Is-sorijiet Ursolini jiġu aggregati mal-Ordni Agostinjan

Fit-22 ta’ Diċembru, fil-Knisja tal-Familja Mqaddsa f’Tas-Sliema, saret ċerimonja sempliċi iżda sinifikanti li fiha ngħata d-Digriet ta’ Aggregazzjoni lill-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Ursolini ta’ Sant’Anġela Merici, li jġib il-firma tal-Ordni Agostinjan. Wara quddiesa ta’ ringrazzjament lil Alla, id-digriet, li għandu d-data tat-28 ta’ Awwissu 2023, ingħata lis-Superjura Ġenerali Madre Magdalena Cauchi USAM minn Fr. Javier Perez Barba OSA, Assistent Ġenerali, f’isem il-Pirjol Ġenerali tal-Ordni, Fr. Alejandro Morál Antón OSA. Kienu preżenti bosta sorijiet mill-kongregazzjoni flimkien mal-Pirjol Provinċjali tal-Agostinjani f’Malta, Fr. Leslie Gatt OSA, it-teżorier provinċjali, Fr. Pierre Desira OSA u l-postulatur ġenerali tal-Ordni, Fr. Josef Sciberras OSA.

Is-sorijiet Ursolini f’Malta twaqqfu mill-Qaddej ta’ Alla Isidoro dei Conti Formosa Montalto (Valletta, 1851- Valletta, 1931) fl-1887. Matul ħajtu, il-fundatur kellu għarfien mill-qrib tar-reliġjużi Agostinjani tal-kunvent ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta, peress li twieled u għex għal ħafna snin mhux ‘il bogħod mill-istess kunvent. Barra minn hekk, fil-bidu tal-ministeru saċerdotali tiegħu, inħatar kappillan u konfessur tas-sorijiet Agostinjani tal-ħajja kontemplattiva tal-monasteru ta’ Santa Katarina ta’ Lixandra fl-istess raħal twelidu. Dawn l-esperjenzi, flimkien ma’ oħrajn, ffamiljarizzawh mal-istil ta’ ħajja tal-Ordni bbażat fuq it-tfittxija għal Alla fil-ħajja komuni u fis-servizz tal-Knisja. Ried li dawn l-elementi jiddaħħlu fil-fondazzjoni reliġjuża tiegħu, u ried li s-sorijiet jistqarru r-Regola ta’ Santu Wistin.

Ftit xhur wara l-fondazzjoni, Mons. Formosa talab lill-Pirjol Ġenerali tal-Ordni, Fr. Sebastiano Martinelli OSA, biex jagħti l-grazzja tal-affiljazzjoni lilu personalment u lill-ewwel komunità tas-sorijiet, li kienu diġà pprofessaw ir-Regola tas-Santu Wistin. Martinelli ta din il-grazzja f’Diċembru 1889, u estenda l-privileġġi u l-grazzji lill-ġenerazzjonijiet futuri ta’ sorijiet. Fl-1935 din l-affiljazzjoni ġiet imġedda mill-Pirjol Ġenerali Eustasio Esteban OSA.

Meta wieħed iqis ir-riforma post-konċiljari tal-Kostituzzjonijiet tal-Ordni, li fiha ssir distinzjoni bejn l-affiljazzjoni ta’ nies individwali u l-aggregazzjoni ta’ kongregazzjonijiet reliġjużi li jridu jingħaqdu spiritwalment mal-Ordni, is-superjur ġenerali tal-Ursolini ta’ Sant’Anġla Merici, bil-kunsens tal-kunsill tiegħu, talab lill-Pirjol Ġenerali tal-Ordni għad-digriet tal-aggregazzjoni, biex b’hekk ġedded ir-rabta spiritwali li twieldet mal-fundatur tal-kongregazzjoni nnifsu lura fl-1889. Din ir-rabta, matul għexieren ta’ snin, esprimiet ruħha b’diversi modi u forom ta’ kollaborazzjoni mal-patrijiet Agostinjani f’Malta.

Infatti, l-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Isidoro dei Conti Formosa Montalto, saċerdot djoċesan u iben l-Ordni, taqa’ wkoll taħt ir-responsabbiltà tal-postulazzjoni ġenerali tal-Ordni.

Bħalissa l-Kongregazzjoni li hija ta’ dritt djoċesan, għandha aktar minn 60 soru u hija preżenti fi 8 komunitajiet fil-gżira Maltija. Qabel kellhom preżenzi ukoll fl-Italja u l-Ingilterra. Il-kariżma fundamentali tal-istitut – imsejsa fuq il-prinċipji tar-Regola Agostinjana, fuq l-eżempju ta’ Sant’Anġela Merici u fuq il-linji gwida mogħtija mill-fundatur, hija li tinfirex u titnieda l-karità fost it-tfal u l-adolexxenti li ma jistgħux jgħixu fil-familji naturali tagħhom għal diversi raġunijiet, u biex jappoġġjaw familji li għandhom diffikultajiet biex jappoġġjaw u jedukaw lil uliedhom.

P. Josef Sciberras osa

Postulatur Ġenerali tal-Ordni


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.