Nhar l-Erbgħa 29 ta’ Lulju għal ħabta tas-7pm l-aħwa Agostinjani iltaqgħu flimkien għal mument ta’ talb fil-Meditation Gardens fil-Millennium Chapel Paceville u wara komplew jieħdu gost bil-preżenza ta’ xulxin billi kielu flimkien fuq it-terazzin tal-kunvent Marija Omm tal-Parir it-Tajjeb f’Paceville. Kien mument informali u sabiħ għaliex wara xhur sħaħ ‘il bogħod minn xulxin, minħabba l-Covid-19 erġajna ltqajna flimkien! Lyderystės ugdymas, Lyderystės mokymai https://www.monikasliupiene.lt/dienorascio-mintys/objektyviai-pagristas-lyderystes-ugdymas/

 

 

 



Bħal f’pajjiżi oħra, il-Covid-19, jew kif nafuh hawnhekk il-Koronavirus, wasal ukoll f’Kuba, Kellu laqgħa pjuttost bierda għax il-kotra kienet qiegħda taħseb li billi Kuba hija ġżira mhux ħa jolqotha. Għall-grazzja t’Alla ma laqathiex bil-qawwi bħalma laqat diversi pajjiżi. Skont l-aħbar li kienet dehret fuq it-TV kubana, il-Covid-19 daħal ma’ persuna anzjana ta’ nazzjonalità taljana li flimkien ma’ persuni taljani oħra ġew biex jgħaddu ftit jiem ta’ vaganzi f’waħda mill-isbaħ gżejjer tal-Karibe. Aħna lanqas konna nafu li dan l-anzjan li kien isofri minn diversi kundizzjonijiet mediċi disgrazzjatament miet hawn ukoll minħabba l-Covid-19. Ftit wara skoprejna li hekk kif wasal Kuba dan ir-raġel anzjan kien qiegħed joqgħod f’Rent Room żewġ toroq ‘l bogħod mill-parroċċa u l-kunvent tagħna.

Kollox beda għal ħabta ta’ nofs Marzu. Sa dak il-ħin kollox kien normali, in-nies barra, filgħodu tistenna l-karozza tal-linja bil-paċenzja kollha ħalli tmur għax-xogħol,  jew tiġri ‘l hawn u ‘l hemm biex takkwista l-ħtiġijiet tad-dar, fuq kollox biex il-familja jkollha x’tiekol. Mal-medda tal-lejl sa kmieni tal-għodwa tal-għada fit-toroq jew fil-ġonna pubbliċi titkellem, in-nies kienu jidħqu, jkantaw u jiżfnu, bil-mużika għolja kemm tiflaħ. Qed nitkellem minn ħajjitna ta’ kuljum fil-belt kapitali, La Havana.  

Il-grupp tat-taljani, wara li għadda xi jiem f’Havana, telaq lejn il-belt ta’ Santa Clara, daqs 270 kilometru ‘l bogħod minn hawn, u hemm dan ir-raġel anzjan marad u hekk feġġ l-ewwel każ tal-Covid-19. L-aħbar tħabbret fuq it-TV u minkejja din l-aħbar kollox baqa’ sejjer daqs li kieku ma kien ġara xejn. L-awtoritajiet kemm ċivili kif ukoll tal-knisja għall-ewwel ħmistax ma qalu xejn u ma ħarġu l-ebda direttiva. Kienu pjuttost l-istudenti tal-universita ta’ La Havana u tal-Istitut Pontifiċju fejn qiegħed naħdem jien li ħolqu kuxjenza tal-periklu li jġib miegħu l-virus u bdew jitolbu biex jingħalqu l-università u l-Istitut tagħna.

