Il-Provinċja Agostinjana Maltija tistieden lill-dawk kollha li jixtiequ jinagħqdu magħha għal mument ta’ talb li ser isir lejlet il-ftuħ tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju 2022. Il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju huwa mument li l-Provinċja tiċċelebra kull erba’ snin u joffri okkażjoni biex l-aħwa reliġjużi jiltaqgħu flimkien, jevalwaw ir-realta tal-ħajja u l-ħidma tagħhom u jippjanaw għal li ġej.

Bi preparazzjoni għal dan il-mument ser jiġi organizzat mument ta’ talb li għalih huma mistiedna b’mod partikolari dawk kollha li b’mod jew ieħor jikkollaboraw jew jiffrekwentaw knejjes u realtajiet agostinjani. Il-mument ta’ talb ser ikun animat mill-Fraternita Agostinjana Sekulari u ser ikun presedut mill-Assistent Generali tal-Ordni P. Javier Perez Barba OSA. Hija okkażjoni biex ilkoll flimkien nagħmlu talba lill-Mulej biex ikun mal-aħwa reliġjużi f’dan il-mument fil-ħajja tal-Provinċja.

Il-Velja ser issir nhar it-Tnejn 14 ta’ Marzu, fil-Knisja ta’ San Nikola minn Tolentino f’Ħal Tarxien u tibda fis-6.30pm (iddum madwar siegħa). Fis-6pm ikun hemm il-quddiesa tal-ħin. Il-preżenza ta’ kull wieħed u waħda minkom f’dan il-mument tkun ferm apprezzata.



Kull xahar, diversi gruppi ta’ studenti mis-sekondarja fil-kulleġġ tagħna jkollhom l-opportunità li jqattgħu ftit ħin mal-komunità tal-patrijiet f’Tal Pietà permezz ta’ platt għaġin jew pizza tajba, mument ta’ talb, laqgħa ta’ diskussjoni u ftit logħob fil-basement tal-kunvent li fih diversi logħob bħal billiard, table tennis, table soccer, board games, darts eċċ...

Dawn il-laqgħat isiru kull xahar mic-chaplaincy tal-kulleġġ u mill-komunità tal-patrijiet fil-breaks tal-istudenti kif ukoll wara l-ħin tal-iskola. Apparti dawn il-mumenti, jsiru ukoll live-ins fil-kunvent kif ukoll attivitajiet oħrajn simili barra l-ħin tal-iskola.  Dawn huma ftit mill-attivitajiet li jsiru matul is-sena bħala parti mill-pastorali maż-żgħażagħ u dixxerniment vokazzjonali.

 

 


Il-grupp ta’ Malta Augustinian Youths bħalissa għaddej bi preparazzjonijiet biex jagħmel l-esperjenza tal-pellegrinaġġ Camino de Santiago fi Spanja matul il-vaganzi tas-sajf. Din l-esperjenza, magħrufa sempliċement bħala l-“Camino de Santiago”, tlaqqa’ pellegrini minn madwar id-dinja, li jimxu f’diversi rotot tal-pellegrini li jwasslu għall-qabar ta’ San Ġakbu (Santiago) f’Santiago de Compostela fil-Majistral ta’ Spanja.

Dan jinvolvi l-mixi f’rotot differenti ta’ mill-anqas 100km f’forma ta’ irtir spiritwali, u għaldaqstant il-grupp Augustinian Youths qed jipprepara permezz ta’ attivitajiet fiżiċi varji biex ikun jista’ jagħmel dan il-vjaġġ. Dan l-aħħar saru numru ta’ mixjiet ta’ madwar 15km madwar Malta, f’naħat differenti u kundizzjonijiet differenti, bħala taħriġ. Aktar mixjiet huma ppjanati li fl-aħħar iwasslu għall-esperjenza tal-Camino, li hemm il-ħsieb li ssir fil-Portugal fuq għaxart ijiem f’Awwissu 2022.

Din ir-rotta, magħrufa bħala t-Triq tal-Kosta, hi aktar kwieta imma daqstant ieħor rotta impressjonanti bħal dik ċentrali tal-Camino Portugiż. Ser nibdew mill-belt sabiħa ta’ Porto u ngħaddu mal-kosta tal-Atlantiku u l-bajjiet ramlin tat-Tramuntana tal-Portugal u l-Galicia. L-iskop li nagħmlu dawn l-isfidi bi tħejjija għall-Camino mhux wieħed kompetittiv, għax l-għan imur ’l hemm mil-livell ta’ saħħa tal-persuna li tagħmel il-mixja. Għalkemm hemm pellegrini li jdumu aktar minn oħrajn biex jaslu Santiago de Compostela, l-isfida hi aktar personali u spiritwali. Madankollu, it-tħejjija fiżika qabel nitilqu hi ta’ benefiċċju kbir għall-grupp biex tnaqqas il-każi ta’ inċidenti u tqawwi l-pellegrini Maltin.

