Jekk il-maskra għattitilna t-tbissima,

agħmel mezz li għajnejk iwasslu l-ħarsa mimlija mħabba ta’ Ġesù.

 

Ilkoll nafu li ċ-ċentru ta’ dak kollu li niċċelebraw u noħolqu f’dawn il-jiem tibqa’ x-xena tan-natività li tfakkarna f’dik il-ġrajja li seħħet tant snin ilu meta Sidna Ġesù Kristu twieled fl-għar ta’ Betlehem. Għalkemm illum ħafna drabi nħarsu lejha bħala xena pjuttost simpatika, meta wieħed jidħol naqra aktar fil-fond, jirrealizza li mal-ferħ tat-twelid ta’ tarbija, dik il-ġrajja ġarret ukoll tant tbatija, mistoqsijiet u inċertezzi.

Il-Milied li qed niċċelebraw din is-sena, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-lum, sabna qed inġorru forsi sentimenti simili. Qed ngħixu b’tant restrizzjonijiet, uħud minna qed ibatu mill-mard jew mill-biża’, oħrajn jgħixu tensjoni u inċertezza relatati mal-pandemija, imma anke ma’ ċirkustanzi oħra li forsi wieħed ġarrab jew għadu jġarrab fil-ħajja. F’din ir-realtà, bħalma ġara elfejn sena ilu, ser jerġa’ jitwieled Ġesù! U dakinhar bidel l-umanità! Dakinhar Alla sar bniedem għalina! U llum Alla ser jerġa’ jsir bniedem għalina. Illum Alla jixtieq jasal għandna permezz ta’ tant persuni u ċirkustanzi, u jixtieq jasal għand l-oħrajn permezz tagħna! Hekk jerġa’ jsir sinjal ta’ tama għalina lkoll.

L-istedina tiegħi lil kull wieħed u waħda minna hija allura li nagħrfu nkunu nies miftuħa biex nilqgħu t-tama ta’ Ġesù, inħalluha tibdilna, u tħeġġiġna biex inkunu kapaċi nkunu dawl għal ħaddieħor. Din hi bla dubju ta’ xejn parti mill-missjoni tagħna bħala mgħammdin u nies li lesti nħallu l-kelma ta’ Alla tinkarna fina u tibdilna minn ġewwa.

Nawgura li nkunu nies dejjem lesti noħolqu opportunitajiet biex inwasslu lil Ġesù, u dan anke lil dawk li forsi qed insibu diffikultà biex nikkomunikaw magħhom b’mod seren. Jekk il-maskra għattitilna t-tbissima, ejjew nagħmlu mezz li għajnejna jwasslu l-ħarsa mimlija mħabba ta’ Ġesù. Dan huwa dak li bla dubju ta’ xejn  il-komunitajiet, il-familji, u s-soċjetà tagħna tant għandhom bżonn f’dan iż-żmien aktar minn qatt qabel!

Dan huwa wkoll żmien adattat biex wieħed juri apprezzament lejn xulxin u għaldaqstant nieħu din l-okkażjoni biex f’isem il-provinċja tagħna, nirringrazzja lil dawk kollha li b’mod jew ieħor jikkollaboraw magħna fil-ħajja tal-komunitajiet tagħna, fl-inizjattivi pastorali u fiċ-ċelebrazzjonijiet li nagħmlu fil-knejjes tagħna. Nawguralkom li l-ħarsa mimlija mħabba ta’ Ġesù tmiss lil qalbkom f’dan il-Milied, u tkun magħkom u ma’ dawk l-aktar qrib tagħkom matul is-sena l-ġdida.

P.Leslie Gatt OSA

Pirjol Provinċjali



Nhar il-Ħamis 17 ta' Diċembru 2020, P. Ambroġ Delia ċċelebra s-sittin sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu. Kienu snin li fihom  ħuna P. Ambroġ ħadem f’diversi oqsma fil-provinċja u qeda l-ministeru saċerdotali tiegħu b’ħafna dedikazzjoni.