Fil-komunità tagħna agostinjana, billi jien kont għidt dak li kien għaddej fl-Istitut, ħsibna biex  fl-20 ta’ Marzu fl-10 ta’ filgħodu nlaqqgħu l-kunsill tal-parroċċa u nistiednu lil ħutna s-Sależjani li joqgħodu fil-parroċċa ħalli naraw x’nistgħu nagħmlu sakemm il-gvern u l-knisja   iħabbru l-miżuri meħtieġa. Fil-kunsill parrokkjali ddeċidejna li ngħalqu l-knejjes tagħna wara l-aħħar quddiesa tal-Ħadd tat-22 ta’ Marzu. Konna minn tal-ewwel li f’Kuba ħadna dan il-pass. F’dak l-istess jum, wara nofsinhar ħadt sehem fil-kunsill akkademiku tal-Istitut li għalih daħlet waħda mill-istudenti li kienet qed tmexxi il-moviment biex l-Istitut jingħalaq. Hawn ukoll iddeċidejna li t-Tnejn, 23 ta’ Marzu, wara l-aħħar klassi, jingħalaq l-Istitut.

Dak in-nhar konna ferm ottimisti. Ħsibna li kienet tempesta bħat-tempesti tropikali, li jiġu b’qawwa kbira imma jgħaddu malajr ukoll jekk fi ftit ħin jistgħu jagħmlu ħsara kbira u waqt li jkunu għaddejjin trid toqgħod ġewwa u tipproteġi ruħek u darek. Dak in-nhar, jiġifieri fl-20 ta’ Marzu, ħsibna li f’nofs Mejju konna ħa nkunu nistgħu nerġgħu niftħu l-Istitut u kollox jerġa jkompli daqs kieku l-Covid-19 qatt ma għadda minn fuqna. Kemm morna żmerċ u kemm tqarraqna!!

Fl-aħħar kemm il-gvern kif ukoll il-knisja tkellmu u  ħarġu d-direttivi tagħhom. Prattikament ikkupjaw il-miżuri tal-Ewropa, mingħajr ir-rigoriżmu ta’ dawn il-miżuri ewropej, speċjalment dwar il-kwarantina, li hawn, f’Kuba, din il-kelma ftit tintuża; hawn jippreferu l-frażi  aislamiento social  (social isolation) jew terminu aktar spanjol milli kuban ta’ confinamiento (confinement).

Minn jum għall-ieħor kollox ingħalaq, waqaf it-trasport pubbliku fl-ibliet, fl-irħula u bejn l-istess provinċji. Waqa’ skiet kbir, speċjalment fil-ġnien pubbliku li hemm quddiemna. Min-naħa tiegħu l-ministeru tas-saħħa ħa l-miżuri meħtieġa biex jaffronta l-pandemija. Għall-grazzja t’Alla Kuba għandna strutturi ferm tajbin f’dan il-qasam u esperjenza kbira. Filfatt irnexxielhom jikkontrollaw is-sitwazzjoni tant sewwa li s’issa l-Covid-19 ikkaġuna biss 86 imwiet u 2,462 infettati li kellhom jidħlu l-isptar għall-kura. Fil-preżent, il-pandemija hija kkontrollata mija fil-mija. Il-provinċji kollha, barra dik tagħna  ta’ La Havana, jinsabu fit-tielet fażi; imwiet m’hawnx u wieħed jew żewġ infettati jfeġġu fil-ġurnata.

Il-Covid-19 ġab ħsara kbira, imma x’tagħlima kbira ta lill-umanita tallum! Bħalma qal sewwa l-Papa Franġisku fid-diskors Urbi et Orbi tas-27 ta’ Marzu 2020, il-pandemija tal-Covid-19 «kixfet l-vulnerabbilità tagħna u kixfet fil-beraħ s-sigurtajiet foloz u superfiċjali li bihom ħdimna l-aġendi tagħna, il-proġetti tagħna, ir-rutini u l-prioritajiet tagħna, ...  neħħitilna l-make-up ta’ dawk l-istereotipi [jiġifieri l-mudelli ta’ ħajja li aċċettajna mingħajr lanqas biss staqsejna lilna nfusna x’jiswew] li bihom libbisna l-egos tagħna» li ma jinteressawx rwieħhom, jekk mhux biex jidhru sbieħ u qawwija minn barra.