Il-grupp hu magħmul minn madwar għaxar individwi minn realtajiet differenti tal-ħajja, b’talenti, kapaċitajiet, interessi u esperjenzi varji, li flimkien jagħtuna s-saħħa u t-tama li nissapportjaw lil xulxin mentalment, fiżikament u spiritwalment sabiex din l-esperjenza tħalli l-frott fostna u impatt pożittiv fil-ħajja tagħna lkoll.

Din hi waħda mill-attivitajiet organizzati mill-Augustinian Youths. Attivitajiet oħra bħal diskussjonijiet, hikes, mumenti ta’ talb, xogħol volontarju, eċċ... isiru għal żgħażagħ ta’ bejn l-20 u l-35 sena. Jekk inti f’din l-età jew taf lil xi ħadd li jixtieq jingħaqad mal-Augustinian Youths, tista’ tkellem li Fr Terence Spiteri osa permezz ta' email This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it. jew fuq Facebook Augustinian Youths.

Edward Abela


F’messaġġ mill-Kurja Ġenerali tal-Ordni, P. Paul Graham OSA, Assistent tal-Pirjol Ġenerali u Koordinatur tal-Kummissjoni għall-Ġustizzja, Paċi u Integrità tal-Ħolqien, appella lill-Ordni kollu ta’ Santu Wistin biex “jitlob għall-Paċi f’dan il-mument diffiċli meta r-Russja ddeċidiet li tinvadi l-Ukrajna”.

Fil-messaġġ tiegħu huwa rrefera għall-fatt li "l-konsegwenzi tal-gwerra huma imprevedibbli u ħadd ma jaf kif se tispiċċa din il-kriżi." Fil-fatt jista’ jkollha “konsegwenzi katastrofiċi għad-dinja kollha u mhux għall-Ewropa biss.”

Sadanittant il-Papa Franġisku nieda jum ta’ talb u sawm għall-paċi nhar l-Erbgħa 2 ta’ Marzu li jaħbat Ras ir-Randan.  F’isem il-Kunsill Ġenerali u l-Kummissjoni, P. Paul ħeġġeġ lill-membri kollha tal-familja Agostinjana biex jingħaqdu flimkien mal-insara kollha madwar id-dinja f’din l-inizjattiva.

 


Il-Professur P. Salvinu Caruana, Agostinjan, Direttur tal-Istitut Agostinjan, għadu kemm qaleb għall-Malti wieħed mit-trattati ta’ S. Wistin (354-430) mill-iktar magħrufa fil-qasam tal-kateketika Nisranija, id-de catechizandis rudibus, jew Kif tgħallem il-katekiżmu lil min għadu jibda. Il-ktieb, Itterraq fit-Twemmin ma’ S. Wistin hu ta’ 200 faċċata.

Fi kliem wieħed mill-iprem studjużi tal-kitbiet ta’ Wistin, l-Olandiż Joost van Neer, dwaru kiteb hekk: The result was this work, which can today still benefit all educators in the broadest sense of the term (Augustinus 61 (2021): 227). Il-ktieb kien sejjer ikun mgħarbul tul it-2 semestru tas-sena akkademika 2021-2022. Sfortunatament, ħtija tal-qagħda tal-pandemija, it-2 semestru kellu jiġi pospost indefinitivament imma t-22 partiċipant twasslilhom it-test jew bil-posta, jew personalment, bi żjara fid-dar tal-partiċipanta jew partiċipant.

Il-ktieb ta’ P. Salvinu qiegħed għall-bejgħ għall-prezz ta’ €15. Kull min issieħeb fis-sena akkademika 2021-2022 tal-Istitut Agostinjan ingħata 2 kotba u rigal: Waħda u Sħiħa hija l-Imħabba (l-10 Omeliji ta’ S. Wistin fuq l-Ewwel Ittra ta’ S. Ġwann lill-Parti) (283p.), u Itterraq fit-Twemmin ma’ S. Wistin (Kif tgħallem il-katekiżmu li min għadu jibda) de catechizandis rudibus (200p.), u l-ktieb My Pen’s Toil b’rigal.

Għal aktar tagħrif dwar pubblikazzjonijiet ta’ P. Salvinu, jew tagħrif ieħor, ikteb lil P. Salvinu Caruana OSA Istitut Agostinjan PO Box 61 Msida PO MSD 1000; jew ibgħat email: This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it.; jew cempel: 7929 4177.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.