Min nhar il-Ġimgħa, 1 ta’ Ottubru ser nagħtu bidu għas-sena akkademika tal-Istitut Agostinjan.

Minn din is-sena, barra li wieħed jista’ jattendi għal dawn il-laqgħat fis-sala tal-Kulleġġ Santu Wistin fil-Pietà, wieħed jista’ jsegwihom ukoll fuq il-paġna facebook tal-Provinċja Agostinjana: https://www.facebook.com/Agostinjani

 

Għal aktar informazzjoni tista’ tidħol f’kuntatt magħna:

This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it.

79294177

 

Programm għall-Ottubru:

Il-Ġimgħa, 1 ta’ Ottubru, fis-6pm

Quddiesa

 

Il-Erbgħa, 6 ta’ Ottubru, fis-7pm

23rd Annual Saint Augustine Lecture: Human mortality in St Augustine’s City of God

 

Il-Ħamis, 7 ta’ Ottubru, fis-6pm

23rd Annual Saint Augustine Lecture: St Augustine’s understanding of the Church as a Conciliatory, Critical and Christological Community

 

Il-Ġimgħa, 8 ta’ Ottubru, fis-6pm

Waħda u Sħiħa hija l-Imħabba. L-ewwel kummentarju ta’ Santu Wistin fuq l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann

 

Il-Ġimgħa, 15 ta’ Ottubru, fis-6pm

Waħda u Sħiħa hija l-Imħabba. It-tieni kummentarju ta’ Santu Wistin fuq l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann

 

Il-Ġimgħa, 22 ta’ Ottubru, fis-6pm

Waħda u Sħiħa hija l-Imħabba. It-tielet kummentarju ta’ Santu Wistin fuq l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann

 

Il-Ġimgħa, 29 ta’ Ottubru, fis-6pm

Waħda u Sħiħa hija l-Imħabba. Ir-raba’ kummentarju ta’ Santu Wistin fuq l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann



Nhar il-Ġimgħa, 17 ta’ Settembru l-Pirjol Ġenerali tal-Ordni tal-Ordni ta’ Santu Wistin, P. Alejandro Moral Anton għamel żjara qasira fil-Kunvent ta’ Santu Wistin ta’ Għawdex u fil-Monasteru tas-Sorijiet Agostinjani ta’ ħajja kontemplattiva fil-Belt Valletta.

Matul il-jiem li għaddew, il-Pirjol Ġenerali kien f’Għawdex fuq stedina tad-Djoċesi ta’ Għawdex biex janima irtir għas-saċerdoti li sar f’Dar Manresa. Il-Ġimgħa imbagħad, fi tmiem l-irtir, P. Alejandro għamel żjara qasira fil-kunvent ta’ Santu Wistin fir-Rabat Għawdex fejn iltaqa’ mal-Komunita Agostinjana u mal-Pirjol Provinċjali.

Qabel telaq għall-ajruport, il-Pirjol Ġenerali għamel żjara lill-Komunita’ tas-Sorijiet Agostinjani ta’ Ħajja Kontemplattiva fil-monasteru tagħhom fil-Belt Valletta. Din iż-żjara kienet espressjoni ta’ sapport lill-Komunita’ Agostinjana li f’dawn l-aħħar xaharejn tilfet żewġ sorijiet, u opportunita ta’ diskussjoni dwar il-possibilita ta’ għajnuna mill-Ordni lill-istess komunita’.


Għandna b’missierna bniedem li kkonverta!

Għal sena oħra qegħdin niċċelebraw il-figura ta’ Santu Wistin u allura l-ħafna kwalitajiet li bihom immarka l-istorja tal-Kristjaneżmu. Figuri oħra kbar ħarsu lejn il-ħsieb tiegħu imwassal lilna f’dak li kiteb u għallem, u sabu fih minjiera ta’ tagħlim, kif għadna nagħmlu sa llum. Tant irġiel u nisa tul is-snin għażlu li jwieġbu għas-sejħa ta’ Alla permezz tal-ħajja kkonsagrata imqanqlin mill-mixja tiegħu wara Kristu. Dan kollu iżda ma kienx ikun possibbli kieku qabel ma kienx hemm esperjenza konkreta ta’ ħajja mżewwqa bi tfittxija kontinwa għall-verità u mmarkata minn xewqa qawwija li jsib dak li jagħtih is-sens veru, li kif ilkoll nafu, eventwalment sab meta ħalla l-grazzja t’Alla tmiss lil qalbu.