Fuq kollox il-pandemija tal-Covid-19, ikompli jgħid il-Papa Franġisku, fakkritna li aħna nagħmlu parti mill-istess familja, li aħna lkoll aħwa, u dan il-fatt, jispiċċa jgħid Franġisku, «la nistgħu u lanqas irridu naħarbu minnu». Dan id-diskors tal-Papa Franġisku jiswa l-aktar għall-ġnus tal-pajjiżi għonja tal-Oċċident u b’mod partikulari għall-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq fejn il-bniedem stagħna materjalment u tfaqqar spiritwalment, tneżża minn ruħu biex jidher sabiħ f’ġismu, il-persuna tiegħu saret art niexfa, bla valuri, u wied ta’ superfiċjalitajiet.

X’effett kellha l-pandemija tal-Covid-19 f’Kuba, speċjalment f’La Havana? Bla dubju ta’ xejn hawn tfaqqarna minn barra u materjalment imma mhux il-ġewwieni tagħna u tal-Kubani li magħhom nagħmlu familja waħda. Il-fatt li aħna lkoll aħwa ma intilef qatt. Huwa fatt li ħadd ma jista’ jiċħdu li l-pandemija faqritna ekonomikament. Fil-preżent la hawn laħam, la ħut, la majjal, fl-istess kampanja ma hemmx ħxejjex u prodotti essenzjali agrikoli oħra, saħansitra lanqas kaxxa sufarini ma ssib!!!

Minn qabel dħalna fil-ewwel fażi, hawn f’La Havana,  meta jasal t-tiġieġ, żejt u prodotti meħtieġa oħra, trid tinkiteb fil-lista, tistenna siegħat twal biex tkun tista’ tidħol fil-ħanut b’qalbek dejjem ittertaq għax mhux l-ewwel darba li xħin tasal int dak li jkun qiegħed jgħasses mal-bieb jgħidlek: se acabó, ma hemmx aktar. Ħmistax ilu waħda mill-parruċċani tagħna rnexxielha tikteb ismi fuq il-lista. Kont in-numru 283. Ħadna ħamest ijiem biex wasalna u konna ffortunati li nixtru borża bit-8 saqajn tat-tiġieġ għal 3 persuni u dawn kellhom iservu sakemm jerġa’ jasal stokk ieħor ta’ tiġieġ!!

Meta f’dan l-artiklu tkellimt mill-kwarantina għidt li l-Kubani ma tantx jużaw din il-kelma u li din il-kwarantina ma kienetx daqshekk iebsa. Ta’ kuljum it-TV javża: quedate en casa (ibqa’ d-dar). Għalxejn, għax il-Kuban ma jissaportix id-dar, irid joħrog barra, jiltaqa’ mal-oħrajn. Għalih li jinfired soċjalment mill-oħrajn jagħmillu swied il-qalb u dieqa. Il-Pandemija xorta ma rnexxiliex żżomm lil Kuban ġewwa fid-dar. In-nuqqas ta’ ikel u ta’ ħwejjeġ oħra kien l-isbaħ skuża biex il-Kuban jeħles ruħu mill-qfil ġewwa d-dar u fih innifsu.

It-toroq qatt ma kienu baħħ. U issa li għadna biss fl-ewwel fażi tar-rekuperazzjoni, it-toroq u l-ġonna reġgħu bdew jimtlew bit-tfal, żgħażagħ u adulti. Il-kant u l-mużika reġgħu bdew jagħtu r-ruħ lis-skiet li għalih il-Kuban mhux imdorri.

