Minn Jannar ta’ din is-sena, beda x-xogħol ta’ restawr fuq l-orgni tal-Knisja minħabba d-diversi ħsarat li kellu. Dan ix-xogħol għadu sejjer u nittamaw li għall-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena jkun lest minn kollox biex mill-ġdid inkunu nistgħu nerġgħu nitpaxxew bis-sbuħija tad-daqq tiegħu.

The Augustinian Cloister Foundation fi ħdan il-Kunvent u l-Knisja kellha diversi pjanijiet ta’ attivitajiet biex jinġabru l-fondi għal dan il-proġett hekk important imma minħabba l-pandemija, kollox kellu jitħassar.

L-ispiża totali biex isir dan ir-restawr tlaħħaq is-somma ta’ €25,340.00 għalhekk qegħdin nitolbu l-għajnuna tagħkom biex inkunu nistgħu nħallsu din is-somma.

Minn qalbna nirringrazzjawkom.



Il-Pirjol Ġenerali tal-Ordni ta’ Santu Wistin, Patri Alejandro Moral Antón flimkien mal-Kunsill Ġenerali, jaħtru lil Patri Javier Pérez Barba OSA, mill-Provinċja ta’ San Juan de Sahagún fi Spanja, Assistent Ġenerali għan-Nofsinhar tal-Ewropa tal-Ordni ta’ Santu Wistin (Malta, Italja u Spanja), li jissostitwixxi lil P. Luis Marín de San Martín OSA, reċentement maħtur Sottosegretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet u Isqof ikkonsagrat.

Javier twieled f'Salamanca (SPANJA) fis-27 ta 'Lulju, 1979 u huwa affiljat mal-Provinċja ta' San Juan de Sahagun fi Spanja. Huwa għandu Liċenzja fi Studji Ekkleżjastiċi mill-Università Pontifiċja ta’ Salamanca (2004) u Liċenzja fil-Matematika mill-Università ta’ Malaga (2010). Mill-2014 huwa serva b'mod diliġenti u leali bħala Direttur Ġenerali ta' Colegio Los Olivos f'Málaga, Spanja.

Bħala Provinċja nixtiequ inwasslu l-awgurju tagħna lil P. Javier, nirringrazzjawh tad-disponibilità tiegħu u nwegħduh it-talb tagħna.


B’sogħba kbira nħabbru l-mewt ta’ ħuna P. Xavier Mifsud OSA li llum l-Erbgħa 28 t'April 2021 mar jiltaqa’ mal-Mulej li tant ħabb u qeda matul ħajtu. P. Xavier dawn l-aħħar ġimgħat kien rikoverat f’Villa Messina wara diversi snin fil-komunità tagħna tar-Rabat.

P. Xavier twieled ir-Rabat fl-1933 u inagħqad mal-familja Agostinjana fl-1952. Wara li temm l-istudji tiegħu huwa kien ordnat Saċerdot fit-2 ta’ April 1960. L-ewwel snin tal-ministeru tiegħu għexhom fil-komunita ta’ Ħal Tarxien, waqt li għallem fil-Kulleġġ Santu Wistin. Imma ftit snin wara, fl-1964 huwa telaq lejn il-Brażil fejn prattikament għex il-ministeru saċerdotali tiegħu. Hemmhekk huwa ta’ l-enerġija pastorali kollha tiegħu billi serva f’diversi komunitajiet u anke kappillan f’diversi parroċċi. Wara kważi 47 sena ta’ ħidma missjunarja huwa ġie lura Malta u għex l-ewwel fil-komunita ta’ Santa Rita f’San Ġiljan u l-aħħar seba’ snin fil-komunita ta’ San Mark fir-Rabat fejn kien jgħix sa ftit ġimgħat ilu.

Il-Provinċja Agostinjana tirrakomanda r-ruħ ta’ dan ħuna fit-talb tagħkom.

