Bejn it-2 u l-5 ta’ Marzu, il-Provinċjal, P. Leslie Gatt ħa sehem f’laqgħa tas-Superjuri taċ-Ċirkoskrizjonijiet Agostinjani ta’ lingwa Ingliża li nżammet fil-campus tal-Universita Santu Wistin, f’Iloilo l-Filippini. Għal-laqgħa, flimkien mal-Pirjol Ġenerali u l-assistenti ġenerali responsabbli mill-Afrika u l-Oceanija, ħadu sehem ukoll il-provinċjali u s-superjuri tal-Amerika, l-Irlanda, l-Ingilterra, Malta, l-Awstarlja, l-Filippini, l-Indonezja, l-Indja, il-Kenya u t-Tanzanja.
Il-Laqgħa serviet l-ewwel u qabel kollox biex wieħed jaqsam flimkien ir-realta agostinjana rispettiva fil-pajjiż partikolari, waqt li jfittex oqsma li fihom wieħed jista jikkollabora aktar flimkien. Filfatt l-ewwel jum tal-laqgħat kien iddedikat biex kulħadd seta jippreżenta r-realtà u l-isfidi taċ-ċirkoskrizjoni partikolari tiegħu, waqt li jwieġeb għal mistoqsijiet imressqa mis-superjuri l-oħra. Imbagħad komplew b’diskussjoni fuq diversi oqsma fosthom: il-formazzjoni inizzjali; il-policies ta’ safeguarding ta’ minuri u persuni vulnerabbli; ir-reazzjonijiet tagħna quddiem realtajiet politiċi partikolari u l-kurrent ta’ politiċi populisti f’diversi pajjiżi tad-dinja; is-sostenn ta’ proġetti f’pajjiżi nieqsa mir-riżorsi partikolarment finanzjarji; l-attenzjoni lejn l-anzjani tagħna; il-preżenza tas-superjuri fil-komunitajiet.
Barra mis-suġġetti li ġew diskussi, l-laqgħa kienet opportunità sabiħa biex wieħed jaqsam mumenti sbieħ ta’ komunjoni flimkien. Il-merħba li taw l-aħwa filippini u l-Universita Agostinjana ta’ Iloilo kienu bla dubju ta’ xejn turija mill-isbaħ ta’ din il-komunjoni Agostinjana.

 



Bejn il-Ġimgħa 28 ta’ Frar u l-Ħadd l-1 ta’ Marzu 2020, 28 partiċipant fil-korsijiet tal-Istitut Agostinjan 2019-2020, ħadu sehem f’LIVE-IN ġewwa l-Qawra Palace Hotel, il-Qawra. Il-Ġimgħa fl-4.30pm P. Franco Grech OSA, ta taħdida dwar Rwol tal-lajċi, u ħidma bħalissa, mal-lajċi Agostinjani fil-Provinċja Agostinjana Maltija, bħala għajnuna għad-diskussjoni, tqassmu xi ftit faċċati mid-dokument On the Way with St. Augustine. Augustinian Lay Fraternities.

P. Pierre Desira OSA, mexxa l-Ewkaristija fil-5.30pm. Is-Sibt, 29 ta’ Frar, filgħodu fit-8.30 ltqajna għat-talb ta’ filgħodu animat minn P. Mario Attard ofm cap. Fil-11.00 P. Mario Attard ofm cap, iċċelebra l-Ewkaristija u għamel konferenza mill-isbah dwar xi ħsibijiet ta’ S. Wistin fuq ir-Randan li huwa silet mill-Istqarrijiet ta’ S. Wistin.

Fl-4.00pm ltqajna għal taħdida fiċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Il-Ħadd, l-1 ta’ Marzu mexxa t-talb ta’ filgħodu fit-8.30am, u l-Ewkaristija fil-11.00am, P. Salvinu Caruana OSA. Il-partiċipanti kollha stqarrew il-pjaċir li ħadu matul il-Live-In u xtaqu li jsir iktar regolarment fis-sena.


Fil-jiem li għaddew għamilt żjara ta' erbat ijiem lil ħuna P.Luċjan f'Kuba. Fil-belt kapitali Havana, P. Luċjan jgħix flimkien ma’ reliġjuż ieħor spanjol (P. Miguel Angel). Filfatt issa d-delegazzjoni kollha ta' Kuba, fejn għandna 3 komunitajiet, taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Provinċja ġdida Spanjola. M'hemmx għalfejn ngħidilkom li laqgħuni mmens u kienet esperjenza pożittiva li nara l-ħidma tagħhom u naqsam magħhom dawn il-jiem. Filfatt il-komunita li jgħixu fiha hija wkoll parroċċa u P. Miguel Angel huwa l-kappillan. Ħuna Luċjan jinsab tajjeb, u jaħdem aktar fil-kamp akkademiku għalkemm jgħin ukoll fil-pastorali tal-Parroċċa.