Jekk il-bniedem għani oċċidentali permezz tal-pandemja tal-Covid-19 kellu u għad għandu l-okkażjoni li mill-ġdid jirkupra s-sens tal-familja u tas-soċjetà, il-Kuban kellu u għad għandu l-okażjoni li jgħożż is-skiet, speċjalment interjuri, jgħix r-realtà tal-familja mhux biss fil-materjalità tagħha iżda wkoll fil-valuri umani u spiritwali tagħha. Fuq kollox jinbena aħjar f’personalità li filwaqt li tgawdi kundizzjonijiet ta’ ħajja materjali u umana xierqa, tinfetaħ aktar għall-valuri traxxendentali u għall-fidi nisranija. Din hija l-isfida li nħoss li għandna quddiemna, aħna l-Agostinjani f’La Havana,  issa li tqarribna lejn in-normalità ġdida: kemm fil-parroċċa kif ukoll fis-seminarju u l-Istitut pontifiċju P. F. Varela, flimkien mal-Kubani, - tfal, żagħżazgħ u adulti li l-Mulej afdalna f-idejna -, irridu nissieltu biex intejbu l-ġewwieni tagħna u naslu, ukoll jekk imperfettament, biex nibnu knisja u soċjetà aktar denji ta’ umanità u ta’ ħajja nisranija  li jwasslu għall-veru hena tar-ruħ u tal-ġisem. Dan il-veru hena huwa dak li  jintegra l-materjali u l-ispiritwali, l-individwali u s-soċjali f’viżjoni aktar wiesgħa, miftuħa u armonjuża, fejn il-bniedem, bħalma jgħid Santu Wistin, għalkemm fost ħafna diffikultajiet u provi iżda b’ħafna sliem u paċi, jgħix b’impenn kbir ħajtu fuq din l-art bħala pellegrin li riesaq lejn il-patrija vera tiegħu li hija l-ħajja eterna, l-għaqda dejjiema ma’ Alla u l-ġemgħa tal-anġli u tal-qaddisin.

P. Luċjan Borg O.S.A

 

 


Il-Provinċja Agostinjana Maltija tinagħqad mal-ferħ tal-Knisja f’Għawdex u tilqa' lill-E. T. Mons Anton Theuma li għadu kif ġie nnominat Isqof għad-Djoċesi Għawdxija.

Mons Anton Theuma li għandu 56 sena huwa mix-Xagħra u f’dawn l-aħħar snin serva lill-Knisja bħala Delegat tal-Isqof għall-Familja. Filfatt sa llum huwa d-Direttur tal-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni, u responsabbli mill-kura pastorali taż-żona madwar l-Istitut, fil-Belt Victoria.  F’dan l-uffiċċju huwa ħadem ħafna fil-pastotrali tal-familja partikolarment il-korsijiet ta’ preparazzjoni għall-għarajjes u akkumpanjament lill-familji b’diffikulta. Tul is-snin tal-ministeru saċerdotali tiegħu huwa serva wkoll għal 10 snin bħala rettur tas-Seminarju Maġġuri u sal-llum għadu jgħallem fl-istess Seminarju.

Mons Anton Theuma ser ikun l-għaxar isqof għad-djoċesi ta’ Għawdex. Fostom kien hemm l-isqof Agostinjan Mons Giovanni Marija Camilleri, li serva bħala isqof għal aktar minn 35 sena u li matulhom saru diversi proġetti fid-djoċesi li kienet għadha waħda relattivament żagħżugħa. Fost dawn ta’ min isemmi l-bidu tad-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Pinu u l-proġett tal-bini tas-Santwarju ddedikat lilha. 

Il-Preżenza tal-Agostinjani f’Għawdex tmur lura għal aktar minn 500 sena meta nsibu refernzi għall-Knisja u Kunvent fil-Belt Victoria. Għal ħafna snin dan il-kunvent serva bħala dar tan-novizzjat għall-Provinċja u fiż-żminijiet aktar riċenti bħala dar tal-Irtiri kif għadu jservi sa llum, anke jekk f’dimensjoni iżgħar. Fis-snin riċenti l-Provinċja Agostinjana Maltija bdiet tippromwovi l-figura tal-Ajk Agostinjan Għawdxi Fra Grazzja Gauci u filfatt is-sena l-oħra d-djoċesi laqgħet uffiċjalment it-talba biex inbeda l-proċess ta’  ġbir ta’ materjal relatat mal-figura tal-fra u l-fama tiegħu ta’ qdusija.

