“In Te Domine Speravi” huwa t-titlu tal-ktieb li ppubblika l-Ordni ta’ Santu Wistin bħala tifkira tal-mibki Agostinjan Malti l-E. T. Mons. Prospero Grech li mar jiltaqa’ mal-Mulej nhar it-30 ta’ Diċembru 2019 fl-età sabiħa ta’ 94 sena. It-titlu tal-ktieb huwa filfatt meħud mill-motto li l-istess kardinal għażel meta ftit qabel il-kreazzjoni tiegħu bħala Kardinal ġie ordnat isqof fil-Kon-katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Fl-aħħar snin tal-ħajja tal-Kardinal Prospero Grech, diversi kienu t-tentattivi biex b’kollaborazzjoni miegħu stess tinkiteb il-bijografija tiegħu. Sadanittant, il-kittieb Taljan, is-Sur Ivan Marsura kien irrekordja xi intervisti miegħu bil-ħsieb li jservu ta’ tifkiriet u l-possibilità ta’ materjal għall-eventwali bijografija. Sfortunatament il-mewt għal għarrieda tal-Kardinal waqqfet dan ix-xogħol ħesrem. Madanakollu is-Sur Ivan Marsura kompla jaħdem fuq it-testi tal-intervisti li kien laħaq għamel u l-ġabra ta’ materjal ieħor, partikolarment materjal fotografiku, li ġie fdat lilu mill-Komunita Agostinjana ta’ Santa Monika u l-Kurja Ġenerali Agostinjana f’Ruma.

Dan kollu inġabar f’pubblikazzjoni mill-isbaħ ta’ 230 paġna li ġiet ippubblikata mid-dar editriċi antiga edizioni b’kollaborazzjoni mal-Ordni Agostinjan. Il-Pubblikazzjoni tiġbor fiha mhux biss it-testi tal-intervisti tas-Sur Ivan Marsura imma anke numru ta’ testi minn diversi persuni li kitbu fuqu, fosthom it-test tal-omelija tal-funeral mill-E.T. Mons Charles Scicluna, u esperjenzi tal-E. T.  il-Kardinal Mario Grech u l-Provinċjal P. Leslie Gatt O.S.A. Il-ktieb jiġbor fih ukoll numru kbir ta’ ritratti bil-kulur, kemm ta’ diversi episodji minn ħajtu, imma anke ritratti meħuda mill-istess Kardinal li kif ilkoll nafu kellu passjoni kbira għall-fotografija.

Il-ktieb li huwa bil-lingwa taljana, issa ser ikun għall-bejgħ anke f’Malta għall-prezz ta’ €25 u jista’ jinkiseb minn Emmaus Bookshop, Preca Library, Millennium Chapel Bookshop u mill-Provinċja Agostinjana Maltija.



Nhar il-Ġimgħa, 26 ta’ Novembru 2021, P. Leslie Gatt ġie magħżul għal darba oħra bħala Pirjol Provinċjali tal-Provinċja Agostinjana Maltija. Dan sar wara li matul dawn l-aħħar ġimgħat, ir-reliġjużi agostinjani maltin, ivvutaw biex jinħatar Pirjol Provinċjali għall-erba’ snin li ġejjin. Ir-reliġjużi Agostinjani ilhom f’Malta aktar minn 600 sena iżda dan ikun eventwalment is-67 mandat provinċjali sa mit-twaqqif tal-Provinċja Agostinjana Maltija fl-1817.

P.Leslie, li qed itemm mandat ta’ erba’ snin, jerġa’ jġedded l-missjoni tiegħu fil-Kapitlu Provinċjali Ordinarju tal-Provinċja Agostinjana Malta li jiftaħ uffiċjalment fil-15 ta’ Marzu 2022. Dan huwa proċess li l-Provinċja tagħmel kull erba’ snin li fih tevalwa r-realta tagħha llum u ġġedded l-impenn tagħha f’diversi oqsma għas-snin li ġejjin.

P. Leslie twieled fl-1978 u tgħammed fil-Parroċċa ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta. Wara snin ta’ prova, fis-sena 2000 beda s-sena tan-Novizzjat fl-Ordni ta’ Santu Wistin fl-Italja, u sena wara għamel l-ewwel professjoni tal-voti reliġjużi. Fis-sena 2005 kien ordnat saċerdot fil-Konkatidral ta’ San Ġwann mill-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca. Huwa studja l-lingwa Maltija, il-Filosofija u t-Teologija fl-Università ta’ Malta, u wara kompla l-istudju ta’ speċjalizazzjoni tiegħu fil-pastorali maż-żgħażagħ u l-kateketika fl-Università Pontifiċja Salesjana f’Ruma.

Lura Malta, P. Leslie serva fil-Komunità tar-Rabat, fil-formazzjoni u l-ħidma maż-żgħażagħ u fil-Kulleġġ Santu Wistin f’Tal-Pieta u l-Marsa. Fl-2014 huwa ġie maħtur rettur tal-istess Kulleġġ u fl-2018 intagħżel bħala Pirjol Provinċjali tal-Provinċja Agostinjana Maltija.

Nitolbu l-Mulej ibierek lil P. Leslie f'din il-missjoni li l-Provinċja qiegħda terġa tafdalu. Nitolbu fuq kollox għall-Provinċja Agostinjana Maltija f’dan il-mument ta’ tiġdid li ser tkun qed tgħix fix-xhur li ġejjin.


F’ittra mibgħuta aktar kmieni dan ix-xahar, il-Prijor Ġenerali tal-Ordni ta’ Santu Wistin, Fr. Alejandro Moral Anton, OSA, ħeġġeġ lill-membri kollha tal-Ordni biex jipparteċipaw fil-Vjaġġ Sinodali tal-Knisja li nfetaħ formalment mill-Papa Franġisku fid-9 u l-10 ta’ Ottubru 2022.

