Il-Papa Franġisku għadu kif innomina lil ħuna P. Luis Marín De San Martín OSA bħala sottosegretarju tas-Sinodu tal-isqfijiet u isqof titulari ta’ Suliana. Sa issa, P. Luis Marín iservi bħala wieħed mill-Assitenti tal-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjan responsabbli mir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Ewropa, jiġifieri Malta, Italja u Spanja.

L-isqof elett, P. Luis Marín, twieled f’Madrid Spanja fil-21 ta’ Awissu 1961. Huwa għamel l-ewwel professjoni fl-Ordni ta’ Santu Wistin fil-5 ta’ Settembru 1982 u l-Professjoni Solenni fl-1 ta’ Novembru 1985. Huwa kien imbagħad ordnat saċerdot fl-4 ta’ Ġunju 1988. Wara l-istudji tiegħu, kiseb imbagħad Dottorat fit-Teoloġija mill-Universita Pontificja Comillas ta’ Madrid. Tul is-snin, huwa serva bħala: responsabbli mill-formazzjoni f’Los Negrales

(1996-1999); Kunsillier Provinċjali (1999-2002); Pirjol tal-Monasteru ta’ Santa María de La Vid (2002-2008); u professur tat-Teoloġija fiċ-ċentri Agostinjani ta’ Los Negrales, San Lorenzo de El Escorial, u Valladolid. Mill-2004 huwa kien mistieden diversi drabi bħala lettur fil-Fakulta tat-teoloġija  tat-Tramuntana ta’ Spanja f’Burgos. Huwa jservi wkoll bħala Arkivista Ġenerali tal-Ordni, Assitent tal-Pirjol Ġenerali, u President tal-Istitut tal-Ispiritwalita tal-Ordni.

Flimkien ma’ P. Luis Marín De San Martín OSA, il-Papa llum innomina wkoll lil Sr Nathalie Becquart Xaviere, franċiża, it-tnejn sottosegretarji tas-Sinodu tal-Isqfijiet li ser ikunu qed jaħdmu mill-qrib mal-Emm. T. Mons Mario Grech fir-responsabilita tiegħu bħala Segretarju tal-istess Sinodu.

Il-Pirjol Provinċjali flimkien mal-aħwa kollha tal-Provinċja ta’ Malta jwasslu r-radd ta’ ħajr tagħhom lil P. Luis Marín De San Martín għall-appoġġ kontinwu tiegħu, waqt li jawgurawlu kull suċċess fil-ħidma ġdida tiegħu għas-servizz tal-Knisja Universali.  



Il-Pirjol Ġenerali tal-Ordni ta’ Santu Wistin, P. Alejandro Moral Anton, bagħat messaġġ lill-aħwa kollha tal-Ordni fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Ħajja Kkonsagrata li l-Knsija tiċċelebra fit-2 ta’ Frar. Huwa messaġġ li permezz tiegħu jesprimi viċinanza  f’dan ‘il-mument ta’ kriżi’ kkawżat mill-pandemija Covid-19, u joffri kelma ta’ kuraġġ u stedina biex ‘inbiddlu l-qlub imwebbsa mill-egoiżmu.’ Huwa jistieden lill-aħwa kollha tal-Ordni biex jidħlu f’mixja ta’ tiġdid u tama ‘miftuħa għan-novita tal-Ispirtu fl-għixien tal-Kariżma prorpja: kariżma li hija tant suġġestiva, tant attraenti, tant impenjattiva u tant attwali.’ Il-Pirjol Ġenerali fakkar lill-aħwa tal-Ordni fl-‘obbligu li jirriflettu mill-ġdid fuq ir-realta tagħhom bħala Agostinjani fil-Knisja u fid-dinja’ waqt li emfasizza li dan huwa wkoll dak li qed jitlob minnhom il-Papa.

