Nhar is-Sibt 24 t'Ottubru 2020 kien inawgurat dawl ġdid għall-koppla tal-knisja parrokkjali ta' Santu Wistin il-Belt Valletta. B'kollaborazzjoni mal-proġett tar-riġenerazzjoni tal-port ta' Marsamxett u l-GHRC, dakinhar kien inawgurat dawl ġdid anke għall-koppla tal-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu u tal-Knisja tal-Madonna tal-Pillar.

Dan huwa parti minn proġett akbar ta' restawr u riġenerazzjoni tal-kunvent tagħna tal-Belt li issa ilu għaddej għal diversi snin. Ftit ġimgħat ilu filfatt inkixfet il-faċċata tal-Knisja u l-ġimgħa l-oħra inkixfet parti mill-ġenb tal-istess Knisja fuq triq San Ġwann. Apparti proġett ta’ restawr fuq ġewwa, il-ħsieb huwa li x-xogħol ikopri r-restawr fuq il-blokka kollha li tagħti fuq erba’ toroq.



F’komunikat lill-Provinċja, il-Provinċjal ħabbar li l-Pirjol Ġenerali qiegħed jiddispensa lill-Provinċja Agostinjana Maltija milli tiċċelebra l-Assemblea Provinċjali Intermedja 2020. L-Assemblea Provinċjali kellha tiġi ċċelebrata filfatt fis-27, 28 u 29 ta’ Ottubru fis-Sala San Nikola f’Ħal Tarxien b’forma adattata għal-limitazzjonijiet li ħolqot il-Pandemija Covid 19. Dan wara li l-istess Assemblea kienet ġiet posposta mid-data oriġinali tagħha li kellha tkun f’April ta’ din is-sena. Madanakollu wara li wieħed qies iċ-ċirkustanzi, inħass li ma jkunx prudenti li l-patrijiet minn kunventi differenti jinġabru għal tlitt ijiem ta’ diskusjonijiet.

L-Assemblea Provinċjali hija sensiela ta’ laqgħat u diskussjonijiet li jsiru wara sentejn mill-Kapitlu Provinċjali Ordinarju bl-iskop li, f’ambjent fratern, issir evalwazzjoni tal-mixja tal-Provinċja partikolarment fis-sentejn li jkunu għaddew.  Hija tagħti spazju wkoll biex fid-dawl tar-realtà preżenti jkomplu jinstabu modi kif il-ħajja u l-inizjattivi tagħna, partikolarment il-programm tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju ta’ qabel, jistgħu ikun aktar effettivi.

Sadanittant fil-jiem li għaddew il-Provinċjal għamel laqgħa fis-sitt komunitajiet tal-Provinċja u fiha ppreżenta l-materjal li kellu joffri spunt għad-diskussjoni fl-Assemblea. Fost dawn hemm l-evalwazzjoni tiegħu u tal-Kunsill Provinċjali li għandhom iservu bħala punt tat-tluq biex fix-xhur li ġejjin tkompli ssir riflessjoni bil-modi u mezzi li jippermettu ċ-ċirkustanzi ta’ madwarna.


Il-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani xtaqet li f’Malta titwaqqaf Fraternita’ Agostinjana Sekulari (FAS). Għalhekk waqfet kummissjoni ad hoc biex tistħarreġ din il-possibilta;’ taħdem fuq statut u tħejji programm ta’ formazzjoni għal dawk il-lajċi li huma nteressati li jkunu parti minn din il-Fraternita’.

Il -Fraternitajiet Agostinjana Sekulari fl-Ordni Agostinjan huma magħmula minn insara kattoliċi, rġiel u nisa li jinsabu fid-dinja u fil-qalba tal-Knisja. “Qalb waħda u ruħ waħda f’Alla”, huma jgħixu l-vokazzjoni tagħhom tal-magħmudija flimkien, impenjati li jaqsmu s-sejħa nisranija għall-qdusija mill-perspettiva Agostinjana, magħqudin b’rabta speċjali mal-Ordni Agostinjan.

L-Ordni ta’ Santu Wistin sa minn kmieni rawwem fi ħdanu numru ta’ lajċi, li filwaqt li jibqgħu jgħixu l-ħajja tagħhom fid-dinja, jissieħbu, bħala parti integrali, fil-għan u l-missjoni tal-Ordni billi jixorbu mill-istess għajn ta’ spiritwalità imsejsa fuq il-prinċipji dejjiema tar-Regola ta’ S. Wistin u tat-tradizzjoni sekulari tal-Ordni, f’sehem mill-kariżma għas-servizz tal-Knisja.

L-għan prinċipali tal-Fraternitajiet huwa li l-aħwa jkunu jafu u jgħixu s-sagrament tal-magħmudija fid-dinja mill-perspettiva tal-Ispiritwalità u t-tradizzjoni Agostinjana. L-aħwa jiltaqgħu biex jaqsmu bejniethom il-fidi u l-ħbiberija. Il-fidi hija d-don kbir li tana Alla, il-ħbiberija hija l-iktar ħaġa prezzjuża li tista’ tingħata lil xulxin.

Ill-Fraternita’ Agostinjana Sekulari titwaqqaf uffiċjalment b’digriet mill-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjan. B’hekk il-membri tal-Fraternita’ isiru parti integrali mill-Familja Agostinjana bħala Terzjarji Agostinjani jew bħala Lajċi Agostinjani.

