Nhar is-Sibt 28 ta’ Awwissu il-Knisja madwar id-dinja u b’mod partikolari l-familja Agostinjana tiċċelebra l-figura ta’ Santu Wistin missierna. Il-Knisja tqis lil Santu Wistin bħala wieħed mill-ħassieba l-kbar tagħha li kien ta’ dawl mhux biss bil-kontribut kbir ta’ kitbiet u priedki li ħalla, u t-tant reliġjużi li tul is-snin imxew fuq il-passi tiegħu, imma anke permezz ta’ esperjenza qawwija ta’ tfittxija ta’ Alla li għex. Il-ġurnata ta’ qabel tiġi ċċelebrata wkoll il-figura ta’ ommu Santa Monika li kienet strumentali fl-esperjenza tiegħu ta’ Alla li kienet sqietu sa minn twelidu.

Il-Familja Agostinjana tiċċelebra l-liturġija solenni ta’ dawn il-festi fil-komunitajiet kollha tagħha imma b’mod partikolari fil-Knisja Parrokkjali tal-Belt Valletta fejn tiġi ċċelebrata bħala festa patronali u dik tal-Belt Victoria f’Għawdex. Filfatt f’dawn il-knejjes ikunu ċċelebrati anke jiem ta’ Tridu, lejlet u nhar il-Festa, dejjem is-Sibt 28 ta’ Awwissu.

Is-Sibt ta’ wara, 4 ta’ Settembru il-Familja Agostijana tiċċelebra imbagħad is-Solennita ta’ Sidtna Marija Omm tal-Konsolazzjoni, bħala padruna tal-Ordni Agostinjan. Fil-jum liturġiku, din is-solennita tkun iċċelebrata fil-knejjes kollha Agostinjani imma partikolarment fil-Knisja tal-Belt Valletta u dik tal-Belt Victorja f’Għawdex. Fil-Knisja Agostinjana ta’ San Mark ir-Rabat imbagħad tiġi ċċelebrata bi programm sħiħ il-ġimgħa ta wara bil-festa tkun is-Sibt 11 ta’ Settembru. Id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Konsolazzjoni jew kif nafuha komunament, il-Madonna taċ-Ċintura, hija filfatt devozzjoni ferm antika f’pajjiżna u tiġi ċċelebrata wkoll f’diversi knejjes Parrokkjali partikolarment fejn jinsabu fratellanzi li jġibu isimha.

Programmi sħaħ ta’ dawn il-festi tistgħu issibuhom fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Provinċja jew fuq il-paġni ta’ facebook rispettivi.



It-tabella bl-isem fuq ġewwa tal-console tal-orgni ġġib l-isem ta’ min bnieh (Vincenzo MASCIONI), id-data li nbena (1959), in-numru 764 li juri l-kemm-il wieħed hu, u fejn hemm il-fabbrika Mascioni (Cuvil <Varese>).

Mascioni hu wieħed mill-aktar bennejja tal-orgnijiet magħrufa Taljani. Bena ħafna orgnijiet barra mill-Italja, tnax minnhom fil-gżejjer Maltin.

L-orgni li nsibu fil-knisja ta’ San Mark hu eżempju sabiħ ħafna tal-bini tal-orgnijiet Taljani ta’ żmienu. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet, anke l-coils eletriċi tas-solenoids, kienu magħmula fil-fabbrika tagħhom stess. Is-sengħa tal-manifattura hi eċċellenti fil-partijiet varji kollha tal-orgni, mill-imniefaħ, sal-kaxxa tal-arja, il-console, l-apparat elettro-manjetiku u l-kanen. Hu strument fin minn kull aspett.

Matul is-snin mindu ġie installat, kien miżmum f’kundizzjoni tajba min Rev. Fr Michael D’Amato, imma sas-sena 2015 bdew jidhru sinjali serji to ħsara mill-użu u xi ħwejjeġ oħra li riedu jiġu indirizzati. Peress li l-aħħar darba li sar intervent fuqu minn Fr D’Amato kien fl-1995, kien wasal iż-żmien li jsir restawr estensiv fuq il-partijiet kollha tal-orgni biex jinġieb fl-aħjar kundizzjoni possibbli u li sservi fit-tul. Ma kienx jagħmel sens li jsir traqqigħ.

