Il-mixja lejn Santiago

Il-grupp ta’ Malta Augustinian Youths bħalissa għaddej bi preparazzjonijiet biex jagħmel l-esperjenza tal-pellegrinaġġ Camino de Santiago fi Spanja matul il-vaganzi tas-sajf. Din l-esperjenza, magħrufa sempliċement bħala l-“Camino de Santiago”, tlaqqa’ pellegrini minn madwar id-dinja, li jimxu f’diversi rotot tal-pellegrini li jwasslu għall-qabar ta’ San Ġakbu (Santiago) f’Santiago de Compostela fil-Majistral ta’ Spanja.

Dan jinvolvi l-mixi f’rotot differenti ta’ mill-anqas 100km f’forma ta’ irtir spiritwali, u għaldaqstant il-grupp Augustinian Youths qed jipprepara permezz ta’ attivitajiet fiżiċi varji biex ikun jista’ jagħmel dan il-vjaġġ. Dan l-aħħar saru numru ta’ mixjiet ta’ madwar 15km madwar Malta, f’naħat differenti u kundizzjonijiet differenti, bħala taħriġ. Aktar mixjiet huma ppjanati li fl-aħħar iwasslu għall-esperjenza tal-Camino, li hemm il-ħsieb li ssir fil-Portugal fuq għaxart ijiem f’Awwissu 2022.

Din ir-rotta, magħrufa bħala t-Triq tal-Kosta, hi aktar kwieta imma daqstant ieħor rotta impressjonanti bħal dik ċentrali tal-Camino Portugiż. Ser nibdew mill-belt sabiħa ta’ Porto u ngħaddu mal-kosta tal-Atlantiku u l-bajjiet ramlin tat-Tramuntana tal-Portugal u l-Galicia. L-iskop li nagħmlu dawn l-isfidi bi tħejjija għall-Camino mhux wieħed kompetittiv, għax l-għan imur ’l hemm mil-livell ta’ saħħa tal-persuna li tagħmel il-mixja. Għalkemm hemm pellegrini li jdumu aktar minn oħrajn biex jaslu Santiago de Compostela, l-isfida hi aktar personali u spiritwali. Madankollu, it-tħejjija fiżika qabel nitilqu hi ta’ benefiċċju kbir għall-grupp biex tnaqqas il-każi ta’ inċidenti u tqawwi l-pellegrini Maltin.

Il-grupp hu magħmul minn madwar għaxar individwi minn realtajiet differenti tal-ħajja, b’talenti, kapaċitajiet, interessi u esperjenzi varji, li flimkien jagħtuna s-saħħa u t-tama li nissapportjaw lil xulxin mentalment, fiżikament u spiritwalment sabiex din l-esperjenza tħalli l-frott fostna u impatt pożittiv fil-ħajja tagħna lkoll.

Din hi waħda mill-attivitajiet organizzati mill-Augustinian Youths. Attivitajiet oħra bħal diskussjonijiet, hikes, mumenti ta’ talb, xogħol volontarju, eċċ... isiru għal żgħażagħ ta’ bejn l-20 u l-35 sena. Jekk inti f’din l-età jew taf lil xi ħadd li jixtieq jingħaqad mal-Augustinian Youths, tista’ tkellem li Fr Terence Spiteri osa permezz ta' email This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it. jew fuq Facebook Augustinian Youths.

Edward Abela


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.