Nhar l-Erbgħa, 20 ta’ Ottubru 2021 saret laqgħa għall-Patrijiet Agostinjani bi thejjija għall-Kapitlu Provinċjali 2022 fis-Sala Tolentino fil-Kulleġġ Santu Wistin, Pietà. Il-laqgħa bdiet bit-talb tal-Għasar fit-Tifkira ta’ Santa Madalena ta’ Nagasaki, Verġni u Martri Agostinjana.

Għal din il-laqgħa kien mistieden is-Sur Andre Paul Debattista, Assistant Lecturer fl-Istitut għall-Istudji Ewropej. Huwa għamel analiżi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju li sar fost il-lajċi midħla tagħna l-Agostinjani. Qabel Is-Sur Debattista tkellem il-Provinċjal, P. Leslie Gatt OSA,  dwar kwestjonarju ieħor li sar fost il-Patrijiet.

Nieħdu l-okkażjoni biex nirringrazzjaw lil dawk il-lajċi kollha li wieġbu għall-Kwestjonarju li bagħtnilhom.

Nitolbukom titolbu għalina f’din it-tħejjija għall-Kapitlu Provinċjali 2022.



Bejn il-11 u l-15 ta’ Ottubru grupp ta’ aħwa Agostinjani inġabru flimkien fid-dar tal-Irtir Stella Maris fiż-Żebbuġ Għawdex biex jgħixu ftit jiem ta’ talb u riflessjoni. Matul dawn il-jiem l-aħwa kellhom l-opportunità li jieqfu ftit mir-rutina tal-ħajja u jirriflettu fuq is-sejħa propja tagħhom akkumpanjati minn Mons. Frans Abdilla li anima dawn il-ġranet tal-irtir.

Minbarra r-riflessjonijiet interesssanti u attwali li qasam Dun Frans, l-aħwa ħadu l-opportunità li jaqsmu flimkien l-esperjenzi tal-ħajja u talbu permezz ta’ riflessjonijiet fuq siltiet mill-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin. Dawn il-jiem kienu anke opportunità sabiħa biex reliġjużi minn komunitajiet differenti jiġu flimkien u jaqsmu s-sabiħ tal-ħajja reliġjuża agostinjana lilhinn mill-impenji pastorali.  Il-Ġimgħa imbagħad għalqu dawn il-jiem permezz taċ-ċelebrazzjoni tal-ewkaristija fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu.


Min nhar il-Ġimgħa, 1 ta’ Ottubru ser nagħtu bidu għas-sena akkademika tal-Istitut Agostinjan.

Minn din is-sena, barra li wieħed jista’ jattendi għal dawn il-laqgħat fis-sala tal-Kulleġġ Santu Wistin fil-Pietà, wieħed jista’ jsegwihom ukoll fuq il-paġna facebook tal-Provinċja Agostinjana: https://www.facebook.com/Agostinjani

 

Għal aktar informazzjoni tista’ tidħol f’kuntatt magħna:

This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it.

79294177

 

Programm għall-Ottubru:

Il-Ġimgħa, 1 ta’ Ottubru, fis-6pm

Quddiesa

 

Il-Erbgħa, 6 ta’ Ottubru, fis-7pm

23rd Annual Saint Augustine Lecture: Human mortality in St Augustine’s City of God

 

Il-Ħamis, 7 ta’ Ottubru, fis-6pm

23rd Annual Saint Augustine Lecture: St Augustine’s understanding of the Church as a Conciliatory, Critical and Christological Community

 

Il-Ġimgħa, 8 ta’ Ottubru, fis-6pm

Waħda u Sħiħa hija l-Imħabba. L-ewwel kummentarju ta’ Santu Wistin fuq l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann

 

Il-Ġimgħa, 15 ta’ Ottubru, fis-6pm

Waħda u Sħiħa hija l-Imħabba. It-tieni kummentarju ta’ Santu Wistin fuq l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann

 

Il-Ġimgħa, 22 ta’ Ottubru, fis-6pm

Waħda u Sħiħa hija l-Imħabba. It-tielet kummentarju ta’ Santu Wistin fuq l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann

 

Il-Ġimgħa, 29 ta’ Ottubru, fis-6pm

Waħda u Sħiħa hija l-Imħabba. Ir-raba’ kummentarju ta’ Santu Wistin fuq l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann


Fid-9 u l-10 ta’ Ottubru 2021, il-Papa Franġisku fetaħ uffiċjalment Mixja Sinodali li se jilħaq il-qofol tagħha fis-Sinodu tal-Isqfijiet li ser isir fil-belt tal-Vatikan f’Ottubru 2023.

