Nhar il-Ġimgħa, 19 ta’ Marzu l-Patrijiet Agostinjani nġabru flimkien b’mod virtwali għall-konferenza online għal żmien ir-Randan minn Rev Dr Paul Sciberras, Kap tad-dipartiment tal-Iskrittura Mqaddsa tal-Fakulta tat-Teoloġija fl-Universita’ ta’ Malta.

Il-laqgħa bdiet b’riflessjoni u talb minn Fr. Mario Abela OSA, membru tal-Equipe tal-Formazzjoni Permanenti tal-Provinċja. Fr Mario tkellem dwar kemm huwa mportanti li nieqfu ftit mir-rutina tal-ħajja, biex nidħlu daħla fina nfusna bħal ma wara kollox jistedinna nagħmlu l-Mulej f’dan iż-żmien tar-Randan. Huwa mbagħad introduċa lil kelliem.

It-tema tal-konferenza ta’ Fr Sciberras kienet: Ma’ Ġesù Kristu fid-deżert. Bħal Ġesù nħallu l-Ispirtu jeħodna fid-deżert spiritwali biex infittxu l-identita’ tagħna u nistennew lil Alla jagħtina risposta. Imġarrbin bħal ma kien imġarrab Ġesù, meta bħalu inkunu mimlijin bl-ispirtu, bħalu wkoll noħorġu mit-tiġrib iktar bħala wlied Alla.

It-tentazzjoni fiha nfisha hi li wieħed jiċħad lil Alla nnifsu..hu li hu l-iben ta’ Alla. It-tentazzjoni tal-Poplu ta’ Alla fid-deżert kienet biex ma jibqax komunita’ ta’ Alla. Tentazzjoni biex ikun hemm disgregazzjoni. L-istess jista jiġri fil-komunitajiet reliġjużi. Kull membru tal-komunita’ irid jagħti s-sehem tiegħu biex dan ma jiġrix billi kull wieħed ifittex li jilbes il-libsa tal-umilta’ li tfisser li kulħadd jirrealizza li jista’ jiżbalja; jirrealizza li aħna resonsabbli għal xulxin; billi niġbdu ħabel wieħed kollha flimkien l-istess naħa; u fuq kollox li kull wieħed jitlob lill-Ispirtu s-Santu f’dawn il-każijiet. Dan għaliex l-Ispirtu s-Santu huwa l-pern ta’ l-għaqda tat-Trinita’ Qaddisa.

Il-Patrijiet Agostinjani jirringrazzjaw lil Fr Paul Sciberras li kien strument f’idejn il-Mulej f’ dan ir-Randan, biex joħorġu fid-deżert ma’ Ġesù Kristu, u mimlijin bl-ispirtu, mit-tiġrib li jgħaddu minnu, joħorġu dejjem iktar bħala wlied Alla.



Hekk kif niċċelebraw is-Solennità ta’ San Ġużepp, il-Knisja madwar id-dinja din is-sena b’mod partikolari qed tiċċelebra l-150 Anniversarju mid-dikjarazzjoni tiegħu bħala patrun tal-Knisja Universali.

L-Ordni Agostinjan għal ħafna snin qies lil San Ġużepp bħala protettur tal-Ordni. Fl-aħħar Kapitlu Ġenerali Ordinarju li sar f’Settembru 2019, il-Membri Kapitulari vvutaw għal emenda fil-Kostituzzjonijiet tal-Ordni li żiedet referenza partikolari għall-venerazzjoni tal-figura ta’ San Ġużepp. It-test li ġej kien fil-fatt propost bħala żieda man-numru 106 li diġà jitkellem dwar l-imħabba ta’ ulied u l-venerazzjoni speċjali mogħtija lill-Verġni Mqaddsa Marija fi ħdan l-Ordni: Bl-istess mod inħeġġu l-venerazzjoni lejn San Ġużepp, li L-ordni tradizzjonalment għażlet bħala protettur, eżempju veru ta 'fedeltà u disponibilita għar-rieda ta’ Alla.

