Jiftaħ il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju tal-Provinċja Agostinjana Maltija

Ilbieraħ, 4 ta’ April 2018 fetaħ uffiċjalment il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju tal-patrijiet Agostinjani ta’ Malta. Fil-lejla ta' qabel, kien hemm Velja ta' talb għal dan il-għan. Il-Kapitlu huwa laqgħa ġenerali li fiha r-reliġjużi jinġabru biex jiċċelebraw u jevalwaw il-ħajja tagħhom, waqt li jippjanaw il-programm tagħhom għall-erba’ snin li ġejjin. L-agostinjani jagħtu s-servizz tagħhom lill-Knisja u lis-soċjeta f’diversi oqsma, f’Malta u lilhinn minn xtutna.

Fiċ-Ċelebrazzjoni tal-ftuħ tal-Kapitlu l-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjan, P. Alejandro Moral Anton O.S.A. ta l-mandat lill-Pirjol Provinċjali ġdid P. Leslie Gatt O.S.A. li kien elett aktar kmieni din is-sena. F’sessjoni tal-Ħamis filgħodu 5 ta' April 2018 kien elett ukoll il-Kunsill tal-Provinċja magħmul minn, P. Mario Abela O.S.A., P. Alex Cauchi O.S.A., P. Paul Formosa O.S.A. u P. Franco Grech O.S.A.

Patri Terence Spiteri O.S.A. kien imbagħad elett Segretarju Provinċjali waqt li Patri Pierre Desira O.S.A. kien elett Ekonomu Provinċjali.

Il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju li qed jinżamm fil-Kunvent ta’ San Mark ir-Rabat ikompli permezz ta’ diskussjonijiet fil-ġranet li ġejjin.

Il-Patrijiet jerġgħu imbagħad jinġabru f’assemblea Ġenerali għal ġimgħa ta’ ħidma fl-aħħar ġranet ta’ April.

 

 

(Ritratt 1: Fr Raphael Abdilla OSA

Ritratti 2 - 8 : Fr Terence Spiteri OSA)

 

 

 

 


© 2018 agostinjani.org. All Rights Reserved.