Belt Valletta

L-Agostinjani fil-bidu tal-belt il-ġdida

Ir-rabta tal-Agostinjani mal-Belt Valletta tmur lura għal jum tat-twaqqif tagħha, meta l-Gran Mastru Jean de la Valette qiegħed l-ewwel ġebla ta’ din il-belt il-ġdida fit-28 ta’ Marzu 1566. F’dik l-okkażjoni, l-Agostinjan Taljan, Patri Angosciola, għamel id-diskors inawgurali li baqa’ msemmi. Il-Gran Mastru La Valette miet f’Awwissu 1568 mingħajr ma laħaq ra l-belt tiegħu lesta. Warajh, laħaq Pietro del Monte li mill-ewwel ħaseb li jkompli fuq il-pjanti mhejjija minn dak ta’ qablu. Biex aktar iħajjar in-nies titla’ tgħix fil-belt il-ġdida, Del Monte beda jqassam xi artijiet lill-ordnijiet reliġjużi ħalli jibnu huma wkoll il-knejjes tagħhom.

Il-patrijiet Agostinjani tar-Rabat, talbu u qalgħu biċċa art fil-kwartier numru 43, li kien imiss ma’ erba’ toroq – Strada Del Monte (illum Triq San Ġwann), Strada San Giovanni (illum Triq l-Ifran), Strada Pia (illum Triq Melita) u Strada San Sebastiano (illum Triq Zekka). Il-kuntratt ġie iffirmat fl-10 ta’ Mejju 1571 u immedjatament bdew jinbnew il-knisja u l-kunvent, fuq id-disinn tal-Arkitett Ġlormu Cassar bit-titular tal-Madonna tas-Sokkors għalkemm il-kunvent kien iġib l-isem ta’ Santu Wistin. Wisq probabbli li l-ewwel knisja Agostinjana fil-Belt inbniet fil-kantuniera ta’ Strada San Sebastiano (Triq San Mark tal-llum). Ix-xogħol tal-bini kellu jitwaqqaf għal ftit taż-żmien minħabba li ma ntalabx il-permess meħtieġ mingħand l-Isqof. Madanakollu, fl-1 ta’ Novembru 1574, tkompla x-xogħol tal-bini.

Il-bini tat-tieni kunvent l-okkupazzjoni tal-Franċiżi

Wara kważi mitejn sena minn meta l-patrijiet bdew jaqdu d-dmirijiet pastorali fl-ewwel knisja tagħhom fil-Belt Valletta, kemm il-knisja kif ukoll il-kunvent kellhom bżonn tiswijiet kbar. Minħabba f’hekk il-patrijiet dehrilhom li jkun jaqbel jekk iħottu kollox u jibnu mill-ġdid. Biex tinbena knisja ġdida, ġiet magħżula l-kantuniera ta’ Triq l-Ifran ma’ Triq San Ġwann.

Fis-7 ta’ Jannar 1765 tqiegħdet l-ewwel ġebla għall-knisja u l-kunvent ġdid. Meta x-xogħol fuq il-bini tal-knisja kien laħaq mexa ‘l quddiem sew, fl-1779 miet l-arkitett Giuseppe Bonnici u x-xogħol tkompla mill-arkitett Antonio Cachia, b’xi tibdil żgħir. Minħabba nuqqas ta’ fondi l-bini kollu ma setax jispiċċa qabel tletin sena, jiġifieri fis-sena 1794, erba’ snin biss qabel l-okkupazzjoni Franċiża. Fis-7 ta’ Mejju 1785, il-knisja kienet uffiċjalment inawgurata għalkemm kien għad fadal disa’ snin biex jitlesta kollox. Mons. Vincenzo Labini, Isqof ta’ Malta bierek il-knisja u ttrasporta s-Sagrament Imqaddes mill-knisja l-qadima għall-ġdida.

Mal-wasla u l-okkupazzjoni tal-Franċiżi f’Malta, bdew jingħataw diversi ordnijiet u joħorġu digrieti, fosthom li l-ordnijiet reliġjużi f’Malta ma setgħax ikollhom aktar minn kunvent wieħed. Fil-fatt, lil kull ordni reliġjuż ħallewlu biss l-iżgħar u l-ifqar kunvent fil-każ tal-Agostinjani, dak ta’ Għawdex. Iż-żewġ kunventi, tal-Belt u tar-Rabat, għaddew f’idejn il-Franċiżi b’kulma kien fihom. Minħabba li r-reliġjużi Agostinjani tar-Rabat u tal-Belt ma setgħux jinġabru fil-kunvent ta’ Għawdex, il-maġġoranza marru joqgħodu mal-familji tagħhom. Il-patrijiet kienu mogħtija lura l-binja tagħhom bejn Diċembru 1800 u Jannar 1801. Il-patrijiet Agostinjani reġgħu bdew isebbħu lil dan it-tempju wara li ġie mneżża’ minn kull fidda u deheb, filwaqt li kompla għaddej ir-restawr tal-kunvent.