F’Ittra Appostolika intitolata Patris Corde (“Bil-Qalb ta’ Missier”), ippubblikata f’Diċembru li għadda, il-Papa Franġisku jiddeskrivi lil San Ġużepp bħala missier maħbub, missier twajjeb, missier ubbidjenti, missier li jaċċetta; missier kreattivament kuraġġuż, missier li jaħdem, missier fid-dell. L-Ittra fil-fatt timmarka l-150 anniversarju mid-dikjarazzjoni tal-Beatu Papa Piju IX ta’ San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali. Biex jiċċelebra dan l-anniversarju, il-Papa Franġisku ħabbar ukoll "Sena speċjali ta’ San Ġużepp", li bdiet mis-Solennità tal-Kunċizzjoni 2020 u testendi għall-istess festa fl-2021.

Ejjew nitolbu lill-Mulej bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp billi nagħmlu tagħna l-istess invokazzjoni konklusiva tal-Papa Franġisku fil-Patris Corde, u nitolbuh, juri lilu nnifsu bħala missier tagħna u jiggwidana fil-mixja tal-ħajja, jikseb għalina grazzja, ħniena, u kuraġġ, u jiddefendina minn kull ħażen.

 


Dan l-aħħar xogħol tal-Professur P. Salvinu Caruana OSA, Direttur tal-Istitut Agostinjan, flimkien ma’ P. Frans Calleja OSA, huwa kitba ta’ Wistin ta’ Ippona In Epistolam Joannis ad Parthos Tractatus X, maqlub mit-test bil-Latin għall-Malti. Huwa kontribut ieħor tal-Provinċja Agostinjana f’Malta mhux biss għall-kitba reliġjuża Agostinjana bl-Ilsienna, iżda wkoll għat-tixrid tal-kitbiet u tat-tagħlim bnin ta’ S. Wistin għalina bħala Nsara.  

Dawn l-għaxar Omeliji huma fost l-iprem ta’ Missierna S. Wistin li huwa għamel matul il-ġimgħa tal-Għid il-Kbir, u matul xi jumejn wara din il-ġimgħa. X’iktarx li huwa għamilhom ġewwa l-Basilica Pacis, imma filgħaxija, f’ħin meta s-semmiegħa seta’ kellhom iktar ħin, u kienu iktar kalmi, jisimgħu prietki ta’ dak it-tul!

Wara li għadd ta’ studjużi tal-Omeliji ta’ S. Wistin dehrilhom li Wistin ipprietkahom iktarx f’xi sena wara l-420, illum kollha jaqblu li mhux hekk, għax, skont uħud minnhom, jidher ċar li hu għamilhom fis-sena 407. Hija sensiela ta’ Omeliji ta’ siwi kbir l-għaliex mis-suġġetti li kellem lis-semmiegħa tiegħu dwarhom, jidher bħallikieku huwa kien qiegħed jisħaq fuq kemm kien meħtieġ li huma jifhmu tajjeb minn xhiex għaddew meta tgħammdu ftit tal-ġranet qabel. Għaldaqstant, imbagħad, qamet il-mistoqsija ewlenija: jekk kemm-il darba dawn l-Omeliji jistgħux jitqiesu bħala għamla ta’ prietki fuq is-sagrament tal-Għid, għamla ta’ katekeżi mistagoġika, bħal dik li kienu jagħmlu, ngħidu aħna, Ambroġ ta’ Milan, jew il-qaddis patrijarka ta’ Ġerusalemm, Ċirillu. Il-prietki ta’ dawn fuq is-suġġett, kienu jkunu f’għamla ta’ tifsira, pass pass, ta’ kull waqt tal-għotja ta’ dan is-sagrament.

Minkejja li anki f’dawn li għamel Wistin jinstemgħu għadd ta’ drabi klimijiet bħal, ħajja ġdida, dawl, dlik, ilma, u ismijiet ta’ xi elementi oħrajn marbuta mas-sagrament tal-magħmudija, iżda xorta waħda ma jidhirx li għamel xi katekeżi fit-tul dwarhom. Tant hu hekk, li minn kif fisser fehemtu Wistin, jinħass li kien qiegħed iktarx ikellem semmiegħa li kienu ilhom li ħaddnu t-Twemmin, u li kienu hemm bħal qishom spettaturi, u mhux fost dawk li kienu qed jirċievu l-magħmudija. Tant li mill-Omelija 7 ᾽l quddiem, Wistin ma jsemmi qatt iktar is-Sagrament tal-Magħmudija.

