Waqt iż-żjara li għamel fil-Knisja Parrokkjali tagħna fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Santa Rita, l-E.T. Mons Charles Jude Scicluna ta l-pussess bħala Kappillan ġdid tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin tal-Belt Valletta lil ħuna P. Alexander Cauchi O.S.A. li f’dawn l-aħħar xhur kien qed iservi bħala Amministratur Parrokkjali. Iċ-ċirkustanzi li qed ngħixu bħalissa ma ppermettewx li ċ-ċelebrazzjoni tal-bidu tal-ħidma pastorali fil-Parroċċa ssir bir-riti esplikattivi li s-soltu jsiru f’okkażjoni bħal din.

P. Alexander twieled f’San Ġiljan fis-16 ta’ Ġunju 1971. Wara s-sena tan-Novizzjat f’Tolenetino l-Italja, għamel l-ewwel professjoni fil-Familja tagħna Agostinjana fit-13 ta’ Settembru 1991. Fit-13 ta’ Novembru 1994 imbagħad għamel il-Professjoni Solenni. P. Alexnder kien ordnat saċerdot fit-18 ta’ Ottubru 1996 u ħadem f’diversi realtajiet pastorali li fihom inservu bħala agostinjani. Fost dawn, ta’ min isemmi l-ħidma tiegħu fir-Rabat, f’Ħal Tarxien u fil-Kulleġġ Santu Wistin. Għal diversi snin ħadem ukoll fil-Komunita’ tagħna tal-Belt Valletta kemm bħala viċi Kappillan u anke bħala Pirjol kif għadu jservi sa llum.

Minn qalbna nawguraw lil P. Alexander Cauchi, ħidma fejjieda fl-għalqa tal-Mulej waqt li nwiegħduh it-talb tagħna.

 

 



Insellmilkom f’dan il-jum speċjali għalina l-Agostinjani li fih niċċelebraw il-figura ta’ oħtna Santa Rita, figura tant popolari fost ħafna ħabieb tagħna u devoti tagħha.

Wieħed mill-aspetti li jagħmel lil Santa Rita, figura daqstant popolari huwa l-fatt li kienet mara li misset ma tant realtajiet u stati differenti tal-ħajja u allura anke għexet tant ferħat u sfidi li kull wieħed iġib miegħu. Kienet xebba li fitxet is-sejħa ta’ Alla f’ħajjitha, mara miżżewġa, omm, armla u anke reliġjuża. F’dawn it-tappi ltaqgħet ma sfidi mhux żgħar u forsi għalekk f’tant ċirkostanzi tal-ħajja nduru għall-interċessjoni tagħha u nitolbuha tidħol għalina quddiem Alla. Għexet l-isfidi tal-ħajja taż-żwieġ, għexet id-diffikultajiet ta’ omm li tixtieq tara lil uliedha jagħmlu l-aħjar għażliet, għexet l-uġigħ ta’ mara li żewġha jisfa vittma ta’ qtil, għexet il-piż ta’ mara li titlef lil uliedha, għexet id-dixxerniment vokazzjonali u l-esperjenza tal-Ħajja reliġjuża Agostinjana u fl-aħħar snin ta’ ħajjitha  ġarret fi xbinha l-ġerħa li għaqqditha tant mill-qrib mal-passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu...

Quddiem dawn ir-realtajiet li aħna natribwixxu għall-ħajja ta’ Rita, jagħmel aktar sens, il-fatt li ħafna minna fit-toqol differenti tal-ħajja iduru għall-interċessjoni tagħha u jitolbuha twassal it-talb tagħna quddiem Alla. Rita hija bla dubju ta’ xejn il-mara li kapaċi tifhem is-saram tal-ħajja imma aktar minn hekk, hija l-mara li kapaċi tgħixu b’serenita li tiġi biss minn esperjenza ta’ fidi qawwija f’Alla. L-eżempju li tpoġġi quddiemna Rita mhux ħajja bla tbatija jew bla difikulta (kif normalment inkunu nixtiequ aħna lkoll u xi drabi nippretendu!) imma ħajja mgħixa b’serenita anke jekk imtaqqlin b’tant diffikultajiet, anke jekk bħalissa limitati f’dak li nistgħu nagħmlu, anke jekk inħossni waħdi jew imtaqqal taħt il-mard. U s-serenita tigi mill-konvinzjoni li Alla qatt ma’ jħallini waħdi. Alla huwa dak li jħobbni kontinwament.

Rita għexet l-aħħar snin tal-ħajja tagħha bħala reliġjuża Agostinjana. Kienet ix-xewqa tiegħi li din is-sena, aħna u niċċelebraw il-qdusija ta’ din oħtna, f’ċirkostanzi partikolari, aħna r-reliġjużi Agostinjani noffru dan il-jum bħala opportunità ta' viċinanza spiritwali u napprofittaw biex nitolbu għall-qdusija ta' xulxin u t-tiġdid tal-familja tagħna Agostinjana.  F’dan il-kuntest nixtieq insellem b’mod partikolari anke lil ħutna sorijiet Agostinjani ta’ ħajja kontemplativa u ħutna sorijiet Agostinjani Servi ta’ Ġesu u Marija waqt li nitlob l-interċessjoni ta’ Santa Rita biex tħares il-familji reliġjużi tagħna u tberikhom b’vokazzjonijiet ġodda.

Nixtieq nieħu l-opportunita biex insellem u nitlob l-interċessjoni ta’ Santa Rita fuq dawk kollha li bħalissa qed jaħdmu b’kull mod biex jipproteġuna u jagħtuna s-servizz tagħhom f’kull qasam tal-ħajja. Niftakru wkoll f’dawk li din ir-realta ġabitilhom ħafna tbatija.

