Ċelebrazzjonijiet tal-Festa ta’ Santa Rita

Ix-xahar ta’ Mejju, għalina l-Agostinjani u għal tant devoti madwar id-dinja huwa marbut mal-figura tar-reliġjuża Agostinjana, Santa Rita ta’ Cascia. Santa Rita għexet fl-Umbria fl-Italja, aktar minn 600 sena ilu, imma l-esperjenzi differenti li l-ħajja laqqagħta magħhom, għamluha figura li tant tappella anke għaż-żminijiet tagħna. Għexet l-esperjenza taż-żwieġ bl-isfidi li ġabet magħha, għexet l-esperjenza ta’ omm u saħansitra tilfet lil ulieda, għexet imbagħad il-ħajja kkonsagrata bħala reliġjuża Agostinjana, u fl-aħħar snin ta’ ħajjitha Alla pprmetta li tinagħqad tant mill-qrib mat-tbatija ta’ Ibnu tant li mirakolożament irċeviet xewka fi xbina. F’dan kollu għexet b’mod erojku il-virtujiet insara partikolarment l-imħabba, il-maħfra, il-fidi u d-disponibilita totali għar-rieda t’Alla.  

Fis-seklu 20, id-devozzjoni lejn din il-qaddisa xterdet mhux biss mal-italja imma f’tant bliet madwar id-dinja. Ir-reliġjużi Agostinjani tul is-snin xerrdu d-devozzjoni lejn din il-qaddisa u ppreżentawha lill-poplu t’Alla bħala mudell ta’ tama fid-diffikultajiet tal-ħajja. Ħafna devoti jżommu l-jum tal-ħamis bħala l-jum biex jirrikorru għall-interċessjoni tagħha bis-slaleb u d-diffikultajiet tagħhom u jitolbuha ħerqana biex twassal it-talba tagħhom quddiem Alla.

F’Malta ċ-ċentru tad-devozzjoni lejn il-qaddisa hija l-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin tal-belt Valletta fejn tiġi ċċelebrata l-festa fil-Jum liturġiku propju jiġifieri s-Sibt 22 ta’ Mejju. Din is-sena, l-quddiesa tad-9.30am dak inhar ser tkun imxandra anke fuq TVM2. F’Għawdex il-festa tkun iċċelebrata fl-istess jum ukoll fil-Knisja ta’ Santu Wistin tal-Belt Victoria.

Barra l-programm ta’ ċelebrazzjonijiet f’dawn iż-żewġ knejjes, il-festa tkun iċċelebrata wkoll fil-knejjes l-oħra kollha Agostinjani b’ċelebrazzjonijiet fi ġranet differenti qrib l-istess data. Tajjeb li wieħed ifittex il-programm rispettiv, fil-Knisja li hija l-aktar komda għalih biex inkomplu nitolbu flimkien l-interċessjoni tal-qaddisa tal-impossibbli li tant inħobbu.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.