Barra minn hekk, dawn l-Omeliji ma jsemmu qatt lil Kristu Rxoxt, jew xi ħjiel ta’ dak kollu li seħħ fil-Qawmien ta’ Kristu mill-Imwiet. Dawn l-Omeliji huma għaldaqstant prietki ta’ Wistin fuq ktieb partikulari minn dawk tal-Patt il-Ġdid, f’dan il-każ l-Ewwel Ittra ta’ S. Ġwann Appostlu, u li bla ebda mod ma huma marbuta maż-żmien liturġiku li fih għamilhom Wistin. Tant li fil-bidu, fil-Prologu, li matulu fisser l-għan ta’ kitbietu, kiteb hekk: Ġwanni qal bosta ħwejjeġ, u tista’ tgħid li kulma qal kien kollu marbut mal-imħabba.

L-imħabba tal-aħwa kien suġġett li dwaru Wistin kiteb, u tħadded, ta’ spiss, u, minn kif jinħass kliemu, kien hekk ħerqan sabiex jasal għas-suġġett tal-imħabba, li, ma’ tmiem l-ewwel Omelija, kien diġà, tista’ tgħid, fisser kwint mill-ittra kollha, sa, u lil hinn ukoll, minn fejn Ġwanni nnifsu semma, għall-ewwel darba, l-imħabba! Dan kien ukoll suġġett li kien jingasta sewwa ma’ dak kollu li kien qiegħed ikisser ras Wistin fiż-żmien li fih kien jipprietka, it-tilwim mad-Donatisti f’Ippona (fit-taqsima 16 tal-ktieb, P. Salvinu niseġ ġrajja mirquma ta’ dan il-muviment) hekk li tul l-Omeliji l-ħin kollu jtambar fuq il-fatt li x-xiżma Donatista huwa kien jaraha bħala ksur gravi tal-imħabba.

Nitlob lill-qarrejja ta’ dan il-ktieb sabiex ma jgħaġġlux fil-qari tiegħu. Jistgħu tajjeb jeħduh bħala ktieb għall-meditazzjoni, jew għal ftit tal-ħin ta’ qari spiritwali. Biżżejjed ngħarrafhom li hu fl-Omelija 7, (p. 161) fejn Wistin tħadded, u fisser il-kliem: ħobb, u li trid għamel (dilige et quod uis fac), kliem li tant ħasad lis-semmiegħa, u qarrejja ta’ kitbet Wistin, u li tant qala’ għajdut mal-Afrika ta’ Fuq kollha! Kien wieħed mill-istili ta’ Wistin sabiex jaħsad lis-semmiegħa, jew lill-qarrejja tiegħu, billi jinqeda b’tixbihat mill-iktar qawwija.

Wieħed mill-korsijiet tas-sena akkademika 2021-2022 (mill-Ġimgħa l-1 t’Ottubru 2021 – sal-10 ta’ Diċembru 2021; u t-tieni semestru mill-Ġimgħa, 21 ta’ Jannar 2022, sal-Ġimgħa 11 t’April 2022 (Jum il-Gradwazzjoni) tal-Istitut Agostinjan, jekk Alla jrid, sejjer ikun tifsira ta’ dawn l-Omeliji, u l-ktieb jingħata mal-applikazzjoni għall-attendenza għall-korsijiet sena akkademika. L-applikazzjonijiet jinfetħu fil-bidu ta’ Mejju 2021. Għal kull tagħrif ieħor dwar ix-xiri tal-volum, u dwar l-Istitut Agostinjan, ċemplu lil P. Salvinu Caruana OSA, Kunvent S. Wistin, Triq l-Ifran, il-Belt Valletta, fuq: 7929 4177 – 21249407, jew email This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it.