P. Ambroġ twieled Ħaż-Żebbuġ fl-1938 u inagħqad mal-familja Agostinjana fl-1953. Wara li temm l-istudji tiegħu f’Malta u f’Ruma, huwa kien ordnat Saċerdot fis-17 ta’ Diċembru 1960. L-ewwel snin tal-ministeru tiegħu għexhom fil-komunita tar-Rabat fejn kien ukoll jgħallem lill-istudenti reliġjużi u aktar tard kompla bil-ministeru tat-tagħlim anke fl-Inserm. Għal diversi snin kien ukoll responsabbli mill-formazzjoni inizzjali tar-reliġjużi. Fis-snin sebgħin serva wkoll għal tnax il-sena bħala Kappillan tal-Parroċċa tagħna tal-Belt li kienet għadha propju fl-ewwel snin tagħha. Wara kien ukoll pirjol tal-Komunita tal-Madonna tal-Bon Kunsill f’Paceville u ħadem ukoll fil-komunitajiet ta’ Santa Rita u tar-Rabat. Huwa serva wkoll bħala kappillan tal-Monasteru ta’ Santa Katarina fil-Belt u anke f’diversi uffiċċji u kummissjonijiet Provinċjali. Fl-2012 ġie rikoverat fid-dar tal-Kleru f’Birkirkara.

Sfortunatament iċ-ċirkustanzi mhux ser jippermettulna niċċelebraw dan l-anniversarju flimkien miegħu fiżikament. Madanakollu ninagħqdu miegħu fit-talb tagħna u r-radd il-Ħajr lill-Alla għal dak li għamel miegħu  u magħna permezz tiegħu.  Fuq kollox nawgurawlu ħafna saħħa u ferħ fil-Mulej li tant serva matul ħajtu.

Grazzi P. Ambroġ.

Ad Multos Annos.


Permezz ta’ ċelebrazzjoni li saret l-Erbgħa, 9 ta’ Diċembru 2020 fil-Konkattidral ta’ San Ġwann Il-Knisja f’Malta sellmet u rringrazzjat lil Alla għad-don tal-Emminenza tiegħu Mons. Mario Grech li fil-konċistorju tat-28 ta’ Novembru kien ikkreat bħala Kardinal. Il-Pirjol Provinċjali P. Leslie Gatt, irrappreżenta l-Provinċja Maltija għaċ-ċelebrazzjoni waqt li wassal l-awgurju tal-aħwa lill-Kardinal Grech.

L-Eminenza tiegħu Mario Grech filfatt ġie kkreat kardinal wara biss ftit xhur mit-telfa ta’ ħuna l-Kardinal Prospero Grech osa. Bħala ġest ta’ tifkira u apprezzament tal-viċinanza tiegħu, kif ukoll tal-ħbiberija ta’ bejniethom, il-Provinċja Agostinjana tat lill-Kardinal il-ġdid, il-lazz aħmar li jżomm is-salib pettorali li kien tal-Kardinal Prospero Grech.

Fil-Kurja Ġenerali tal-Ordni Agostinjan, fejn il-kardinal qed jirrisjedi bħalissa, il-Pirjol Ġenerali P. Alejandro Morál Antón osa irregala lill-Kardinal Malti salib pettorali tal-fidda b’relikwa ta’ Santu Wistin, akkumpanjata biċ-ċertifikat ta’ awtentikazzjoni mill-postulatur ġenerali tal-Ordni, P. Josef Sciberras osa.

Il-kardinal Mario Grech kien filfatt inagħta l-affiljazzjoni fl-Ordni Agostinjan fis-sena tal-biċentinarju tal-Provinċja fl-2017. Permezz ta’ din l-affiljazzjoni, konċessa mill-Pirjol Ġenerali, mogħni bl-awtorità meħtieġa mis-Santa Sede, Grech huwa meqjus bħala wieħed mill-ulied tal-Ordni, u jagħmel parti bis-sħiħ mill-Familja Agostinjana. F’post li għamel fuq il-profil tiegħu ta’ facebook xi jiem ilu, Il-Kardinal Grech esprima l-gratitudni tiegħu lejn l-Ordni Agostinjan.

 


Nhar it-Tlieta 8 ta’ Diċembru, iċċelebrajna l-20 Anniversarju mill-ftuħ tal-Millennium Chapel.

