Nhar it-Tnejn 19 ta’ Lulju għal ħabta tas-7pm l-aħwa Agostinjani iltaqgħu flimkien għal mument ta’ talb fil-Knisja San Nikola minn Tolentino f’Ħal Tarxien u wara komplew jieħdu gost bil-preżenza ta’ xulxin billi kielu flimkien fil-bitħa tal-Oratorju Agostinjan Dun Ġwann Mamo. Kien mument informali u sabiħ li fih l-aħwa setgħu jiltaqgħu flimkien wara żmien twil ‘il bogħod minn xulxin minħabba l-pandemija!



Nhar l-Erbgħa, 7 ta’ Lulju 2021 saret l-10 laqgħa tal-membri prospettivi li ser jiffurmaw Fraternita’ Agostinjana Sekulari ġdida fil-Provinċja Agostinjana. Il-laqgħat ta’ qabel kienu qed isiru online. Kienet l-ewwel darba li dawn il-membri prospettivi tal-Fraternita’ setgħu jiltaqgħu fiżikament. Għal din il-laqgħa kienu mistednin ukoll il-membri tal-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani li ħadu l-inizjattiva biex jibda l-proċess biex titwaqqaf din il-Fraternità.

Il-laqgħa saret f’The Word Meditation Garden tal-Millennium Chapel. Kienu preżenti għal-laqgħa l-PIrjol Provinċjali Patri Leslie Gatt u Patri Luċjan Borg, ex Pirjol Provinċjali u llum missjunarju f’Kuba. Il-laqgħa bdiet bit-talba tal-Għasar fejn mhux biss tlabna bis-salmi, imma wkoll saru diversi riflessjonijiet mill-kitbiet ta’ Santu Wistin. Dawk preżenti talbu wkoll b’mod spontanju.

Wara l-laqgħa ta’ talb, dawk preżenti ħadu xi ħaġa ta’ l-ikel flimkien fejn setgħu jkomplu jsiru jafu aħjar lil xulxin.

Nirringrazzjaw ‘l Alla ta’ din il-laqgħa sabiħa flimkien.

P. Franco Grech OSA


P. Pawl Muscat O.S.A. illum iċċelebra Ewkaristija ta’ Radd il-ħajr f’għeluq il-50 sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin tal-Belt Valletta. Din iċ-ċelebrazzjoni seta jagħmilha llum wara li ċ-ċirkustanzi ma ppermettewx li ssir f’Marzu li għadda kif kien pjanat. P. Pawl filfatt kien Ordnat Saċerdot fl-14 ta’ Marzu 1971.

P.Pawl li huwa minn Ħad-Dingli, kien fi ċkunitu jattendi l-Kulleġġ Santu Wistin fejn ħa l-edukazzjoni sekondarja tiegħu u sadanitant, il-patrijiet Agostinjani kienu wkoll qed jagħtu s-servizz pastorali tagħhom fil-kappella ta’ Sant Anton fil-Buskett fejn trabba. Tul is-snin qeda l-ministeru saċerdotali tiegħu f’diversi realtajiet fosthom fil-Belt Valletta, fir-Rabat meta serva anke l-komunita tal-Buskett, u fil-Belt Victoria Għawdex. Ħadem ukoll fil-missjonijiet li l-Provinċja kellha f’La Goulette (Tunez) u f’Katanja (Sqallija). Illum barra li jagħti servizz pastorali fil-parroċċa tagħna tal-Belt, iservi wkoll bħala Kappillan tal-Komunita Agostinjana ta’ Ħajja Kontemplattiva, tal-Monasteru ta’ Santa Katarina tal-Belt Valletta.

Minn qalbna nawgurawlu ħafna saħħa, barka, u fuq kollox ħafna aktar ħidma fl-għalqa tal-Mulej.

 

Grazzi P. Pawl. Ad Multos Annos

 

Ritratti: Tufigno Photo Service

 

 


Bejn il-21 u l-25 ta’ Ġunju grupp ta’ patrijiet Agostinjani inġabru flimkien fid-dar tal-Irtir La Salle fil-Mellieħa biex jgħixu ftit jiem ta’ talb u riflessjoni. Matul dawn il-jiem l-aħwa kellhom l-opportunità li jirriflettu fuq is-sejħa personali u l-ħajja reliġjuża saċerdotali tagħhom permezz ta’ riflessjonijiet imħejjija minn P. Raymond Gatt OP.

Minbarra dawn ir-riflessjonijiet, il-patrijiet qattgħu l-ħin jitolbu u jgħixu flimkien il-ħajja reliġjuża agostinjana permezz ta’ mumenti ta’ mistrieħ ‘l bogħod mill-ħidmiet u l-ministeri tagħhom.  Il-Ġimgħa imbagħad iċċelebraw l-ewkaristija bħala għeluq ta’ dawn il-jiem fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa.


Dan ix-xahar, il-Kulleġġ Santu Wistin għadu kemm ħareġ il-websajt il-ġdida tiegħu. Huwa spazju sabiħ ħafna u estetikament pjaċevoli li joffri lill-qarrej preżentazzjoni ċara tal-Kulleġġ tagħna fi kliem, stampi u kuluri. Barra minn hekk, wieħed jista' jsib fiha ċelebrazzjoni virtwali ta' komunità edukattiva ta' nies li ngħaqdu flimkien u kontinwament jistinkaw biex jipprovdu appoġġ olistiku liż-żgħażagħ fdati lilhom. Dan huwa l-ispirtu li ispira lill-aħwa Agostinjani tagħna aktar minn 170 sena ilu meta d-dinja virtwali lanqas biss kienet xi ħaġa li toħlom biha, iżda li xorta timmotiva lil dawk kollha li jaħdmu b’xi mod jew ieħor favur missjoni edukattiva bħal din.

Madankollu ċ-ċentru taċ-ċelebrazzjoni huma l-istudenti nfushom li twieldu f'era bħal din meta t-teknoloġija tevolvi u hija fil-fatt il-ħobż ta 'kuljum tagħhom. Hija xi ħaġa mill-isbaħ li tista’ tiskopri fi spazju bħal dan u ssib vetrina reali ta ’tant inizjattivi, kisbiet, esperjenzi, u kull xorta ta’ proġetti edukattivi li jpoġġu lill-istudent fuq quddiem u jagħmlu l-aħjar użu mill-kapaċitajiet tiegħu. Dan wara kollox huwa l-għan ewlieni ta ’tali spazju virtwali, flimkien mal-informazzjoni interessanti kollha dwar il-Kulleġġ li wieħed ikun interessat li jiskopri u jgawdi.

Filwaqt li jinżamm aġġornat bl-isfidi tat-teknoloġija moderna, dan l-ispazju jagħti biss togħma ta ’impenn kollettiv li jmur lil hinn mir-realtà virtwali u huwa impenjat li jibni kuntatt personali reali u relazzjonijiet b’saħħithom.

Jalla lkoll issibu din l-esperjenza virtwali interessanti u ta' għajnuna!


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.