Ix-xogħol tar-restawr beda f’Awwissu tas-sena 2020 u tlesta f’Lulju 2021 u sar minn Robert Buhagiar B.Eng(Hons), inġinier u restawratur bil-warrant fil-qasam tar-restawr tal-orgnijiet tal-kanen. Hu kellu t-taħrig fil-bini tal-orgnijiet għand id-ditta Mascioni u għalhekk kien l-aħjar għażla għar-restawr ta’ dan l-orgni. Kien diġà għamel restawr ta’ erba’ orgnijiet Mascioni b’riżultati eċċellenti.

Ir-restawr sar b’rispett sħiħ għall-karatteristiċi oriġinali tal-orgni. Ma sarx tibdil fit-trasmissjoni u l-aspett tonali. Il-partijiet kollha tal-orgni ġew restawrati kif meħtieġ. It-tliet imniefaħ sarilhom ġild ġdid, inbidlu l-boroż tal-ġilda, il-muturi tal-arja mġedda, il-kuntatti eletriċi mnaddfa u regolati, il-kanen imnaddfa u msewwija, is-sistemi elettro-mekkaniċi kollha ġew regolati u fl-aħħar net sar l-intunar meħtieġ. Barra minn dan ix-xogħol fuq il-partijiet funzjonanti ta’ ġewwa, sar ukoll xogħol ta’ tisbiħ fuq barra, bħaż-żebgħa mill-ġdid tal-kanen tal-faċċata, u lostru (bażi shellac) tal-console cabinet, il-bank u l-pedaliera.

Dan l-orgni Mascioni, għalkemm għad mhux orgni storiku, jista’ jiġi apprezzat iżjed minħabba l-kwalità intrinsika tiegħu evidenti fl-aspetti kollha tal-kostruzzjoni tiegħu. Ix-xogħol ta’ restawr li għadu kemm intemm, irrispetta dawn l-aspetti u għen biex l-orgni jkun ippreservat għal ġenerazzjonijiet futuri waqt li jippermetti lill-ġenerazzjonijiet tal-lum igawdu mill-kwalitajiet mużikali tiegħu.

Robert Buhagiar

Pipe Organ Builder and Restorer

 


Nhar it-Tnejn 19 ta’ Lulju għal ħabta tas-7pm l-aħwa Agostinjani iltaqgħu flimkien għal mument ta’ talb fil-Knisja San Nikola minn Tolentino f’Ħal Tarxien u wara komplew jieħdu gost bil-preżenza ta’ xulxin billi kielu flimkien fil-bitħa tal-Oratorju Agostinjan Dun Ġwann Mamo. Kien mument informali u sabiħ li fih l-aħwa setgħu jiltaqgħu flimkien wara żmien twil ‘il bogħod minn xulxin minħabba l-pandemija!


Matul ix-xahar ta’ Lulju, kienu organizzati diversi attivitajiet mal-adolexxenti u ż-żgħażagħ biex ikomplu jsiru jafu min huma u dak li hemm fil-qalb tagħhom. Risk It! Kienet it-tema magħżula għal Tagaste Youth bi stedina qawwija biex ma jibżgħux jagħmlu pass fil-ħajja u jgħixu l-ħajja tal-fidi tagħhom b’iktar konvinzjoni. Hagan Lio! (Make your voices heard)! Frażi mill-Papa Franġisku li għamel liż-żgħażagħ u kienet l-isfida li ġiet proposta lil Augustinian Youths biex ma jibżgħux isemmgħu leħinhom u jkunu preżenza ħajja u mimlijia entużjażmu fis-soċjetà tagħna.

Esperjenzi ta’ volontarjat differenti

Augustinian Youths għamlu esperjenza differenti bi żjara fid-Dar tal-Kleru. Nhar il-Ħadd 11 ta’ Lulju, dawn iż-żgħażagħ animaw il-quddiesa mar-residenti f’din id-dar u wara ingħatatilhom tifkira żgħira mħejjija mill-istess żgħażagħ.