valletta.jpg

Żviluppi fi żminijiet moderni

Fl-1 ta’ Novembru 1844, saret proposta li jinbena kampnar fuq il-pjanta ta’ l-arkitett Luigi Bonavia. Ix-xogħol tlesta f’Mejju tas-sena ta’ wara (il-kampnar tal-lemin, li ma ġarrab ebda ħsara fit-Tieni Gwerra Dinjija kien mibni fl-1912). Hekk kif tlesta dan ix-xogħol u xi restawr fil-faċċata tal-knisja, il-Provinċjal Gejtano Pace Forno irċieva mingħand il-Ġeneral tal-Ordni biex jagħmel Edukandarju, post għal dawk iż-żgħażagħ li xtaqu jħaddnu l-Ordni Agostinjan. Fil-kunvent tal-Belt inbena sular ieħor, taħt it-tmexxija tal-perit Antonio Ruggieri, li tlesta fis-7 ta’ Lulju 1848.

Fost l-opri ta’ arti li saru f’dawn iż-żminijiet insibu żewġ kwadri kbar fil-kor, li huma xogħol tal-pittur Ruman, Domenico Bruschi. Fl-1 ta’ Lulju 1906, l-Isqof t’Għawdex, Mons. Giovanni M. Camilleri OSA ikkonsagra solennement il-knisja u mill-gdid l-Artal maggur.

Mal-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-kannierja tal-Knisja bdiet isservi bħala kenn għal ħafna nies, li kienu jorqdu wkoll ġewwa fiha. Fl-20 ta’ Mejju 1941, il-kunvent tal-Agostinjani fil-belt Valletta ntlaqat bil-bombi tal-ajru u ġarrab ħsarat kbar, speċjalment il-kantuniera ta’ Triq Zekka u Triq San Mark, fejn kien hemm r-refettorju u l-arkivju. Ftit anqas minn sena wara, fl-4 ta’ April 1942, f’attakk ieħor mill-ajru ġiet milquta l-knisja fil-kantuniera ta’ Triq l-Ifran ma’ Triq San Ġwann. Il-patrijiet kollha nġabru fil-kunventi tar-Rabat u ta’ Għawdex, ħlief xi tnejn jew tlieta biex qagħdu jgħassu dak li kien baqa’ mill-knisja u l-kunvent.

Malli spiċċat il-gwerra, kemm il-knisja kif ukoll il-kunvent, reġgħu nbnew kif kienu, b’xi tibdil ċkejken fil-kunvent. Minflok l-istatwa ta’ Santu Wistin li kienet fil-kantuniera li ġġarrfet, saret oħra tal-ġebel mill-iskultur Marku Montebello. Din inkixfert u tbierket il-Ħadd, 3 ta’ Ottubru 1948.

Wieħed mill-ħafna xogħolijiet artistici fil-knisja hu il-pulptu ta’ rħam magħmul fuq id-disinn tal-Kav. Vincenzo Bonello. Il-partijiet tal-iskultura u l-mudelli tagħhom saru mill-Professur Carlo Pigi minn Ruma. Dan il-pulptu tbierek u inawgurat il-Ħamis, 15 ta’ Ġunju 1950.

Il-Knisja mogħtija l-missjoni ta’ parroċċa

Nhar il-21 ta’ Jannar 1968, b’ittra pastorali ta’ Mons. Arcisqof Mikiel Gonzi, li nqrat fil-knejjes kollha ta’ Malta, tħabbar uffiċjalment li l-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta saret Parroċċa. Din il-parroċċa ġdida, li ħarġet minn dik ta’ San Duminku u tħaddan kwart mill-popolazzjoni tal-Belt, bdiet tiffunzjona bħala parroċċa fl-1 ta’ Frar 1968. Patri Salv Portelli OSA sar l-ewwel kappillan tal-parroċċa l-ġdida, iddedikata lil Santu Wistin, isqof.

Il-patrijiet Agostinjani f’din il-komunità jgħinu fix-xogħol pastorali u l-bżonnijiet spiritwali tal-parroċċa. Reliġjużi oħrajn tal-komunità jaħdmu f’ambjenti oħrajn, fosthom, tagħlim fl-Università, akkumpanjament ta’ gruppi u movimenti, kura spiritwali tas-Sorijiet Agostinjani ta’ ħajja kontemplattiva li jinsabu fil-monasteru ta’ S. Katerina, fil-Belt Valleta, eċċ.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.