Sfortunatament minħabba l-Pandemija ma stajniex niċċelebrawh kif mixtieq iżda bl-għajnuna t’Alla rnexxielna norganizzaw Quddiesa li ġiet imxandra live wkoll fuq il-paġna tal-Facebook tal-Millennium Chapel, biex b’hekk setgħu isegwuha dawk li xtaqu jingħaqdu magħna u ma setgħux. F’din il-quddiesa ftakarna wkoll f’dawk li mietu f’ċirkustanzi traġiċi, matul din is-sena u fis-snin l-imgħoddija.

Waqt il-quddiesa sar ringrazzjament lil Alla għall-tant ġid li sar matul dawn aħħar 20 sena permezz tal-Kappella mhux biss mill-aspett spiritwali iżda wkoll mill-aspett soċjali, permezz tal-WOW, li nbena erbgħa snin wara. Irringrazzjajna ‘l Alla wkoll għall-kull min b’mod jew ieħor għen biex il-Proġett tal-Kappella jkun possibli, għall-benefatturi kollha matul is-snin u għall-ħafna voluntiera li jogħġobhom joffru l-ħin tagħhom, għall-oħrajn.  

Huma bil-bosta l-individwi u l-familji li sabu u għadhom isibu l-għajnuna u l-faraġ tagħhom fil-Kappella, kemm permezz tal-Counselling, li jingħata u anke permezz tal-boroż tal-ikel li jitqassmu kull xahar lill-familji fil-bżonn. Il-Gruppi ta’ Sapport N.A. u A.A. ukoll isibu l-wens tagħhom f’dan il-Kumpless għax jiltaqgħu ukoll fuq bażi regolari f’’The Word’ Medidation Garden li ġie inawgurat sentejn ilu. Ta’ kull sena jiġu wkoll diversi studenti mill-iskejjel sekondarji għall-WOW Xperience – Seminar ta’ nofs ta’ nhar li fih nenfasizzaw li l-ħajja hi sabiħa.

Iċċelebra ‘l quddiesa Fr Hilary, il-Fundatur tal-Millennium Chapel u ikkonċelebraw miegħu id-Delegat tal-Arċisqof għad-Dajkonija Mons Charles Cordina u l-Pirjol tal-Komunita’ ta’ Paceville Fr Franco Grech. Il-Caritas ukoll ħadu sehem attiv fil-quddiesa.  Is-Soprana Ruth Casingena u l-kantant Ivan Grech sebbħu ċ-ċelebrazzjoni permezz tal-kant sabiħ tagħhom, akkumpanjati minn Mario Balzan Demajo fuq l-orgni.

Wara l-quddiesa ingħad talb għar-ruħ dawk il-persuni li mietu f’ċirkostanzi traġiċi u għall-bżonnijiet tal-familji tagħhom ħdejn is-Siġra taż-Żebbuġ, hekk imsejħa ‘Is-Siġra tal-Ħajja’ quddiem l-entratura tal-Kappella u wara twaħħlu qlub bl-ismijiet tagħhom fuq l-istess siġra, biex b’hekk il-memorja ta’ dawn l-għeżież tagħna tinżamm ħajja għall-dejjem f’talbna, fi ħsiebna u f’qalbna.

Doreen Vassallo Grant


It-Tpespisa tat-Tama, Noti, krib u fwafwar mit-taħbit ta’ qalbi, huwa ktieb ġdid b’riflessjonijiet ta’ P. Raymond Francalanza O.S.A. li ser ikun ippubblikat fil-ġranet li ġejjin. Huwa ktieb li jiġbor fih aktar minn 150 silta miktuba minn P. Raymond stess li jieħdu l-forma ta’ riflessjonijiet u talb ispirati mil-‘vjaġġ tal-ħajja’, hekk kif din is-sena qed jiċċelebra t-tletin sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu.