Hija realtà ta' nies li jgħixu ġeneralment f'faqar u mċaħħdin minn tant affarijiet. Madanakollu fil-pajjiż u fil-belt stess fejn jgħixu l-patrijiet hemm binjiet mill-isbaħ u jgħaddu minn hemm anke ħafna turisti. Sa qabel ir-rivoluzzjoni, bħala Agostinjani kellna 4 komunitajiet fil-belt ta' Havana u għalkemm illum m'għadhomx f'idejna, il-Knejjes għaddew lura għand il-knisja.

F’dawn il-jiem kelli laqgħat mad-direttur tal-Istitut fejn jgħallem ħuna Luċjan u mar-rettur tas-seminarju li t-tnejn urew l-apprezzament tagħhom għall-kontribut li hu qiegħed jagħti hemmhekk. Il-missjoni fil-kamp akkademiku hija missjoni partikolari għaliex għalkemm legalment l-edukazzjoni jagħtiha biss l-istat, bħala knisja qed jibnu bilmod istitut li 'l quddiem (meta ż-żminijiet ikunu aħjar) jista’ jkun ukoll Università kattolika bħalma kien hemm snin ilu. Filfatt il-korsijiet li jingħataw hemmhekk diġa huma rikonoxxuti mis-sistema ta’ Bologna u mill-Kongregazzjoni f'Ruma.

Nixtieq li nkomplu nżommu l-missjoni f'Kuba fit-talb tagħna, partikolarment matul il-ġimgħa li ġejja meta ser ikollhom l-assemblea tad-delegazzjoni ħalli l-Mulej ikompli jgħinuhom fid-deċiżjonijiet u l-għażliet li jridu jagħmlu.

 

 


Nhar it-Tnejn, 2 ta' Marzu, il-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani organizzat Ċelebrazzjoni Penitenzjali tar-Randan għal-lajċi. Din iċ-ċelebrazzjoni saret fil-Kappella ta' l-Iskola Santa Monika, B'Kara, L-ewwel ċċelebrajna il-quddiesa, u wara bdejna il-Penitenzjal li kien immexxi mis-Sur Godfrey Scicluna, membru fil-Kummissjoni. Il-Penitenzjal kien jinkludi riflessjoni minn Sr. Vania Bonello, Agostinjana, fuq it-tema: "Qum, aqbad friexek u imxi".

Kien hemm ukoll diversi Patrijiet Agostinjani għall-qrar. Waqt il-qrar saru diversi riflessjonijiet adattati għal minn Żmien ir-Randan minn diversi Qaddisin u Beati Agostinjani. Iċ-ċelebrazzjoni għalqet bil-Barka Sagramentali.

 


Bħal kull sena s-Segretarjat Missjonijiet Agostinjani matul is-sena jibda  jipprepara grupp ta' żgħażagħ biex jagħmlu esperjenza missjunarja fl-Afrika. Biex wieħed jagħmel ċerti proġetti b'risq ħutna fil-bżonn, neħtieġu dejjem tal-flus. Il-grupp ta' din is-sena diġà għaddej ġmielu bil-ħidma biex jiġbor il-flus li għandu bżonn.

Għal żmien il-Milied sar bejgħ ta' "Christmas logs". Il-ġimgħa saret "Pasta Night" f'restorant, fejn  għal din l-attività ġew mal-116 il-ruħ.

Kien mument sabiħ ħafna, ammont sabiħ ta’ nies ġew biex jgħinu fil-ġbir ta' fondi. Waqt l-ikla kellna wkoll lotterija. Min hawnhekk nixtieq nirringrazzja lil tant nies li jgħinuna biex ġbarna xi rigali mingħandhom għal-lotterija. Min ikun jixtieq joffri l-għajnuna tiegħu permezz ta’ oġġetti li jistgħu jintużaw għal raffles u attivitajiet oħrajn li jkolna jista’ jkellem lil Fr Mario fuq This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it..

Attivita'  oħra li ser jibda l-grupp AMIGOS fi tmiem il-ġimgħat li ġejjien huwa l-bejgħ tal-figolli fil-knejjes. Tista’ żżur il-paġna tal-facebook https://www.facebook.com/missions.amigos/ biex tkun taf fejn ser isir il-bejgħ.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.