Ħa Noħolqu Spazju Għal Ġesù fil-Qalb Tagħna

Erġajna wasalna għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Milied ieħor bit-taħbit kollu li jġib miegħu u b’dak kollu li għexna u akkumulajna matul sena oħra ta’ ħajja. Dan kollu jagħmel dan il-Milied differenti minn ta’ qablu waqt li l-iskop ewlieni taċ-ċelebrazzjoni jibqa’ l-istess. Fiċ-ċentru hemm it-twelid tat-tarbija Ġesù: Il-Mulej li fi kliem Santu Wistin Missierna, ried jieħu sura ta’ bniedem biex aħna nistgħu nitwieldu fih. Anzi aktar minn hekk, tana l-possibilità li nieħdu l-għajnuna f’waqtha minn dan it-tieni twelid tiegħu, waqt li nimxu fuq il-passi tiegħu. (cf. S. Wistin, Priedki 371,2) Din hi allura provokazzjoni li taslilna waqt li niċċelebraw il-Milied, u minn naħa l-oħra nħarsu madwarna u naraw il-kuntrast li joħolqu l-gwerer u t-toqol tal-ħajja ta’ madwarna.

Imma l-istess kuntrast joħolquh anke l-‘gwerer’ interni tagħna; il-problemi li nsibu ruħna fihom fil-ħajja, it-toqol li kultant inġorru u li xi drabi noħolqu bl-attitudnijiet tagħna, in-nuqqas ta’ attenzjoni u apprezzament tal-oħrajn meta naħseb li kollox għandu jdur miegħi u ma’ dak li naħseb jien. L-istedina tat-tarbija Ġesu hija bla dubju ta’ xejn biex tagħraf id-dgħufija tiegħek, u tintefa’ quddiem il-Mulej, it-tabib tiegħek. Meta nagħmlu hekk  bl-umiltà tiegħu hu jerfgħana miegħu. X’misteru kbir allura qed niċċelebraw u xi gwadann kbir għandna jekk verament inħallu dan iċ-ċelebrazzjoni tibdilna. Il-kobor ta’ dan kollu bla dubju ta’ xejn mhux għax hu jeħtieġlu jintrefa fin-natura tiegħu bħala Verb, imma pjuttost għax tagħmillu spazju akbar fil-qalb tiegħek. (cf. S. Wistin, Priedki 117,10)

Ejjew mela nistaqsu ġenwinament dan l-ispazju akbar fil-qalb tagħna x’għandu jkun? Qalb mimlija b’ħafna affarijiet tirriskja li ma jibqalhiex spazju biżżejjed għal Ġesu. Ejjew verament naraw kif nistgħu inħaffu l-ħajja tagħna u dik ta’ dawk ta’ madwarna biex nilqgħu aħjar lil Ġesù, u aktar minn hekk, inħalluh jibdel lilna u d-dinja li ngħixu fiha.  Qalb mimlija b’Ġesù żgur li tkun qalb li xxerred il-paċi u l-ferħ. Dan hu l-veru sens tal-Milied li għal darb’oħra ser niċċelebraw.  

Minn qalbi nawgura lilkom u lill-familji tagħkom Milied qaddis mimli bil-ferħ ta’ Ġesù li twieled għalina!

P. Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.