tagħmlilna forċina meta ngħajjew.

Agħmel: Ħa nagħmlu ħilitna biex matul dan ir-Randan insiru iktar midħla tal-Kelma ta’ Alla: billi naqraw u nirriflettu fuq siltiet mill-Bibbja, nieħdu sehem iktar fil-quddies, immorru l-Eżerċizzi Spiritwali, insegwu iktar il-Kelma ta’ Alla permezz tas-Social Media. Huwa b’hekk li nkunu qed nisimgħu lil Ġesu’, biex ikompli jagħmlilna l-kuraġġ ħalli nkunu verament dixxipli tiegħu.


Ġen 9:8-15; Salm 24; 1 Pietru 3:18-22; Mark 1:12-15

Aqra’: “Inqiegħed il-qaws tiegħi fis-sħab, u jkun sinjal tal-patt bejni u bejn l-art. Meta niġma’ s-sħab fuq l-art u tfeġġ il-qawsalla fis-sħab, jien niftakar fil-patt bejni u bejnkom u bejn kull ruħ ħajja f’kull laħam; ma jkunx hemm iżjed l-ilma tad-dulluvju biex jeqred kull laħam ħaj”. “

“Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”

Riflessjoni: L-awtur sagru tal-Ktieb tal-Ġenesi juża l-istorja tad-dulluvju ta’ żmien Noe, mhux biex jgħallem li Alla jitlef il-paċenzja u jikkastiga – Alla qatt ma kkawża dulluvji u l-ebda diżastru ieħor - imma biex iħeġiġna biex ma naqtgħux qalbna quddiem il-ħażen li jeżisti fid-dinja. Anke meta l-ħażen ikun jidher li qabeż kull limitu, il-bniedem li għandu fidi f’ Alla jibqa’ jittama, għax jaf li Alla ddeċieda li joħloq umanita’ ġdida, mhux mill-irmied tal-bnedmin, imma mit-tkissir ta’ soċjeta’ ħażina li bnew il-bnedmin. Alla ma jaqtax qalbu quddiem il-ħażen. Huwa jsewwi u jibni mill-ġdid. Jibda umanita’ ġdida u jwegħda biss affarijiet tajba u kull barka: “Jien nagħmel l-patt tiegħi magħkom, li qatt iżjed ma jinqered, ebda laħam ħaj, bl-ilmijiet td-dulluvju; u qatt iżjed ma jkun dulluvju biex iħarbat l-art”. Alla ma jaħlifx li huwa ma jikkastgax lill-bnedmin bil-kundizzjoni li ma jagħmlux iktar dnubiet. Imma jintrabat li jbierek dejjem u f’kull każ. Dan huwa messaġġ ta’ faraġ li l-Bibbja twassal sa mll-bidu tal-ewwel kapitli tagħha: Alla ma joqgħodx jistenna lill-bnedmin isiru tajbin qabel ma jkun ġeneruż magħhom. Jilqa’ l-persuna kif inhi, u bl-imħabba, jibdilha f’ħolqien ġdid.  

Itlob: “Ħallini , Mulej, niftaħ fommi quddiem il-ħniena tiegħek, għad li jien trab u rmied. Ħallini, għalhekk, nitkellem, għaliex hija l-ħniena tiegħek li magħha ser nitħaddet u mhux ma’ bniedem li jiddieħak bija. Aktarx li int ukoll għall-ewwel tiddieħak bija, iżda wara ddur lejja u tħenn għalija” (Santu Wistin, Stqarrijiet 1, 6)

Agħmel: Fiduċjużi f’dan Alla li jersaq lejna aħna kif aħna, ħa nilqgħu mela l-istedina ta’ Ġesu’ fl-Evanġelju: Is-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”. Ħa nagħmlu dan billi fir-Randan niċċaħħdu minn xi ħaġa biex nagħtuha lill-fqar, naqraw u nirriflettu minn qabel il-qari li jkun ser jinqara fil-quddiesa, nippruvaw nagħmlu att ta’ karita’ kuljum, nitolbu għall-proxxmu tagħna, u nużaw il-meżżi kollha li jistgħu iqarrbuna iktar lejn il-ħniena ta’ Alla.


It-6 Ħadd matul is-Sena B

Levitiku 13:1-2.45-46; Salm 31; Kor 10:3-11; Mk 1:40-45

Aqra’: Resaq fuq Ġesu wieħed imġiddem bil-lebbra jitolbu bil-ħerqa, inxteħet għarkopptejh quddiemu u qallu: “Jekk trid, tista tfejjaqni!” Imqanqal mill-ħniena, Ġesu’ medd idu fuqu, messu u qallu: “Irrid, kun imnaddaf!”