Huwa mixtieq li minflok fjuri jsiru donazzjonijiet lil Missjonijiet Agostinjani

 

BOV 400-1018-8817

 

Jew SMS fuq

50617357 – donazzjoni ta’ €2.33

50618085 – donazzjoni ta’ €4.66

50618085 – donazzjoni ta’ €6.99

50619206 – donazzjoni ta’ €11.65

 

Jew ċekk lil Fr. Mario Abela OSA, Segretarjat Missjonijiet Agostinjani, Triq J. Zammit Tabona, Pietà PTA 1331.

 Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta' dejjem, id-dawl ta' dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem, Ammen.


Ix-xahar ta’ Mejju, għalina l-Agostinjani u għal tant devoti madwar id-dinja huwa marbut mal-figura tar-reliġjuża Agostinjana, Santa Rita ta’ Cascia. Santa Rita għexet fl-Umbria fl-Italja, aktar minn 600 sena ilu, imma l-esperjenzi differenti li l-ħajja laqqagħta magħhom, għamluha figura li tant tappella anke għaż-żminijiet tagħna. Għexet l-esperjenza taż-żwieġ bl-isfidi li ġabet magħha, għexet l-esperjenza ta’ omm u saħansitra tilfet lil ulieda, għexet imbagħad il-ħajja kkonsagrata bħala reliġjuża Agostinjana, u fl-aħħar snin ta’ ħajjitha Alla pprmetta li tinagħqad tant mill-qrib mat-tbatija ta’ Ibnu tant li mirakolożament irċeviet xewka fi xbina. F’dan kollu għexet b’mod erojku il-virtujiet insara partikolarment l-imħabba, il-maħfra, il-fidi u d-disponibilita totali għar-rieda t’Alla.  

Fis-seklu 20, id-devozzjoni lejn din il-qaddisa xterdet mhux biss mal-italja imma f’tant bliet madwar id-dinja. Ir-reliġjużi Agostinjani tul is-snin xerrdu d-devozzjoni lejn din il-qaddisa u ppreżentawha lill-poplu t’Alla bħala mudell ta’ tama fid-diffikultajiet tal-ħajja. Ħafna devoti jżommu l-jum tal-ħamis bħala l-jum biex jirrikorru għall-interċessjoni tagħha bis-slaleb u d-diffikultajiet tagħhom u jitolbuha ħerqana biex twassal it-talba tagħhom quddiem Alla.

F’Malta ċ-ċentru tad-devozzjoni lejn il-qaddisa hija l-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin tal-belt Valletta fejn tiġi ċċelebrata l-festa fil-Jum liturġiku propju jiġifieri s-Sibt 22 ta’ Mejju. Din is-sena, l-quddiesa tad-9.30am dak inhar ser tkun imxandra anke fuq TVM2. F’Għawdex il-festa tkun iċċelebrata fl-istess jum ukoll fil-Knisja ta’ Santu Wistin tal-Belt Victoria.

Barra l-programm ta’ ċelebrazzjonijiet f’dawn iż-żewġ knejjes, il-festa tkun iċċelebrata wkoll fil-knejjes l-oħra kollha Agostinjani b’ċelebrazzjonijiet fi ġranet differenti qrib l-istess data. Tajjeb li wieħed ifittex il-programm rispettiv, fil-Knisja li hija l-aktar komda għalih biex inkomplu nitolbu flimkien l-interċessjoni tal-qaddisa tal-impossibbli li tant inħobbu.


Il-Familja Agostinjana tiċċelebra... Il-Konverżjoni ta’ Santu Wistin, San Mark Evanġelista u Sidtna Marija Omm tal-Parir it-Tajjeb

Matul is-sena, il-kalendarju liturġiku tal-Knisja joffrielna ġranet partikolari li fihom niċċelebraw il-misteri l-kbar tal-fidwa tagħna, flimkien ma veritajiet ta’ fidi jew ċirkustanzi li għandhom relevanza fl-istorja tas-salvazzjoni u t-tradizzjoni tal-Knisja. Magħhom niċċelebraw anke figuri li jservu ta’ mudelli għalina. Ewlenija fost dawn hija Ommna Marija li niċċelebrawha taħt diversi titli u anke tant qaddisin li għexu b’radikalita il-mixja tagħhom wara Ġesu. Fil-kalendarju liturġiku tal-Familja tagħna Agostinjana u partikolarment tal-Provinċja Maltija l-24, il-25 u s-26 ta’ April huma ġranet ta’ ċelebrazzjoni partikolari.