Probabbli l-esperjenza l-aktar qawwija li tikkaratterizza l-figura ta’ Santu Wistin hija l-mument jew aħjar il-proċess ta’ konverżjoni li għex. Kienet tfittxija li ġabet bidla radikali f’ħajtu. Aspett mill-isbaħ ta’ din l-esperjenza huwa l-kapaċità li biha għaraf iħares lejh innifsu u bl-umiltà kollha jiltaqa’ mar-realtà dgħajfa tiegħu. Kienet propju imbagħad din il-laqgħa umli mad-djgħufija tiegħu li poġġiet b’mod aktar ċar quddiemu l-potenzjal li jista’ jkun aħjar u d-determinazzjoni li jilħaq dan l-ideal. Kien biss b’din l-attitudni li wasal biex għaraf dik is-sbuħija ġenwina tal-esperjenza ta’ Alla li ħafna qabel kienet sqietu ommu. F’dan kollu ħadmet bħal bizzilla l-grazzja t’Alla!

L-umiltà li biha għaraf iħares lejh innifsu ma tintrabatx biss mal-konverżjoni li hu stess jirrakonta fl-Istqarrijiet tiegħu bil-mixja li wasslitu biex irċieva d-don kbir tal-magħmudija, imma aktar minn hekk saret għalih attitudni ta’ ħajja. Il-Papa Benedittu XVI, ammiratur kbir ta’ Santu Wistin, f’waħda mil-katekeżijiet tiegħu, jitkellem minn tliet konverżjonijiet li għex. L-ewwel waħda hija propju dik l-aktar ovvja li wasslitu biex iħaddan il-fidi nisranija. It-tieni waħda kienet dik li minn stil ta’ ħajja mogħtija għal-kontemplazzjoni u l-istudju kif kien qed joħlom ma’ xi ħbieb tiegħu, aċċetta s-sejħa li jkun qrib tal-poplu billi jingħata għas-servizz tal-oħrajn u jagħmel mezz kif jgħallem u jwassal lil Kristu.

It-tielet waħda imbagħad hija dik “li wasslitu kull jum ta’ ħajtu biex jitlob maħfra lil Alla”, u fuq din tajjeb li nieqfu ftit aktar. Wara li rċieva l-magħmudija filfatt kien ħass li issa kien daħal f’ħajja ta’ komunjoni ma’ Kristu permezz tas-sagramenti u taċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija u kien konvint li issa bħala nisrani jgħix għal dejjem dan l-ideal. Madanakollu aktar tard irrealizza li kien żbaljat u dak l-istat ideali li jitkellem dwaru fl-ewwel priedki tiegħu dwar id-diskors tal-muntanja kellu jibqa jissielet għalih kontinwament. Filfatt aħna kuljum “għandna bżonn niġu maħsula minn Kristu u mġedda minnu. Għalhekk għandna bżonn ta’ dik il-konverżjoni kontinwa, li tikber bl-umiltà li nafu li aħna midinbin li ninsabu mexjin fit-triq, sakemm il-Mulej inewlilna jdejh għal dejjem u jdaħħalna fil-ħajja eterna.” (Udjenza Ġenerali, 27 ta’ Frar 2008)

Dan l-atteġġjament umli sar programm kontinwu f’ħajtu u huwa propju b’dan l-atteġġjament li għaraf iwieġeb kuljum għal dak li Alla kien qed jitlob minnu permezz tal-Knisja u tal-isfidi li l-mixja tal-ħajja laqqagħtu magħhom. Hekk seta’ ġenwinament jikkopera mal-grazzja t’Alla li ħadmet fih u taħdem kontinwament f’kull wieħed u waħda minna. Din hija r-riflessjoni li nixtieq li lkoll kemm aħna nagħmlu tagħna, aħna u niċċelebraw il-figura kbira ta’ Santu Wistin li fl-għerf u l-kobor tiegħu kellu l-kapaċità li jagħraf u jistqarr id-djgħufijiet tiegħu u jagħmel minnhom tarġa li b’serenità interjuri tqarrbu aktar lejn Alla li tant ħabb.