Għal grazzja ta’ Alla kien hemm għaxar persuni li kienu nteressati li jkunu membri f’din il-Fraternita’, fosthom tliet koppji miżżewġin. Għalhekk nhar it-Tnejn, 19 ta’ Ottubru 2020, lejliet it-tifkira tal-Martri Santa Madalena ta’ Nagasaki, Terzjarja Agostinjana, saret l-ewwel laqgħa għal dawn il-lajċi. Minħabba l-prekawzjonijiet tal-pandemija tal-Covid-19, ġie deċiż li l-laqgħa ssir online. Fil-laqgħa kienu preżenti l-Provinċjal, Fr. Leslie Gatt u l-Assistent Reliġjuż tal-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani, Fr. Franco Grech. Waqt din l-ewwel laqgħa, il-Provinċjal tkellem dwar ir-rwol tal-lajċi fil-Knisja.  Il-Provinċjal tkellem ukoll li din il-Fraternita’ Agostinjana Sekulari ser tkun fuq livell Provinċjali u bl-ebda assoċjazzjoni ma’ xi komunita’ lokali waħda ta’ reliġjużi agostinjani. Is-sede tagħha ser ikun il-kunvent ta’ Santa Rita f’San Ġiljan.

Il-lajċi li huma nteressati li jkunu parti mill-Fraternita’ ser ikomplu jiltaqgħu kull xahar biex jikbru iktar flimkien fi Fraternita’, fil-fidi tagħhom u fl-ispiritwalita’ Agostinjana.

 


Fix-xahar t’Ottubru, normalment bħala Kummissjoni Provinċjali għall-Lajċi Agostinjani, nkunu qed norganizzaw l-ewwel laqgħa tagħna wara l-waqfa tas-Sajf. Din is-sena, sfortunatament minħabba l-Pandemija ma nistgħux niltaqgħu bħas-soltu.

Biex nżommu kuntatt magħkom ħsibna li norganizzaw quddiesa online li ġiet imxandra fuq il-paġna tal-Facebook Augustinians Malta - Agostinjani. Nirringrazzjaw lil Fr Terence Spiteri osa u lis-Sur Mario Randon li għamlu din it-trasmissjoni possibli. Iċċelebra l-Quddiesa il-Provinċjal P. Leslie Gatt osa, flimkien ma P. Franco Grech osa. Il-quddiesa kienet iċċelebrata fil-Kappella tal-Campus tas-sekondarja tal-Kulleġġ Santu Wistin f’Tal-Pieta’, u kienu preżenti għaliha il-membri tal-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani li taw sehemhom fl-animazzjoni.

Għażilna d-data tat-13 ta’ Ottubru għax f’din il-ġurnata l-Ordni Agostinjan jfakkar il-Benefatturi mejtin tal-Istess Ordni mxerred f’bosta pajjiżi madwar id-dinja. Hawn Malta u Għawdex ukoll, l-Agostinjani dejjem sabu nies ġenerużi li għenuhom spiritwalment u materjalment biex il-patrijiet setgħu ikunu preżenti, u jagħtu s-servizz pastorali tagħhom fost il-poplu ta’ Alla.

Ħafna minnha, li llum aħna midħla tal-Patrijiet Agostinjani, kellna qrabatna li kienu benefatturi ta’ xi preżenza Agostinjana f’pajjiżna jew barra minn pajjiżna...bħal fl-artijiet tal-missjoni. Din il-quddiesa online tat l-opportunita’ lil dawk li ma setgħux imorru f’xi knisja agostinjana, biex flimkien stajna noffru is-sagrifiċċju tal-quddiesa għar-ruħ dawn il-benefatturi, biex il-Mulej jagħtihom il-grazzja li jmorru jgawduh għal dejjem, u jekk diġa qegħdin quddiemu wiċċ imb’wiċċ, jitolbu għalina lkoll biex nitgħallmu minnhom inkunu ġenerużi fis-servizz tagħna lejn l-Ordni u l-Knisja, b’mod partikulari f’dan iż-żmien tant diffiċli ta’ Pandemija li lkoll flimkien għaddejin minnu.

Filwaqt li nżommu ‘l xulxin fit-talb, ħudu ħsieb, sabiex jekk Alla jrid ma ndumux ma nerġgħu nibdew niltaqgħu fil-laqgħat tagħna.

Min jixtieq jista' jerġa jara l-quddiesa fuq https://www.facebook.com/Agostinjani/videos/738746200056303 

Membri tal-Kummissjoni Provinċjali għal-lajċi Agostinjani


Nhar il-Ħamis, 24 ta’ Settembru 2020, iltaqgħu l-Patrijiet Agostinjani fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin, il-Belt Valletta. Huma kellhom laqgħa ta’ talb bħala parti mill-Evalwazzjoni u t-tiġdid li bħalissa l-provinċja qegħda tagħmel wara sentejn mill-Kapitlu Provinċjali Ordinarju 2018.

Il-laqgħa kienet immexxija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi, li barra li talab mal-patrijiet, għaddielhom messaġġ ta’ tama u kuraġġ, biex mnebbħa mill-Mulej, l-Għalliem Interjuri, jagħmlu mill-isfidi, opportunità ta’ tiġdid. “Ejjew inkunu konvinti li Alla jrid il-ġid, Alla jagħti t-tama, li l-ġejjjieni mhux f'idejna imma Alla jaf dak li qed jagħmel magħna,” hekk qal l-Isqof Mons. Joe Galea Curmi.

Fl-aħħar ta’ dan il-mument il-Provinċjal P. Leslie Gatt osa qara messaġġ mibgħut mill-Assistent Ġenerali P. Luis Marin de San Martin osa bħala parti mir-riflesjsoni li l-provinċja qegħda tagħmel f'dan iż-żmien partikolari. 

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.