Biex janima l-parteċipazzjoni tal-Ordni f’dan is-Sinodu, il-Pirjol Ġenerali ħoloq kummissjoni internazzjonali magħmula minn patrijiet, sorijiet u lajċi: Fr. Enrique Martin Sanz, (Koordinatur, Spanja), Fr. Nolasco Msemwa, (Tanżanija, Viċi-Koordinatur), Fr. Juan Francisco Costanzo (Ċilì), u Fr. Victor Gonzaga (Filippini); żewġ sorijiet Agostinjani, Sr Fulvia Sieni (l-Italja) u Sr Maria de la Eucharistia Figueroa Serra (Spanja); u, 2 lajċi, Dr Enilka Hernandez (ir-Repubblika Dominikana) u Dr Joseph T. Kelley (l-Istati Uniti tal-Amerika).

Fl-ittra tiegħu lill-membri kollha tal-Ordni, Fr Alejandro Moral Anton, ikkwota l-omelija li għamel l-Emm. T. il-Kardinal Mario Grech fis-Solennita ta’ Santu Wistin f’Awwissu li għadda f’Ruma, b’referenza għall-viżjoni Agostinjana ta’ Knisja ‘Sinodali’ li tfakkar li “għal Santu Wistin l-idea tal-Knisja bħala komunità hija waħda inklussiva u mhux esklussiva, dejjem lesta li tilqa’, u miftuħa għal-kulħadd mingħajr distinzjonijiet jew differenzi: il-katoliċità tagħha tesprimi vokazzjoni għat-totalità. L-ekkleżjoloġija ta’ Santu Wistin mhux biss tikkonferma x-xhieda sinodali tal-Knejjes tal-qedem iżda hija wkoll stimolu għall-Knisja tal-lum, li qed tiġi msejħa biex tidħol fil-mixja sinodali. Il-Knisja ma tkunx tassew imwaqqfa, u ma tgħix bis-sħiħ il-missjoni tagħha, u lanqas ma tkun sinjal perfett ta’ Kristu fostna, sakemm il-profili ekkleżjoloġiċi tagħha ma jkunux immarkati minn dak li ġie definit bħala – post apostolos onium ecclesiarum magister – l-għalliem tal-knejjes kollha wara l-appostli: Santu Wistin!”

Il-Prijol Ġenerali stieden ukoll lill-membri tal-Ordni biex jirriflettu fuq dan il-vjaġġ sinodali fi ħdan l-Ordni u jagħmlu mistoqsijiet bħal: “Din il-“mixja flimkien” kif issir illum fi ħdan l-Ordni (patrijiet, sorijiet, lajċi)? Kif ngħixu s-sehem tagħna fil-Knisja, kemm lokali kif ukoll universali? Kif nistgħu inkabbru r-realtà ekkleżjali bil-kariżma tagħna, u kif qed ngħixu il-mixja flimkien ma’ kariżmi u vokazzjonijiet oħra? X’passi għandna nieħdu biex nikbru bħala Knisja Sinodali? X’jitlob minna l-Ispirtu llum, u x’iħeġġiġna nagħmlu?”


Fis-6 ta’ Novembru, il-Familja Agostinjana tiċċelebra t-tifkira tar-reliġjużi Agostinjani li għexu qabilna u li llum jistrieħu mal-Mulej.

Nhar it-Tlieta 9 ta’ Novembru fl-10am, il-provinċjal flimkien ma’ diversi aħwa iċċelebra quddiesa fil-Kappella taċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata li fiha fakkar l-aħwa mejtin. Fir-riflessjoni tiegħu huwa tkellem fuq: it-tifkiriet sbieħ li dawn l-aħwa kollha ħallewlna; is-sens ta’ gratitudni li għandu jitqanqal fina quddiem dak li għexu dawk li ġew qabilna; u fuq kollox il-ħarsa ta’ fidi u tama li għandha timla l-qalb tagħna bħala nsara li għadna qed ngħixu il-mixja tal-ħajja fuq din l-art. Wara l-quddiesa l-Provinċjal għamel talba fuq l-oqbra tal-provinċja.

Bejn Novembru tas-sena l-oħra u din is-sena l-Provinċja tilfet lil P. Xavier Mifsud li għex parti kbira minn ħajtu fis-servizz lill-Knisja lilhinn minn xtutna.


Nhar l-Erbgħa, 20 ta’ Ottubru 2021 saret laqgħa għall-Patrijiet Agostinjani bi thejjija għall-Kapitlu Provinċjali 2022 fis-Sala Tolentino fil-Kulleġġ Santu Wistin, Pietà. Il-laqgħa bdiet bit-talb tal-Għasar fit-Tifkira ta’ Santa Madalena ta’ Nagasaki, Verġni u Martri Agostinjana.

Għal din il-laqgħa kien mistieden is-Sur Andre Paul Debattista, Assistant Lecturer fl-Istitut għall-Istudji Ewropej. Huwa għamel analiżi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju li sar fost il-lajċi midħla tagħna l-Agostinjani. Qabel Is-Sur Debattista tkellem il-Provinċjal, P. Leslie Gatt OSA,  dwar kwestjonarju ieħor li sar fost il-Patrijiet.

Nieħdu l-okkażjoni biex nirringrazzjaw lil dawk il-lajċi kollha li wieġbu għall-Kwestjonarju li bagħtnilhom.

Nitolbukom titolbu għalina f’din it-tħejjija għall-Kapitlu Provinċjali 2022.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.