L-24 ta’ April jimmarka l-jum li fih tant snin ilu, eżattament fis-sena 387, Santu Wistin irċieva s-sagrament tal-Magħmudija. Kienet iċ-Ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid il-Kbir. Huwa għalhekk li f’dan il-jum l-Ordni Agostinjan jiċċelebra l-Konverżjoni ta’ Santu Wistin li hija waħda mill-aktar stejjer ta’ konverżjoni li mmarkaw mhux biss lil Santu Wistin innifsu imma anke servew ta’ ispirazzjoni fit-tradizzjoni nisranija tul is-snin. Din l-esperjenza Santu Wistin jirrakkuntaha partikolarment fil-ktieb tal-‘Istqarrijiet’ bħala l-mument li fih sab lil Alla u qalbu sabet il-mistrieħ.

Fil-25 ta’ April imbagħad il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-Evanġelista San Mark. Din is-sena ser jaħbat il-Ħadd u għaldaqstant il-liturġija tal-Knisja tiċċelebra r-4 Ħadd tal-Għid biex tkompli l-mixja ta’ dan iż-żmien liturġiku qawwi fil-ħajja tagħha. Madanakollu San Mark jibqa żomm post importanti fil-Provinċja Agostinjana Maltija li ġġib ismu. Filfatt il-Provinċja Agostinjana ta’ San Mark twaqqfet fis-sena 1817, imma l-Patrijiet Agostinjani kienu ilhom Malta mijiet ta’ snin qabel. Fis-sena 1551 kienu inagħtaw kappella ddedikata lil San Mark fir-Rabat u ftit bini mfarrak madwarha. Dan kien il-bidu ta’ preżenza ta’ komunita Agostinjana f’dan il-post bi knisja u kunvent mill-isbaħ. Kienet propju r-rabta ma din il-preżenza li wasslet biex San Mark jintagħżel bħala patrun tal-Provinċja mat-twaqqif tagħha.

Fis-26 ta’ April imbagħad il-familja Agostinjana madwar id-dinja tiċċelebra l-Sidtna Marija Omm tal-Parir it-Tajjeb li huwa titlu lill-Madonna marbut mal-Agostinjani minħabba s-santwarju li jġib dan it-Titlu f’Ġenazzano ftit ‘il barra minn Ruma, fl-Italja. Din id-devozzjoni nibtet filfatt fil-Knisja Agostinjana f’dan il-post mijiet ta’ snin ilu u eventwalment id-devozzjoni kibret u xterdet mhux biss mal-Familja Agostinjana imma anke f’diversi Knsejjes oħra f’kull rokna tad-dinja. Diversi papiet filfatt irrikorrew għall-interċessjoni ta’ Marija f’dan is-santwarju. F’Malta l-patrijiet Agostinjani għandhom knisja ddedikata lil Madonna taħt dan it-titlu f’Paceville, imma tista tgħid li kwadru tagħha jinsab f’kull knisja oħra Agostinjana. 가상화폐 도박사이트

Ejjew nitolbu l-interċessjoni tal-Omm tal-Parir it-Tajjeb, ta’ San Mark u ta’ Santu Wistin sabiex il-Mulej ikompli jiggwidana fil-mixja tagħna warajH. Fuq kollox nitolbu għall-Familja Agostinjana u d-diversi inizjattivi pastorali li tħaddan biex il-Mulej iqaddisha u jberikha b’vokazzjonijiet ġodda.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.