Riflessjoni: Alla tagħna jersaq lejn min għandu l-ġdiem spiritwali…id-dnub, jersaq lejn min għandu ġdiem psikoloġiku… dwejjaq, solitudni, tensjoni biża’; jersaq ukoll lejn min għandu ġdiem fiżiku…kull għamla ta’ mard. Fuq dawn il-Mulej imidd idu, għaliex għalih l-ebda ħlejqa tiegħu mhi mġiddma, iktar u iktar uliedu l-bnedmin. Ġesu’ għażel lil dawk li huma mġiddma u mwarrbin minn kulħadd; għal din ir-raġuni “ħa fuqu il-mard kollu tagħna”. Biex jagħmel dan, kien meħud, msallab u maqtul barra mill-Belt il-Qaddisa, f’post meqjus mhux qaddis. Għalhekk jekk inħossuna  b’xi mod imġiddma, ħa jkollna l-kuraġġ li ngħidu aħna wkoll lill-Mulej: “Jekk trid tista tfejjaqni!”. U Ġesu’ lilna wkoll jgħidilna: “Irrid, kun imnaddaf!”.

Itlob: Mulej, inti taqra sal-ġewwieni tagħna. Beżgħat għandna, mard għandna, dnubiet għandna wkoll, qtigħ il-qalb insofru minnu wkoll. Jekk trid tista tfejjaqna! Ersaq lejna, O mimli bil-ħniena. Kellimna, missna u fejjaqna. Għamilna bħall-imġiddem imfejjaq, xandara tal-ħniena tiegħek.

Agħmel: Kif rajna Ġesu’ ma kienx iwarrab lill-imġiddmin: kien ifejjaqhom. Hekk ukoll jagħmel magħna. Iżda minnhom kien jitlob żewġ ħwejjeġ: Li jersqu lejh bil-fidi, u li jmorru juru ruħhom lill-qassis, bħal xhieda. Hekk jitlob minna ukoll. Ħa nersqu b’fidi fil-Mulej, lejn is-saċerdot fis-sagrament tal-Qrar, biex f’isem Ġesu’ jagħtina l-grazzja tal-fejqan, billi jwasslilna l-maħfra ta’ Alla.

 


Il-Ħames Ħadd ta’ matul is-Sena B

Ġob 7, 1-4. 6-7; Salm 146; 1 Kor 9, 16-19. 22-23; Mk 1, 29-39

Aqra’: “Faħħru l-Mulej, li jfejjaq il-qlub maqsuma”. “Ġesu’ fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard, u ħareġ għadd kbir ta’ xjaten li hu ma kienx iħallihom jitkellmu, għax huma kienu jafu min Kull darba li nixxuttaw demgħa, inkunu qed nieħdu sehem fis-salvazzjoni li ġabilna Kristu.kien”

Itlob: “Il-għada filgħodu, kmieni qabel ma żernaq, Ġesu’ qam, u ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob”. Huwa f’dan id-djalogu mal-Missier li Ġesu’ kien jirċievi d-dawl biex jaffronta it-tbatija tal-bniedem. Ħa nitolbu biex ikollna d-dawl kif naffrontaw it-tbatija tagħna u ta’ oħrajn bil-fidi, tama u mħabba.

Riflessjoni: Fi Kristu huwa possibli nikkontemplaw it-tweġiba ta’ Alla għall-problema tat-tbatija. Alla mhuwiex indifferenti għall-krib tal-bniedem meta jkun qed ibati. Alla tagħna jitlobna: “Tonqosx lejn ta’ qalbhom maqsuma, imma ibki ma’ min hu mbikki” (Bin Sirak 7:34), għaliex huwa wkoll isofri, jibki, jemozzjona ruħu. Huwa jisma l-karba tagħna, u jiġi jaqsam il-kundizzjoni tagħna magħmula minn tbatija u wġiegħ. Huwa jieħu in-naħa tagħna fil-ġlieda kontra l-ħażen, u jgħallimna kif indawruh f’opportunita’ biex nibnu l-imħabba.  

Agħmel: Ħa naffrontaw it-tbatija mhux billi noqogħdu nisħtu xortina, inwaħħlu fina nfusna, jew f’dak u fl-ieħor, jew billi nippruvaw insibu spjegazzjoni, imma billi bl-għajnuna ta’ Alla ngħixu t-tbatija bil-fidi, tama u mħabba. 