Imma fuq kollox nixtieq mill-ġdid insellem lilkom ħbieb tagħna kollha, devoti ta’ Santa Rita li s-soltu tiffrekwentaw il-knejjes tagħna biex titolbu l-interċessjoni tal-qaddisa tal-impossibbli u tiċċelebraw il-misja liturġika flimkien magħna. Din is-sena minħabba r-realta preżenti li qed ngħixu f’pajjiżna u madwar id-dinja, dan huwa anqas possibbli. Nassigurakom li qed inħossu n-nuqqas tagħkom bħalma intom tistennew il-mument li nkunu nistgħu nerġgħu niċċelebraw flimkien.

Imma sadanitant ejjew mid-distanzi tagħna u mir-realtajiet li qed ngħixu bħalissa, inħarsu lejn il-qaddisa tagħna u nagħmlu kuraġġ. Rita qatt ma qatgħet qalbha fil-ħajja anke meta l-istess xewka li ġarret fi xbinha żammitha l-bogħod saħansitra minn ħutha stess fil-monasteru. F’dawn il-mumenti iggranfat mas-salib ta’ Ġesu! Sinjal tal-Imħabba ta’ Alla għalina. Nawguralkom li f’dan il-jum u dejjem, partikolarment fid-diffikultajiet tal-ħajja, tħossu l-preżenza ta’ Alla l-missier mimli mħabba li jagħti l-ferħ u s-serenita tal-qalb lil dawk kollha li jpoġġu t-tama tagħhom fih.

Santa Rita tidħol għalina!

Fr. Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali

 

 


It-22 ta’ Mejju hija ġurnata għal qalb ħafna tal-familja Agostinjana u tad-devoti ta’ Santa Rita, l-Qaddisa tal-Impossibbli. Huwa jum li madwar id-dinja kollha, u partikolarment fir-raħal ċkejken ta’ Cascia fl-Umbrija fl-Italja, jiġbed tant nies li jimlew il-knejjes Agostinjani biex ifaħħru lil Alla u jitolbu bl-interċessjoni tal-qaddisa. Hija qaddisa li f’ħajjitha messet ma’ tant realtajiet u fil-mument tad-diffikultà, ħalliet il-fidi u t-tama tagħha f’Alla tmexxiha. Hija din ix-xewqa fil-qalb ta’ kull nisrani li tqanqalna nduru lejn Alla bl-interċessjoni tagħha.

F’Malta, f’dan il-Jum tal-Festa Liturġika, iċ-ċelebrazzjonijiet jikkonċentraw l-aktar fil-Knejjes tagħna tal-Belt Valletta u l-Belt Victoria f’Għawdex. Hija x-xewqa tagħna li f’Jum il-festa nwasslulkom anke ċ-ċelebrazzjonijiet minn dawn il-knejjes permezz tal-mezzi medjatiċi waqt li nisimgħu il-kelma tar-rgħajja spiritwali tagħna. Hekk fir-realtà partikolari li qed ngħixu din is-sena nkunu nistgħu ningħaqdu u niċċelebraw kif nistgħu il-fiduċja tagħna fl-interċessjoni tal-Qaddisa tal-Impossibbli, waqt li nħalluha tgħinna dejjem inkomplu nikbru fil-konvinzjoni li Alla qatt m’hu se jħallina weħidna.


Il-Malta Resuscitation Council taw Automated External Defibrilator (AED) lil Millennium Chapel. Dan l-AED intrebaħ minn grupp ta’ tobba Maltin li rrapreżentaw lil Malta f’Kompetizzjoni tas-CPR Ewropea fis-Slovenia (European CPR Competition) f’Settembru tal-2019.

Dan id-Defibrilator ser jitqiegħed f’post aċċessibbli fil-Millennium Chapel biex ikun jista’ jintuża f’każ ta’ emerġenza għal min ikun fl-istess bini jew fil-viċinanzi.

Il-Millennium Chapel tixtieq tirringrazzja lil Malta Resuscitation Council għal din l-għotja sabiħa.


Bħalissa, il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa tagħna jinsabu minn ta’ quddiem biex jiġġieldu l-pandemija tal-koronavirus (COVID-19) li qed tinfirex b’rata mgħaġġla madwar id-dinja. Dawn il-ħaddiema qed ipoġġu lilhom infushom fiċ-ċentru ta’ din il-kriżi mingħajr preċedent.  

Billi ma jistgħux jiltaqgħu fiżikament fuq bażi ta’ kull ġimgħa, kif normalment isir fir-rutina normali, il-grupp Augustinan Youths ingħaqdu flimkien biex juru l-appoġġ u l-inkoraġġiment tagħhom lejn il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa waqt din is-sitwazzjoni attwali.  Wara li fl-10 ta’ Frar il-grupp qatta nofs ta’ nhar mar-residenti li jinsabu f’Casa Leone f’ San Ġiljan, ħareġ bl-idea li joħloq vidjow qasir (tista' tarah fl-aħħar ta' dan l-artiklu) biex jesprimi l-apprezzament u l-gratitudni lejn dawn l-eroj. Il-filmat intbagħat lil numru ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa u carers li bħalissa qegħdin jaħdmu fid-dar residenzjali ta’ Casa Leone f’San Ġiljan, biex iħeġġuhom u jimmotivawhom f’dawn iż-żminijiet diffiċli.  

Minn qalbna nirringrazzjawhom għax-xogħol siewi u s-sagriffiċċji li jagħmlu ta’ kuljum. 

Edward Abela


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.