Quddiesa online għall-benefatturi mejtin tal-Agostinjani

Fix-xahar t’Ottubru, normalment bħala Kummissjoni Provinċjali għall-Lajċi Agostinjani, nkunu qed norganizzaw l-ewwel laqgħa tagħna wara l-waqfa tas-Sajf. Din is-sena, sfortunatament minħabba l-Pandemija ma nistgħux niltaqgħu bħas-soltu.

Biex nżommu kuntatt magħkom ħsibna li norganizzaw quddiesa online li ġiet imxandra fuq il-paġna tal-Facebook Augustinians Malta - Agostinjani. Nirringrazzjaw lil Fr Terence Spiteri osa u lis-Sur Mario Randon li għamlu din it-trasmissjoni possibli. Iċċelebra l-Quddiesa il-Provinċjal P. Leslie Gatt osa, flimkien ma P. Franco Grech osa. Il-quddiesa kienet iċċelebrata fil-Kappella tal-Campus tas-sekondarja tal-Kulleġġ Santu Wistin f’Tal-Pieta’, u kienu preżenti għaliha il-membri tal-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani li taw sehemhom fl-animazzjoni.

Għażilna d-data tat-13 ta’ Ottubru għax f’din il-ġurnata l-Ordni Agostinjan jfakkar il-Benefatturi mejtin tal-Istess Ordni mxerred f’bosta pajjiżi madwar id-dinja. Hawn Malta u Għawdex ukoll, l-Agostinjani dejjem sabu nies ġenerużi li għenuhom spiritwalment u materjalment biex il-patrijiet setgħu ikunu preżenti, u jagħtu s-servizz pastorali tagħhom fost il-poplu ta’ Alla.

Ħafna minnha, li llum aħna midħla tal-Patrijiet Agostinjani, kellna qrabatna li kienu benefatturi ta’ xi preżenza Agostinjana f’pajjiżna jew barra minn pajjiżna...bħal fl-artijiet tal-missjoni. Din il-quddiesa online tat l-opportunita’ lil dawk li ma setgħux imorru f’xi knisja agostinjana, biex flimkien stajna noffru is-sagrifiċċju tal-quddiesa għar-ruħ dawn il-benefatturi, biex il-Mulej jagħtihom il-grazzja li jmorru jgawduh għal dejjem, u jekk diġa qegħdin quddiemu wiċċ imb’wiċċ, jitolbu għalina lkoll biex nitgħallmu minnhom inkunu ġenerużi fis-servizz tagħna lejn l-Ordni u l-Knisja, b’mod partikulari f’dan iż-żmien tant diffiċli ta’ Pandemija li lkoll flimkien għaddejin minnu.

Filwaqt li nżommu ‘l xulxin fit-talb, ħudu ħsieb, sabiex jekk Alla jrid ma ndumux ma nerġgħu nibdew niltaqgħu fil-laqgħat tagħna.

Min jixtieq jista' jerġa jara l-quddiesa fuq https://www.facebook.com/Agostinjani/videos/738746200056303 

Membri tal-Kummissjoni Provinċjali għal-lajċi Agostinjani


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.