Quddiem din l-isfida, huwa jipproponi tliet punti li jqis partikolarment urġenti biex jiġu kkonsidrati bis-serjeta:

  • L-għażla favur il-Ħajja – Kulħadd huwa msejjaħ biex jippromwovi l-ħajja u juri attenzjoni għal dawk l-aktar dgħajfa, waqt li jimpenja ruħu b’mod deċiżiv fid-difiża tad-dinjita tal-ħajja, b’dak kollu li din tfisser u titlob minna.
  • L-għażla għall-Fraternita - Fil-linja ta’ dak li l-Papa Franġisku talab mill-Knisja fl-enċiklika tiegħu Il-Fratellanza Umana, u dak li tipproponi l-kariżma tagħna, huwa importanti li noħolmu flimkien. Aħna msejħa biex inkunu għalliema u bennejja tal-tal-komunjoni waqt li nkunu dejjem moħħna miftuħ għal sens ta’ għaqda li jmur lilhinn minn kull fruntiera.
  • L-għażla ta’ riskji kreattivi – It-tiġdid kollu tal-Knisja jikkonsisti essenzjalment fit-tisħiħ u l-għixien awtentiku tas-sejħa ta’ kull wieħed. Aħna msejħin biex nimxu wara Kristu fil-Kariżma Agostinjana. Min jiltaqa verament ma’ Kristu jaqsam min-novita radikali tiegħu u jinfetaħ għall-aħbar it-tajba, jieħu r-responsabilita li jxandarha, ikun xhieda tagħha, u jagħmel għażliet radikali għat-tiġdid tant meħtieġ.

Il-virus li f’dawn l-aħħar xhur ħoloq tant tensjoni u restrizzjonijiet fl-imġieba tagħna, dawn il-jiem laqat anke membru tal-Komunità tagħna l-patrijiet Agostinjni tar-Rabat. Konsegwenza ta’ hekk il-Knisja Konventwali ta’ San Mark tinsab magħluqa u l-patrijiet tal-komunita jinsabu fi kwarantina. Għalkemm żgur li  mhix esperjenza sabiħa, dawn il-jiem kienu anke mument fejn wieħed japprezza l-viċinanza ta’ tant persuni qrib tal-Komunita. Hekk kitbilna l-Pirjol tal-istess Komunita, P. Rafel Abdilla:

“Nhar il-Ġimgħa filgħaxija, hekk kif sirna nafu li wieħed mir-reliġjużi tal-Kunvent tagħna kien positive għall-Covid-19, bla ma qgħadna nistennew l-awtoritajiet jgħidulna biex nidħlu f’kwarantina mandatorja, b’rispett lejn kull min jidħol fil-kunvent tagħna u lejn kull min jiffrekwenta l-Knisja tagħna, ħadna mill-ewwel id-deċiżjoni li nagħlqu kollox b’effett immedjat biex din l-istess marda ma tkomplix tinxtered. Hekk, aħna l-Patrijiet Agostinjani tar-Rabat flimkien mal-Provinċjal tagħna P. Leslie Gatt, bi prudenza lejn kulħadd għalaqna kollox għal matul dawn il-ġranet li ġejjin sakemm niftħu mill-ġdid l-istess Kunvent u l-Knisja ta’ San Mark għas-servizz ta’ kulħadd.

M’għandniex fomm biex nirringrazzjaw lil tant persuni li matul il-ġurnata tal-bieraħ ma waqfux iċemplulna u jiktbulna biex joffrulna l-għajnuna tagħhom f’dan iż-żmien li aħna l-Patrijiet Agostinjani ser ikollna nibqgħu ġewwa. Is-solidarjeta’ tagħkom tat lilna l-patrijiet serenita’ f’dan il-mument ta’ inċertezza u ta’ biża’. Ħafna oħrajn bħalna għixu jew qegħdin jgħixu din l-esperjenza li llum ninsabu fija aħna l-patrijiet. Ma nixtiequ lil ħadd jgħaddi minn dawn l-inċertezzi u l-biżgħat li din il-marda ġġib magħha. Biss, fl-istess waqt, j’Alla li kull min ser ikollu jħabbat wiċċu ma’ din is-sitwazzjoni tal-pandemija, isib min ikellmu, ifarrġu, joffrilu l-għajnuna li jista’ jkollu bżonn. Fil-jum tal-bieraħ, aħna l-Patrijiet Agostinjani esperimentajna verament kemm hawn persuni li jaħsbu fina u li jħobbuna. Grazzi tassew minn qalbna tal-qalb kbira tagħkom.”

 Waqt li nawguraw fejqan ta’ malajr, inwiegħduhom it-talb tagħna.


