“Għin bil-Passi Tiegħek” hi Maratona virtwali ta’ ġbir ta’ fondi organizzata mis-Segretarjat Missjonijiet Agostinjani b’risq il-ħidma missjunarja Agostinjana mwettqa partikularment fil-Możambik u l-Kenja. L-għan ta’ din l-attività hu li jinġabru fondi biex jinbnew tankijiet tal-ilma ta’ 5000 litru f’postijiet remoti, ’il bogħod minn sorsi ta’ ilma frisk. Residenti f’dawn iż-żoni jkollhom imorru aktar minn 5km bogħod kuljum biex ikollhom ilma frisk u nadif mill-bjar. Bl-għajnuna tiegħek, irridu noħolqu ambjent fejn l-ilma frisk u nadif ikun disponibbli għal aktar nies mingħajr il-ħtieġa li jimxu distanzi twal għalih. Dawn it-tankijiet jiswew €300 biex jinxtraw u jitwaħħlu.

Il-Maratona Virtwali Amigos, hija ġirja li kulħadd jista’ jagħmel waħdu, fil-ħin u bil-pass tiegħu, bil-limitazzjonijiet kurrenti tal-COVID-19. It-tul tal-maratona hu ta’ bejn 5-15km. Ninkoraġġixxu lil kulħadd jagħżel il-pass u d-distanza li jixtieq. Anke jekk il-ġiri mhux ħabib tiegħek, tista’ tagħmel id-distanza bil-mixi. L-uniku regola hi li tagħmel id-distanza magħżula matul ix-xahar ta’ Mejju, mill-1 sal-31 ta’ Mejju 2021.

 Se jingħata ċertifikat lill-parteċipanti kollha li jieħdu sehem f’din il-ġirja virtwali. Bħala prova tal-parteċipazzjoni tiegħek, ibgħat screenshot (jew aktar minn wieħed jekk id-distanza tagħmilha f’aktar minn ħarġa waħda) tad-distanza li għamilt, mit-tracking app favorit tiegħek, flimkien ma’ selfie tiegħek waqt li qed tagħmel il-maratona. Ibgħathom lil This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it. u inkludi “Amigos Virtual Marathon” fit-titlu tal-email.

Jekk inti interessat, imla l-formula li ssib fil-link hawn taħt:

http://bit.ly/AmigosVirtualMarathon

Id-donazzjoni ta’ €10 kull parteċipant għandha ssir permezz ta’ Revolut fuq +356 79255936. Daħħal ismek u “Amigos Virtual Marathon” fin-Notes Section. Tista’ wkoll tagħmel bank transfer fil-kont tal-Bank of Valletta IBAN: MT58VALL22013000000040010188817



Nhar l-Erbgħa, 14 ta’ April 2021,  il-Patrijiet Agostinjani iltaqgħu għal-laqgħa oħra ta’ Formazzjoni Permanenti online. Din kienet it-tieni laqgħa f’serje ta’ laqgħat li qed jagħmel Fr Philip Cutajar OFM Cap bit-tema: Inkunu bennejja ta’ Komunita’ Evanġelika.

Fr Philip beda billi qasam mal-Patrijiet l-esperjenza tiegħu meta kien milqut bil-Covid-19. Kompla billi qal li din l-esperjenza għenitu japprezza iktar il-ħajja u l-komunità bil-mod kif imxew miegħu ħutu l-patrijiet u nies oħrajn waqt dan iż-żmien diffiċli li għadda minnu kien il-Vanġelu li rridu niktbu bejnietna.

Imbagħad Fr Philip stieden lill-Patrijiet biex it-tieni kapitlu tad-dokument tal-Konċilju Vatikan II Gaudium et Spes li jitkellem fuq il-komunita’ tal-bnedmin napplikawh għall-komunita’ reliġjuża.

Dan id-dokument jitkellem fuq l-importanza:

  • Li jkun hemm djalogu bejn l-aħwa bir-rispett lejn id-dinjita’ ta’ kull wieħed
  • Li r-reliġjużi jfittxu li jkunu familja waħda
  • Li s-superjuri jfittxu mal-komunita’ ir-rieda ta’ Alla
  • Li jinġieb ‘il quddiem il-ġid komuni
  • Li l-bniedem inħalluh fiċ-ċentru
  • Li jintwera rispett u mħabba lejn l-avversarji
  • Li l-ugwaljanza hija essenzjali
  • Li jeħtieġ iżjed minn etika individwalistika
  • Li kull wieħed ikun responsabbli u jippareteċipa
  • Li jkun hemm solidarjeta ma’ xulxin

Dawn il-laqgħat huma ta’ għajnuna kbira għall-patrijiet biex ikomplu jiġġeddu u jinbnew f’komunità mibnija fuq l-Evanġelju.