Ejjew irroddu ħajr lil Alla li tana b’missierna u gwida tagħna persuna li għaddiet minn konverżjoni daqstant kbira u nħallu din l-esperjenza tħeġġiġna biex b’umiltà ma naqtgħu qalbna qatt infittxu dak li nistgħu nibdlu fina nfusna u hekk inkunu sinjal sabiħ tal-grazzja t’Alla li taħdem fina u permezz tagħna ma’ dawk ta’ madwarna. Ejjew nieqfu nistennew lil ta’ madwarna jinbidlu u nħarsu lejn dak li nistgħu nibdlu fina. Dan hu dak li l-Knisja u s-soċjetà jeħtieġu kontinwament minna lkoll li rċevejna l-grazzja tal-magħmudija u nixtiequ ġenwinament nikkoperaw magħha.

Din hija stedina għal kull nisrani imma nixtieqha tkun stedina b’mod partikolari għar-reliġjużi li qed nimxu lejn iċ-ċelebrazzjoni tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju 2022 li jekk Alla jrid ikun ikkonvokat ftit ġimgħat oħra. Kull Kapitlu Provinċjali Ordinarju huwa minn nnifsu mument ta’ tiġdid fil-ħajja tal-Provinċja tagħna u stedina biex: inħarsu ħarsa tajba lejna nfusna; irroddu ħajr lil Alla tal-mod kif jaħdem fina permezz tal-grazzja tiegħu; u nirriflettu b’umiltà fuq dak li flimkien nistgħu nagħmlu aħjar.

Ma’ dan il-messaġġ nixtieq nintroduċi anke kwestjonarju qasir u nistieden lilek li qed taqra sabiex issib ftit ħin u timlieh. Dan huwa sehem li nixtiequ li intom ilkoll tagħmlu biex tgħinuna fir-riflessjoni tagħna fil-Kapitlu Provinċjali li ġej. Għaldaqstant, int min int li qed taqra, nistiednek tagħfas fuq il-ħolqa ta’ hawn

Kwestjonarju Online - Lajċi OSA

u tagħti l-kontribut tiegħek mill-ftit jew ħafna li tafna. Nassigurak li jkun ferm apprezzat. Sadanittant inħeġġek li żżommna dejjem fit-talb tiegħek bħalma aħna nżommu lilkom ilkoll.

Il-festa t-tajba

Fr. Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali


Fl-14 ta’ Settembru, il-Provinċja Agostinjana Maltija tiċċelebra l-anniversarju mit-twaqqf tagħha li kien sar fl-1817. Il-preżenza tal-Patrijiet Agostinjani f’Malta tmur lura ħafna aktar minn hekk u għal aktar minn 600 sena nistgħu ngħidu li kienu preżenza attiva fil-gżejjer tagħna. Bħala preparazzjoni għall-Kapitlu Provinċjali Ordinarju 2022, li ser jiġi kkonvokat fil-bidu ta’ Ottubru, qed isir kwesjonarju qasir dwar il-preżenza u l-ħidma tal-aħwa Agostinjani f’Malta.

Dan huwa sehem li nixtiequ li intom ilkoll tagħtu biex tgħinuna fir-riflessjoni tagħna fil-Kapitlu Provinċjali li ġej. Għaldaqstant, int min int li qed taqra, nistiednuk tagħfas fuq il-ħolqa ta’ hawn Kwestjonarju Online - Lajċi OSA u tagħti l-kontribut tiegħek mill-ftit jew ħafna li tafna. Nassigurawk li jkun ferm apprezzat.

Il-kwestjonarju ser jibqa’ miftuħ sa nhar it-Tlieta 21 ta’ Settembru. Sadanittant inħeġġuk li żżommna dejjem fit-talb tiegħek.


Nhar il-Ġimgħa 27 t’Awwissu l-aħwa Agostinjani iltaqgħu filgħodu għal mument ta’ talb fil-Knisja Santu Wistin, fil-Belt Valletta u wara komplew jiċċelebraw il-festa ta’ Santu Wistin b’ikla fraterna fir-refettorju tal-istess kunvent. Kien mument informali u sabiħ li fih l-aħwa setgħu jiltaqgħu flimkien għall-festi ta’ Santa Monika u Santu Wistin!

Il-Festa t-tajba lil kulħadd!


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.