Il-Papa Franġisku kien sejjaħ dan is-Sinodu tal-Isqfijiet f’Mejju 2021 meta ħabbar ukoll li t-tema kellha tkun il-‘proċess sinodali’ innifsu jew aħjar, “Għal Knisja Sinodali: għaqda, parteċipazzjoni u missjoni.” Tim ġdid ippropona proċess Sinodali mġedded li jibda fil-Knisja lokali. Il-Papa Franġisku afda dan il-proġett fit-tmexxija tal-Emm Tiegħu. Mons Mario Grech bħala Segretarju ġdid tas-Sinodu. Fost l-eqreb żewġ kollaboraturi tiegħu hemm ukoll l-Agostinjan Mons Luis Marin de San Martin li żar Malta diversi drabi bħala Assistent Ġenerali tal-Ordni responsabbli għar-Reġjun tan-nofsinhar tal-Ewropa.

Sadanittant Mons. Charles Scicluna, Arċisqof ta’ Malta se jiftaħ il-Vjaġġ Sinodali fl-Arċidjoċesi f’quddiesa ċċelebrata fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa nhar il-Ħadd 17 ta’ Ottubru fid-9.30am. Il-quddiesa ser tkun trasmessa fuq TVM. Mons Anton Teuma mbagħad jiftaħ l-istess proċess fid-Djoċesi ta’ Għawdex f’quddiesa fil-Katidral ta’ Għawdex fl-istess jum fis-7.15pm.

Il-Knisja tħeġġiġna biex nipparteċipaw ilkoll b’mod attiv fl-itinerarju propost mis-Segretarjat tas-Sinodu, li fih kull Nisrani għandu jistaqsi lilu nnifsu dwar is-sinodalità li fi kliem il-Papa Franġisku hija ‘tema deċiżiva għall-ħajja u l-missjoni tal-Knisja.’ Fuq kollox , huwa rrakkomandat li l-insara kollha jħossu r-responsabbiltà li jappoġġjaw dan il-vjaġġ bit-talb tagħhom.


Nhar il-Ġimgħa, 17 ta’ Settembru l-Pirjol Ġenerali tal-Ordni tal-Ordni ta’ Santu Wistin, P. Alejandro Moral Anton għamel żjara qasira fil-Kunvent ta’ Santu Wistin ta’ Għawdex u fil-Monasteru tas-Sorijiet Agostinjani ta’ ħajja kontemplattiva fil-Belt Valletta.

Matul il-jiem li għaddew, il-Pirjol Ġenerali kien f’Għawdex fuq stedina tad-Djoċesi ta’ Għawdex biex janima irtir għas-saċerdoti li sar f’Dar Manresa. Il-Ġimgħa imbagħad, fi tmiem l-irtir, P. Alejandro għamel żjara qasira fil-kunvent ta’ Santu Wistin fir-Rabat Għawdex fejn iltaqa’ mal-Komunita Agostinjana u mal-Pirjol Provinċjali.

Qabel telaq għall-ajruport, il-Pirjol Ġenerali għamel żjara lill-Komunita’ tas-Sorijiet Agostinjani ta’ Ħajja Kontemplattiva fil-monasteru tagħhom fil-Belt Valletta. Din iż-żjara kienet espressjoni ta’ sapport lill-Komunita’ Agostinjana li f’dawn l-aħħar xaharejn tilfet żewġ sorijiet, u opportunita ta’ diskussjoni dwar il-possibilita ta’ għajnuna mill-Ordni lill-istess komunita’.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.