Għat-tieni sena konsekuttiva ser inkunu qed niċċelebraw il-misteru tal-passjoni, l-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu fil-limitazzjonijiet li ġabet fuqna l-Pandemija tal-Covid-19. Xtaqna kieku ħadet anqas fit-tul, jew kieku stajna nsibu soluzzjoni f’inqas żmien, iżda kuljum bqajna nindunaw li l-bniedem għandu l-limitazzjonijiet tiegħu. Ħafna nies impenjaw irwieħhom biex isibu soluzzjoni u jsostnu lil xulxin, iżda donnu ma kienx biżżejjed. Minkejja li nixtiequ li dan kollu jgħaddi, ilkoll kemm aħna xi darba jew oħra sibna ruħna f’ċirkustanzi fejn ma rnexxielniex jew ma flaħniex nibqgħu nosservaw eżatt ir-restrizzjonijiet mitluba. Sadanittant il-ħajja baqgħet għaddejja!

U din hi l-istorja tagħna mhux biss f’dan il-mument, imma dejjem. Fl-isfidi li nsibu quddiemna, nippruvaw nibqgħu noħolmu u nħarsu ‘il quddiem bix-xewqa li nkunu aħjar. Fuq kollox ix-xewqa aħħarija ta’ kull wieħed u waħda minna hija li nkunu tajbin u ferħanin. Sadanittant nibqgħu limitati, u jekk irridu nkunu sinċiera, nibqgħu  insibu ma’ wiċċna d-djufijiet tagħna kuljum. U xi kultant insibu anke d-djufijiet ta’ dawk ta’ madwarna li jaffetwawna jew iweġġgħuna.  Imma n-nisrani huwa msejjaħ biex jibqa’ determinat li jfittex il-mod, kif iqum mill-ġdid, kif isib il-ferħ, kif jagħmel minn ħajtu espressjoni ta’ Kristu Rebbieħ.

Il-Ġimgħa Mqaddsa li ser niċċelebraw tlaqqana ma’ dan il-misteru kbir u tistedinna nfittxu mill-ġdid kif nistgħu nħalluha tirrifletti fil-ħajja tagħna.  Hija stedina biex kull wieħed minna jiċċelebra u jgħix il-Misteru kbir tal-fidwa b’mod aktar konkret. Iċ-ċirkustanzi jistgħu jillimitawna fiċ-ċelebrazzjonijiet u fil-manifestazzjonijiet esterni, iżda mhux fil-ferħ ġenwin ta’ Kristu li għalina ngħata sal-aħħar u għalina qam mill-mewt!

L-istedina għal kull wieħed u waħda minna hija mela biex napprofittaw u nħallu x-xbieha ta’ Kristu msallab tfakkarna li Alla magħna f’kull waqt tal-ħajja: Alla magħna meta nħossuna traduti;  meta nħossuna waħedna;  meta nħossuna maħkuma mid-dnub tagħna; meta nħossu l-piż tat-tbatijiet u l-weġgħat tagħna; meta nħossuna mixtieqa għall-imħabba. Ġesù Kristu tant ħabbna li kien lest jingħata sal-aħħar għalina!

Ejjew imma fuq kollox inħallu imbagħad ix-xbieha ta’ Kristu Rebbieħ fuq il-mewt timmarkana u tfakkarna li Alla tana l-possibiltà li jum wieħed nirbħu fuq it-tbatija u nqumu miegħu mill-imwiet. Lilna li emminna, Alla tana l-potenzjal li nkunu nies li nwasslu s-sabih, li nxerrdu l-pożittività, li nirbħu fuq it-toqol, li nħarsu lejn dawk ta’ madwarna bħala opportunità biex jgħinuna nikbru. Hekk biss nistgħu inkunu denji li nissejħu Easter People, u hekk biss nistgħu jum wieħed nagħmlu l-esperjenza vera tal-Għid fil-ħajja bla tmiem ma’ Kristu.

Jalla dawn il-jiem ikunu għalina lkoll okkażjoni biex nikbru f’poplu mġedded fil-fidi fi Kristu Rebbieħ... l-Għid it-Tajjeb.

fr Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjal


Matul il-Ġimgħa Mqaddsa 2021, il-grupp Augustinian Youths flimkien mal-grupp Tagaste Youths organizzaw numru ta’ sessjonijiet flimkien bi preparazzjoni għal-Għid il-Kbir ta’ dis-sena. Minkejja r-restrizzjonijiet u d-diversi miżuri li kien hemm fis-seħħ fid-dawl tal-COVID-19, dan kollu ma żammx lil dawn il-gruppi milli jiltaqgħu b’mod virtwali u milli jidħlu fl-ispirtu ta’ dan iż-żmien tant sabiħ f’din is-sena partikolari. 

Is-sessjonijiet kienu mqassma matul il-ġimgħa kollha f’diversi talb, meditazzjonijiet fuq it-tlitt ijiem tat-Tridu, kif ukoll riflessjonijiet għal-Sibt il-Għid u l-Ħadd il-Għid. Il-laqgħat kienu mmexxija kollha miż-żgħażagħ stess filwaqt li r-riflessjonijiet li saru matul it-tlitt ijiem tat-Tridu kienu wkoll imxandra Live fuq il-paġna ta’ Facebook.