Il-Ktieb jinqasam f’7 partijiet kif ġej, bl-ewwel u l-aħħar partijiet ikunu d-daħla u l-konklużjoni li jagħmlu parti mill-istess riflessjonijiet. Fl-aħħar tal-ktieb, wieħed jista’ jsib ukoll werrej analitiku. P.Raymond jiddeskrivi b’dal mod il-kapitli tal-ktieb fil-qosor:

 

  1. Daħla: Fin-nisġa tal-vjaġġ

Hawn min il-ħajja jaraha avventura, missjoni u fiha jsib skop. Imma hawn min  bil-maqlub jaraha vojta, iqisha piż, kollha sfidi u slaleb. Hawn min il-ħajja jaraha sabiħa, mimlija seħer, barkiet u ġmiel. Imma hawn min bil-maqlub jaraha skura, kollha saram u inkwiet. Jien il-ħajja naraha vjaġġ. Kuljum nipprova nimxi fir-ritmu tiegħu. Xi drabi jirnexxili. Xi drabi le.

  1. L-ewwel vjaġġ:  Tieqa mbexxqa f’qalbi.

F’dawn ir-riflessjonijiet ħassejtni nfittex mis-senduq tal-imgħoddi tiegħi imma wkoll fil-bagalji tal-preżent li qed ngħix issa. F’dak li ktibt hemm awtoritratt tiegħi, imma l-iktar tal-mużajk li hemm ġo qalbi. Ta’ dak li qanqal, ispirani u naqqax il-ġewwieni tiegħi. F’dan il-vjaġġ, ħassejtni nħaffer internament fil-fond.

  1. It-tieni vjaġġ:  Mill-qawsalla tal-ħajja. 

Dawn huma riflessjonijiet dwar il-ħajja, l-avventura umana, l-imġiba tal-bniedem, il-koeżistenza tal-kuntrarji, l-ambigwitajiet, l-aljenazzjonijiet, il-kompromessi, il-loppju, il-maskri, l-għama u d-delitti tagħna. U l-manija sottili li għandna kif naħarbu biex ma narawx ir-realtà.

  1. It-tielet vjaġġ:  Il-qima...fl-ispirtu u l-verità

F’dan il-vjaġġ żort ir-realtà tal-knisja, id-dwal u d-dellijiet fiha u fina, il-ħajja tal-fidi u tar-reliġjon, is-saċerdozju u l-ħajja konsagrata, l-ispiritwalità, il-meditazzjoni u l-mixja misterjuża fid-dinja tal-Ispirtu li hi biss għandha l-qawwa li teħles.

  1. Ir-raba’ vjaġġ:  Meta l-ħajja ssir talba

Dawn huma esperjenzi mill-ħajja reali ta’ kuljum, bl-iskossi, bir-ritmi, bit-tlugħ u l-inżul tagħha. Fil-bnazzi kollox faċli, imma meta t-toroq jidhru mwiegħra u mserrpa, iż-żmien nafu narawh twil u tqil  u ma nifhmux kollox. Għalija huma kollha mumenti li wieħed jista’ jsarrafhom f’talba. Għax it-talb mhuwiex ritwal, xi ħarba mill-ħajja jew il-kliem mitkellem, imma meta ħajtek stess ssir offerta.

  1. Il-ħames vjaġġ:  Kliem li ma żvintax

Dawn huma riflessjonijiet dwar xi frażijiet tal-Iskrittura, uħud minnhom kliem Ġesù nnifsu li f’żminijiet differenti missew qalbi. Kliemu ħafna drabi hu provokattiv, fihom issib espressjonijiet li jgħinuk timxi fit-triq tal-awtentiċità, waqt li għandhom il-qawwa li jqajmu l-kuxjenza rieqda tagħna.

  1. Konklużjoni: Il-ħajja se tibqa miexja

Importanti li l-ħajja tgħixha b’saqajk mal-art. Imma għalija hu importanti iktar li ma titlifx fik il-misteru u l-estasi. It-taħbit ritmiku fija ninduna li kollu hemm għadu. Ippruvajt inpoġġi l-ħsibijiet tiegħi f’kitba. Għax naf li għad jasal jum li fih ma nkunx nista’ llissen kelma iktar.

U waqt li l-vjaġġ tal-ħajja se jibqa’ sejjer...jien ukoll se nkompli nterraq u ntir...sakemm fl-aħħar nasal ħdejh.

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.