Santu Wistin ta’ Ippona. Waħda u Sħiħa hija l-Imħabba. 10 Omeliji ta’ S. Wistin fuq l-I-Ewwel Ittra ta’ S. Ġwann lill-Parti (Malta: Provinċja Agostinjana, 2020) (284p.) (ISBN 978-99957-1-881-7) Prezz: €15.

 


L-ewwel aġġornament – Restawr tat-tliet imniefaħ:

Tlestiet l-ewwel fażi tar-restrawr tal-orgni Mascioni (1959) fil-Knisja ta’ San Mark. It-tliet imniefaħ li jinfetħu doppju ġew restawrati kompletament, b’ġilda ġdida, tpoġġew f’posthom u tħaddmu.

Qabel sar ir-restawr, l-imniefaħ kien għadhom bil-ġilda oriġinali tal-1959. Ma kinetx f’qagħda ħażina għall-aħħar u kienet isservi ftit snin oħra bi ftit traqqigħ.

Imma, min-natura tar-restawr li jrid iwassal għal żmien twil ta’ servizz tajjeb, li traqqa’ biss mhux biżżejjed. Ikun jaqbel li ma jsirx xogħol bil-biċċiet u għalhekk l-imniefaħ kienu restawrati kompletament (mhux imraqqgħa biss). Dan hu proċess li jieħu ħafna ħin.

It-tliet imniefaħ inqalgħu u ttieħdu fil-ħanut tax-xogħol ta’ Robert Buhagiar f’Ħaż-Żabbar fejn ġew żarmati f’biċċiet separati. Il-partijiet kollha tnaddfu mill-ġilda l-qadima u materjal ieħor, u msewwija kif meħtieġ. Wara, il-biċċiet intramaw b’ġilda ġdida u fl-aħħar net tqiegħdu f’posthom.

Wara restawr metikoluż bħal dan, l-imniefaħ għandhom iservu għal mill-anqas 40 sena, għalkemm f’kull probabbiltà, għal ħafna aktar!

Robert Buhagiar

 

 


Nhar il-Ħadd 14 ta' Marzu, P. Pawl Muscat iċċelebra il-ħamsin sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu. Sfortunatament iċ-ċirkustanzi mhux ser jippermettulna niċċelebraw dan l-anniversarju lkoll flimkien, imma ninagħqdu miegħu u mal-Komunita’ tal-Belt, li jagħmel parti minnha bħala reliġjuż Agostinjan, u rrodu ħajr lil Alla għall-ministeru saċerdotali tiegħu tul dawn is-snin.

P. Pawl twieled Ħad-Dingli fl-14 ta’ Diċembru 1946 u ħa l-edukazzjoni sekondarja tiegħu fil-Kulleġġ Santu Wistin. Fl-1963 beda n-novizzjat fil-Kunvent ta’ Santu Wistin f’Għawdex u wara mixja ta’ formazzjoni, fis-17 ta’ Diċembru 1967 għamel il-Professjoni Solenni fl-Ordni ta’ Santu Wistin. Fl-14 ta’ Marzu 1971 imbagħad kien ordnat Saċerdot fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Gesu fir-Rabat.

Tul is-snin tal-ministeru tiegħu f’Malta ħadem l-aktar fil-Belt Valletta, imma anke għal diversi snin fil-Kunventi tar-Rabat Malta u tal-Belt Victoria f’Għawdex. Għal xi żmien serva anke l-komunita tal-Buskett. Ħadem ukoll fil-missjonijiet li l-Provinċja kellha f’La Goulette  (Tunez) u f’Katanja (Sqallija). Illum barra li jagħti servizz pastorali fil-parroċċa tagħna tal-Belt, iservi wkoll bħala Kappillan tal-Komunita Agostinjana ta’ Ħajja Kontemplattiva, tal-Monasteru ta’ Santa Katarina tal-Belt Valletta.

Għalkemm minħabba ċ-ċirkostanzi li qed ngħixu, ma stajniex inkunu fiżikament qrib tiegħu, u niċċelebraw miegħu dan il-mument, minn qalbna nawgurawlu ħafna saħħa, barka, u fuq kollox ħafna aktar ħidma fl-għalqa tal-Mulej.

 

Grazzi P. Pawl.

Ad Multos Annos


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.