Sadanittant, il-provinċjal bagħat messaġġ ta’ Awguri f’isem l-aħwa kollha Agostinjani lill-isqof elett u assigurah mit-talb u l-koperazzjoni tagħna. F’messaġġ ieħor il-Provinċjal irringrazzja lill-E. T. Mons Mario Grech tal-ħidma u l-viċinanza tiegħu tul dawn is-snin li fihom serva bħala isqof tad-djoċesi ta’ Għawdex.

ritratti: Diocese of Gozo


Bejn l-24 u s-26 ta’ Lulju ta’ din is-sena, il-grupp ta’ żgħażagħ Augustinian Youths organizza live-in partikolari li ġab it-tema bl-isem "Made For More!". Sejjaħtlu partikolari għaliex dan il-live-in iffoka l-aktar fuq l-integrazzjoni ta’ dawn iż-żgħażagħ li ħadmu ħafna sabiex tellgħu attivitajiet u sessjonijiet differenti kif xtaqu huma b'rabta ma’ din it-tema. Matul din l-esperjenza mill-isbaħ, li kulħadd qabel kemm spikkat iżjed minn esperjenzi simili oħra, ħassejna l-ħtieġa mhux biss li ngħixu, insajru u norqdu flimkien, iżda wkoll li nikbru, nifhmu u nħobbu lil xulxin aktar sabiex inkunu nistgħu verament ninfetħu għall-oħrajn u nwettqu l-ħolm tagħna f’realtà. Il-live-in kien maqsum f’bosta sessjonijiet prattiċi li wasslu għal riflessjoni u azzjoni fuq livell personali, spiritwali iżda wkoll fuq livell komunitarju.

L-għan aħħari kien li filwaqt li kull wieħed u waħda minna jħalli lil Alla jaħdem ġewwa fih billi jiskopri aktar lilu nnifsu, dak li jkun imbagħad jiftaħ lilu nnifsu għal sħabu b’imħabba u jkun lest li jagħti qalbu u ħinu għal sħabu. Nista’ ngħid li lkoll kemm aħna grati għal din l-opportunità imżewqa u mimlija b’attivitajiet differenti, fosthom team building, talb, tisjir flimkien, ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, logħob, fitness, mument ta’ riflessjoni u qrar, baħar,  u sharing! Kemm hi sabiħa l-komunjoni Imma kemm hi ħaġa iżjed tal-għaġeb li tara lil Alla jaħdem fid-dinja ta’ madwarek, speċjalment f’dawk li huma l-aktar għeżież għalik!

Edward Abela

 

 


Minn nhar is-Sibt 13 ta’ Ġunju filgħaxija f’Malta ser jerġgħu jibdew isiru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-quddies fil-pubbliku. Wara tliet xhur niċċelebraw l-Ewkaristija privatament fil-komunitajiet Agostinjani tagħna, nieħdu gost li issa ser nerġgħu nibdew naqsmu dan il-mument tant għażiż għalina flimkien magħkom f’diversi Knejjes li aħna nservu.  Nistennew bil-ħerqa l-mument li flimkien nerġgħu nibdew niċċelebraw il-fidi tagħna.

Madanakollu tifhmu li ċ-ċirkostanzi li għadna qed ngħixu għadhom qed ipoġġu fuqna ħafna restrizzjonijiet. Fil-knejjes ser ikunu qed jidħlu ammont limitat ta’ persuni minħabba d-distanza li hemm bżonn tinżamm bejn persuna u oħra. F’dawn iċ-ċirkostanzi nħeġġukom taslu fil-knejjes qabel il-ħin minħabba li jista’ jkun ma jkunx hemm spazju għal kulħadd. Tifhmu kemm tkun iebsa għalina li jkollna naċċettaw biss numru partikolari ta’ nies (skond il-kobor tal-Knisja).