Matthew Xuereb membru mill-Augustinian Youths jaqsam magħna l-esperejnza tiegħu:

“Fid-dinja tal-lum, matul il-ħajja, saret faċli li ninsew n-nies ta’ madwarna. Tant inkunu mitlufin u għaddejin minn ħaġa għal-oħra li ninsew li hawn nies madwarna li jħossuhom waħedhom. Ninsew li hawn bosta nies, speċjalment l-anzjani, li jgħixu fi djar u residenti li ma jkollhomx kuntatt mad-dinja ta’ barra.

Iżda, fortunatament, jien flimkien ma’ sħabi tal-Augustinian Youths, kellna x-xorti li mmorru inżuru lir-residenti fid-Dar tal-Kleru, fejn iltqajna mas-saċerdoti anzjani, li jgħixu f’dan il-post. Magħhom wkoll kellna ċ-ċans li niċċelebraw flimkien il-quddies tal-Ħadd u għalaqna l-attitvità billi qassamna coasters tal-injam bħala tifkira, lill kull resident magħmulin minn kull wieħed u waħda mill-grupp tagħna b’mod personalizzat.“

Tagaste Youths offrew ftit siegħat is-Sibt 24 ta’ Lulju filgħodu billi taw sehemhom fil-proġett tal-Caritas “Itma u libbes” billi għinu fis-sorting tal-ħwejjeġ miġbura. Din kienet esperjenza differenti li kompliet tgħin lil dawn l-adolexxenti japprezzaw iktar dak li għandhom filwaqt li jagħtu kas tal-bżonnijiet tal-oħrajn.

Laqgħa ta’ formazzjoni fuq il-bidu tal-ħajja minn I See Life

Nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Lulju il-grupp I See Life magħmul minn żgħażagħ li għandhom għal qalbhom il-ħajja kien mistieden biex jaqsam l-ideat u r-riflessjonijiet tiegħu fuq il-bidu tal-ħajja. Dan kien opportunità biex l-adolexxenti u ż-żgħażagħ setgħu jistaqsu u jiddiskutu dak li jaħsbu u jemmnu. https://cleanfilter.lt/komfovent-filtrai/ komfovent filtrai rekuperatoriui

Mumenti flimkien

Minkejja s-sitwazzjoni tal-pandemija, Augustinian Youths u Tagaste Youths kellhom l-opportunità li jgħaddu diversi siegħat flimkien permezz t’attivitajiet differenti. Tagaste Youths komplew isiru jafu lil komunità tal-Pietà billi qattgħu diversi siegħat magħhom fil-kunvent waqt l-ikel u anke f’diversi attivitajiet.

Fr Terence Spiteri osa

 


Nhar l-Erbgħa, 7 ta’ Lulju 2021 saret l-10 laqgħa tal-membri prospettivi li ser jiffurmaw Fraternita’ Agostinjana Sekulari ġdida fil-Provinċja Agostinjana. Il-laqgħat ta’ qabel kienu qed isiru online. Kienet l-ewwel darba li dawn il-membri prospettivi tal-Fraternita’ setgħu jiltaqgħu fiżikament. Għal din il-laqgħa kienu mistednin ukoll il-membri tal-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani li ħadu l-inizjattiva biex jibda l-proċess biex titwaqqaf din il-Fraternità.

Il-laqgħa saret f’The Word Meditation Garden tal-Millennium Chapel. Kienu preżenti għal-laqgħa l-PIrjol Provinċjali Patri Leslie Gatt u Patri Luċjan Borg, ex Pirjol Provinċjali u llum missjunarju f’Kuba. Il-laqgħa bdiet bit-talba tal-Għasar fejn mhux biss tlabna bis-salmi, imma wkoll saru diversi riflessjonijiet mill-kitbiet ta’ Santu Wistin. Dawk preżenti talbu wkoll b’mod spontanju.

Wara l-laqgħa ta’ talb, dawk preżenti ħadu xi ħaġa ta’ l-ikel flimkien fejn setgħu jkomplu jsiru jafu aħjar lil xulxin.

Nirringrazzjaw ‘l Alla ta’ din il-laqgħa sabiħa flimkien.

P. Franco Grech OSA


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.