Minkejja d-diffikultajiet u l-kumplikazzjonijiet li ġabu magħhom ir-restrizzjonijiet, fejn ma kinitx possibli li żgħażagħ jiltaqgħu flimkien fi gruppi, dawn is-sessjonijiet għamluha possibli li aħna ż-żgħażagħ nesperjenzaw mumenti ta’ ġabra u talb flimkien bi preparazzjoni għal-Għid Mqaddes. Dawn huma xi esperjenzi ta’ ftit miż-żgħażagħ li pparteċipaw f’dawn is-sessjonijiet:

Edward Abela

 ---

“Matul dil-Ġimgħa Mqaddsa, permezz ta’ ftit minuti ta’ ġabra flimkien ma’ żgħażagħ oħra, irnexxili naqta’ ftit mill-ħsibijiet ta’ kuljum u nipprepara ruħi b’mod xieraq għall-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesu Kristu. Dawn il-mument għenuni naprezza aktar dak li Alla għamel għall-bniedem, inkluż għalija, sabiex isalvana mid-dnub u jagħtina il-ħajja ta’ dejjem.”

Jeremy Zarb

 “Hekk kif qed ngħixu fi żmien fejn kulħadd qiegħed iħossu iżolat kemm fiżikament u spiritwalment minħabba l-effeti tal-pandemija, l-attivitajiet ta’ matul il-Ġimgħa Mqaddsa kienu opportunita’ biex bħala grupp verament nirriflettu fuq ir-relazzjoni tagħna ma Kristu f’ħajjitna. Kienet opportunita’ fejn permezz ta’ mezzi elettroniċi stajna ninġabru flimkien biex naqsmu dawn il-mumenti hekk importanti fil-ħajja Nisranija, fejn flimkien ngħixu u nirriflettu l-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesu Kristu.”

Owen Parnis

"Il-Ġimgħa Mqaddsa għalija hija ġimgħa unika għax hija ġimgħa fejn niftakru fil passjoni ta’ Ġesù Kristu. Dawn il-jiem, bl-għajnuna tat-talb online li għamilna flimkien bħala grupp ta’ żgħażagħ, ħassejtni kuntent li irnexili nsib dak il-ħin biex nieqaf mix-xogħol jew logħob u nirrifletti fuqi innfsi u fuq il-passjoni, l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù."

Mark Caffari


Nhar il-Ġimgħa, 19 ta’ Marzu l-Patrijiet Agostinjani nġabru flimkien b’mod virtwali għall-konferenza online għal żmien ir-Randan minn Rev Dr Paul Sciberras, Kap tad-dipartiment tal-Iskrittura Mqaddsa tal-Fakulta tat-Teoloġija fl-Universita’ ta’ Malta.

Il-laqgħa bdiet b’riflessjoni u talb minn Fr. Mario Abela OSA, membru tal-Equipe tal-Formazzjoni Permanenti tal-Provinċja. Fr Mario tkellem dwar kemm huwa mportanti li nieqfu ftit mir-rutina tal-ħajja, biex nidħlu daħla fina nfusna bħal ma wara kollox jistedinna nagħmlu l-Mulej f’dan iż-żmien tar-Randan. Huwa mbagħad introduċa lil kelliem.

It-tema tal-konferenza ta’ Fr Sciberras kienet: Ma’ Ġesù Kristu fid-deżert. Bħal Ġesù nħallu l-Ispirtu jeħodna fid-deżert spiritwali biex infittxu l-identita’ tagħna u nistennew lil Alla jagħtina risposta. Imġarrbin bħal ma kien imġarrab Ġesù, meta bħalu inkunu mimlijin bl-ispirtu, bħalu wkoll noħorġu mit-tiġrib iktar bħala wlied Alla.

It-tentazzjoni fiha nfisha hi li wieħed jiċħad lil Alla nnifsu..hu li hu l-iben ta’ Alla. It-tentazzjoni tal-Poplu ta’ Alla fid-deżert kienet biex ma jibqax komunita’ ta’ Alla. Tentazzjoni biex ikun hemm disgregazzjoni. L-istess jista jiġri fil-komunitajiet reliġjużi. Kull membru tal-komunita’ irid jagħti s-sehem tiegħu biex dan ma jiġrix billi kull wieħed ifittex li jilbes il-libsa tal-umilta’ li tfisser li kulħadd jirrealizza li jista’ jiżbalja; jirrealizza li aħna resonsabbli għal xulxin; billi niġbdu ħabel wieħed kollha flimkien l-istess naħa; u fuq kollox li kull wieħed jitlob lill-Ispirtu s-Santu f’dawn il-każijiet. Dan għaliex l-Ispirtu s-Santu huwa l-pern ta’ l-għaqda tat-Trinita’ Qaddisa.

Il-Patrijiet Agostinjani jirringrazzjaw lil Fr Paul Sciberras li kien strument f’idejn il-Mulej f’ dan ir-Randan, biex joħorġu fid-deżert ma’ Ġesù Kristu, u mimlijin bl-ispirtu, mit-tiġrib li jgħaddu minnu, joħorġu dejjem iktar bħala wlied Alla.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.