Il-funeral tal-Emminenza tiegħu il-Kardinal Prospero Grech ser isir nhar il-Ħamis, 2 ta' Jannar fuq l-altar tal-Kattedra, fil-Bażilika ta' San Pietru fil-Belt tal-Vatikan fil-11.30am.

Il-Provinċja bħalissa qiegħda tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex imbagħad il-ġisem tiegħu jinġieb Malta u d-difna ssir Malta.  Aktar dettalji dwar dan jitħabbru aktar 'il quddiem.

Il-Kardinal Grech kien għadu kif għalaq l-eta sabiħa ta' 94 sena propju lejlet il-Milied. Dakinhar stess ħa sehem fil-quddiesa tal-lejl tal-Milied preseduta mill-Qdusija Tiegħu il-Papa Franġisku fil-Bażilika ta' San Pietru. Sa llum stess għex għal tant snin fil-Kulleġġ Internazzjonali Agostinjan, Santa Monika, f'Ruma. 

Il-Provinċja Agostinjana Maltija tirringrazzja lil dawk kollha li qed jinagħqdu magħha u juru l-viċinanza tagħhom f'dan il-mument ta' niket.

Il-Kardinal Grech jibqa bla dubju ta' xejn imfakkar bħala akkademiku għaref u reliġjuż ħabrieki li ta' kontribut kbir lill-Familja Agostinjana u lill-Knisja. Fuq kollox kien bniedem li għaraf inissel tbissima simpatika f'dawk kollha li ltaqgħu miegħu.  Nitolbu għal ruħu sabiex il-Mulej itih il-premju mistħoqq għal dak li ħadem għalih matul ħajtu.


© 2020 agostinjani.org. All Rights Reserved.