Ir-Raba’ Ħadd ta’ matul is-Sena B

Dewt 18, 15-20; Salm 94; 1 Kor 7, 32-35; Mk 1, 21-28

Aqra’: “U l-Mulej qalli: ‘…..Jiena nqajmielhom profeta bħalek, minn fost ħuthom; inqiegħed kliemi fuq fommu, u jħabbrilkom kull ma nordnalu’”. “F’jum is-Sibt, Ġesu’ daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa u mhux bħall-kittieba”

Itlob: Nitolbu biex il-Mulej jimliena bl-Ispirtu Qaddis tiegħu biex ma nippritkawx lilna nfusna, imma il-kelma Tiegħu.

Riflessjoni: L-Atti ta’ l-Appostli juruna li bl-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu f’Għid il-Ħamsin, id-dixxipli kollha saru “profeti” (Atti 2:17-18). Kull nisrani, mdawwal mill-Evanġelju huwa kapaċi jiddixxerni r-rieda ta’ Alla u jgħaddiha lill-oħrajn. Ġili nisimgħu saċerdoti, ġenituri u edukaturi nsara jgħidu li huma diżappuntati għaliex skonthom, meta jħeġġu lil uliedhom biex iħaddnu l-valuri nsara, donnu kollox jaqgħa fuq widnejn torox. Forsi il-kelma ta’ Alla – jistaqsu - tilfet il-qawwa tagħha? Jekk il-kelma ma tbiddilx il-qlub u l-imħuħ, mela ma hijiex il-kelma ta’ Alla, imma tal-bnedmin. Kultant nipprietkaw lilna nfusna u l-konvinzjonijiet tagħna, u naħsbu li nkunu qed inħabbru l-Evanġelju. L-eżortazzjonijiet tajba u t-twiddib li ġej mis-sens komun u mill-għerf tad-dinja, jidhru utli, imma qatt ma jagħmlu għeġubijiet. Il-mirakli jiġru biss jekk il-kelma mħabbra tkun dik tal-Imgħallem.

Agħmel: Jekk fuq problemi ta’ saħħa, ekonomija, politika u ħwejjeġ oħra li jispiċċaw, aħna nagħtu tant każ ta’ dak li jgħidu l-istudjużi u l-esperti, kemm aktar u aktar għandna nagħtu każ ta’ dak li jgħidilna l-espert ta’ l-esperti fuq il-ħwejjeġ li jibqgħu għal dejjem. Infittxu li mill-lum ‘il quddiem nieħdu iktar bis-serjeta’ dak kollu li jgħidilna l-imgħallem Ġesu’.

 

 


It-Tielet Ħadd ta’ matul is-Sena B

Ġona 3:1-5.10; Salm 24; Kor 7:29-31; Mk 1: 14-20

Aqra’: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”.

Itlob: Nitolbu mas-Salmista: Triqatek, Mulej, għarrafni, il-mogħdijiet tiegħek għallimni. Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni, għax int Alla tas-Salvazzjoni tiegħi.

Riflessjoni: Fil-bidu tal-ktieb tiegħu, San Mark, jippreżenta lil Ġesu’ bħala l-messaġġier li għandu l-missjoni li jħabbar l-Evanġelju, l-Aħbar it-tajba lill-poplu. Aħbar li tant hi tal-għaġeb, li tqajjem ħafna ferħ f’dawk li jisimgħuha. Hemm żewġ kundizzjonijiet biex dak li jkun jesperjenza dan il-ferħ: irid jindem u jemmen. Li tindem ma jfissirx li jkollok id-determinazzjoni li tevita d-dnub, imma hija l-ewwel u qabel  kollox deċiżjoni li tbiddel radikalment il-mod kif tħares lejn Alla, lejn il-bniedem, id-dinja u l-istorja. L-aħbar li “Is-saltna ta’ Alla waslet”, mhijiex l-aħbar li wasal il-kastig, imma l-aħbar it-tajba ta’ tama għal kulħadd, anke għall-iktar wieħed midneb, li Alla jibqa’ jikkonsidrah bħala iben. Li temmen ifisser li tibda tara kollox mill-għajnejn ta’ Alla li jħobb, jistabar, jdum biex jirrabja, mimli ħniena u nteress għall-ħlejjaq tiegħu. Li temmen tfisser li tafda fil-Mulej, tafda f’kelmtu u fil-wegħdiet tiegħu. Is-Saltna ta’ Alla waslet, allura mhemmx żmien x’nitilfu: ħa nindmu u nemmnu fl-Evanġelju!

Agħmel: “Iż-żmien qsar”. Ħa nużaw iż-żmien li Alla silifna billi nsibu okkażjonijiet biex nikbru fl-imħabba u fl-għaqda tagħna ma’ Alla u mal-proxxmu, hu min hu.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.