L-isem ta’ Santa Rita jqanqal tant devozzjoni f’tant persuni li jirrikorru lejn l-interċessjoni tal-Qaddisa tal-Impossibbli biex tidħol għalihom quddiem Alla. Il-Jum tal-Ħamis huwa jum li fih tant devoti tagħha jirrikorru lejha b’mod partikolari fil-Knejjes kollha Agostinjani, u aktar u aktar bħalissa meta jiġu ċċelebrati l-Ħamisjiet ta’ devozzjoni bi preparazzjoni għall-festa tagħha.

Santa Rita kienet reliġjuża Agostinjana li għexet fiċ-ċentru tal-Italja aktar minn 600 sena ilu imma diversi aspetti tal-ħajja tagħha, partikolarment it-tbatija li ġarrbet b’tant fidi, jagħmluha qaddisa tant popolari fid-dinja kattolika. Id-devozzjoni tal-15-il Ħamis tintrabat mal-fatt li Santa Rita ġarret ix-xewka ta’ Kristu fi xbinha għal ħmistax il-sena, wara li talbet lil Kristu biex taqsam miegħu it-tbatijiet li sofra għalina. F’dan il-kuntest tradizjonalment, tant nies iduru għall-interċessjoni ta’ Santa Rita bis-slaleb u d-diffikultajiet tagħhom u jitolbuha ħerqana biex twassal it-talba tagħhom quddiem il-Mulej.

Ir-reliġjużi Agostinjani, tista tgħid madwar id-dinja kollha, xerrdu tul is-snin id-devozzjoni lejn din il-qaddisa u ppreżentawha lill-poplu t’Alla bħala mudell ta’ tama fid-diffikultajiet tal-ħajja. Tul il-Ħamisijiet li jwasslu għall-festa ta’ Santa Rita, fil-knejjes kollha Agostinjani madwar Malta isiru ħsibijiet u talb speċjali bl-interċessjoni tagħa.

Il-Festa tagħha tkun iċċelebrata fit-22 ta’ Mejju prinċiparjament fil-Knejjes Agostinjani tal-Belt Valletta u tal-Belt Victoria, f’Għawdex. Il-Festa tkun iċċelebrata wkoll fil-knejjes l-oħra kollha Agostinjani. L-aħwa Agostinjani jħeġġuna biex induru lejn il-qaddisa u nitolbuha takkumpanjana fil-mixja tagħna lejn Alla li qatt ma jħallina weħidna, partikolarment fil-mumenti tqal tal-ħajja.


“Dak li għamlek mingħajrek ma jsalvakx mingħajrek” (Santu Wistin, Kummentarju fuq Salm 169,13). Għalhekk aħna r-reliġjużi Agostinjani nħossu l-bżonn li niġġeddu dejjem. Wieħed mill-modi kif dan isir huwa permezz tal-Formazzjoni Permanenti. Din il-Formazzjoni tieħu sens mill-fatt li aħna r-reliġjużi għandna bżonn insostnu u nagħtu ħajja ġdida l-grazzja tal-vokazzjoni tagħna. Kif ifakkarna Santu Wistin: “Jekk tgħid: ‘Daqshekk, biżżejjed’, tmut. Imxi dejjem ‘il quddiem, la tieqafx, la tħarisx lura, tieħux triq b’oħra. Min ma jimxix ‘il quddiem jieqaf, min ma jmurx ‘il quddiem imur lura” (Santu Wistin, Serm, 169,15.18)

Għalhekk nhar l-Erbgħa, 13 ta' Jannar 2021 bdejna sensiela ta’ laqgħat ta’ Formazzjoni bit-tema: Inkunu bennejja ta' Komunita' Evanġelika. Il-laqgħat qed imexxihom Fr. Philip Cutajar OFM Cap.

L-ewwel laqgħa saret fil-Knisja ddedikata lil San Nikola ta’ Tolentino f’Ħal Tarxien. Għażilna li l-laqgħa tkun fil-knisja biex inkunu nistgħu nżommu aħjar d-distanzi soċjali minħabba l-pandemija. Il-laqgħa bdiet bit-talba tal-Għasar u wara saret il-konferenza minn Fr Philip.

Nitolbukom titolbu għalina r-reliġjużi agostinjani f’Malta u Għawdex, biex dawn il-laqgħat iħallu frott spiritwali fina, ħalli ngħixu dejjem aħjar il-komunjoni ta’ bejnietna, biex inkunu xhieda tal-Evanġelju fost il-Poplu ta’ Alla f’dawn il-gżejjer.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.