Hemm anke numru ta’ prekawzjonijiet li jridu jittieħdu biex nipproteġu s-saħħa ta’ xulxin bħal ngħidu aħna; li tkun ippruvata t-temperatura fid-daħla tal-Knisja, li jintuża sanitiżer, u  li tintlibes il-maskla jew visor. B’dispjaċir għalina, d-direttivi qed jitolbu anke lil dawk li għandhom ‘il fuq minn 65 sena jew li huma vulnerabbli biex għalissa ma jgħinux fil-knejjes jew fuq l-altar. Nixtiequ nieħdu l-okkażjoni biex nesprimu l-apprezzament kbir tagħna għall-għajnuna li tagħtuna matul is-sena kollha u nistennew il-mument meta tkunu tistgħu tkomplu tgħinuna fid-diversi ministeri li taqdu. F’dan il-kuntest, inħeġġu anke persuni oħra li għandhom anqas minn 65 sena u jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex javviċinaw lil min hu responsabbli mill-Knisja partikolari.

Minħabba limitazzjoni ta’ spazju u x-xogħol ta’ restawr li għaddej, għalissa l-Kappella ta’ Santa Rita f’San Ġiljan ser tibqa temporanjament magħluqa għal ftit ġimgħat oħra. Nittamaw li għal Settembru ċ-ċirkustanzi jkunu aħjar u nkunu nistgħu inkomplu nagħtu s-servizz pastorali tagħna hemmhekk ukoll. Sadanittant f’San Ġiljan stess, bħala Agostinjani ser inkunu qed niċċelebraw il-quddies fil-Knisja tal-Madonna tal-Bon Kunsill. Il-Kappella tal-Monasteru ta’ Santa Katarina fil-Belt Valletta għalissa ser tibqa wkoll magħluqa għall-pubbliku għalkemm l-Ewkaristija baqgħet u ser tibqa tiġi ċċelebrata xorta waħda mal-komunità monastika.

Napprezzaw ferm il-koperazzjoni tagħkom f’dan kollu u l-għajnuna biex is-servizz jista’ jibqa jinagħta f’diversi realtajiet. Nieħdu gost li anke intom tapprezzaw l-isforsi li qed isiru fiċ-ċirkustanzi preżenti.

Il-ħinijiet u l-postijiet fejn ser inkunu qed niċċelebraw l-Ewkaristija minn nhar is-Sibt 13 ta’ Ġunju filgħaxija għalissa ser ikunu dawn:

 

Knisja Parrokkjali Santu Wistin Valletta:

mit-Tnejn sas-Sibt: 6am, 7.10am, 9.30am, 7.15pm

Il-Ħadd: 7.30am, 9.30am, 10.45am, 7.15pm

 

Knisja Madonna tal-Parir it-Tajjeb, Paceville:

mit-Tnejn sal-Ġimgħa: 7.30am, 6.45pm

Is-Sibt: 7.30am, 6.30pm, 9.30pm

Il-Ħadd: 7.30am, 9.00am, 11.30am (Bl-ingliz)

 

Knisja San Nikola minn Tolentino, Ħal Tarxien:

mit-Tnejn sal-Ġimgħa: 6.30am, 8.30am

Is-Sibt: 6.30am, 8.30am, 6.30pm

Il-Ħadd: 7.00am, 8.30am, 10.00am

 

Knisja San Mark, ir-Rabat:

mit-Tnejn sas-Sibt: 6.00pm

Il-Ħadd: 10.00am

 

Knisja San Martin, il-Baħrija:

mit-Tnejn sal-Ġimgħa: 6.30pm

Is-Sibt: 6pm

Il-Ħadd: 9.00am

 

Kappella Sant'Anton Abbati, il-Buskett:

is-Sibt: 7.00pm

Il-Ħadd: 8.00am

 

Knisja Santu Wistin, Victoria, Gozo:

mit-Tnejn sas-Sibt: 7.00am, 6.30pm

Il-Ħadd: 7.00am, 9.45am

 

(Fix-xhur li ġejjin dawn il-ħinijiet ikunu riveduti skond iċ-ċirkustanzi)


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.