Ittra li l-Provinċjal bagħat lill-Aħwa fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni tal-175 sena ta’ Impenn fil-Missjoni Edukattiva

Wieħed mill-proġetti kbar ta’ ħidma tagħna bħala Provinċja li kważi lkoll kemm aħna missejna miegħu f’xi waqt jew ieħor huwa l-Kulleġġ, u xtaqt li permezz ta’ din iċ-ċirkolari niċċelebaw lil dawk l-aħwa kollha li tul is-snin u llum kienu jew għadhom parti minn din l-esperjenza.

Kien għadu tista’ tgħid fl-ewwel snin mit-twaqqif tal-Provinċja tagħna meta l-Provinċjal P. Gaetano Pace Forno ġieħ il-ħsieb li l-Provinċja, timraħ f’esperjenza ġdida. Ir-rapport tal-Kummissjoni Rjali tal-1836, kien wera biċ-ċar li wieħed min-nuqqasijiet kbar li kien hawn f’Malta kien dak ta’ opportunitajiet għall-edukazzjoni tat-tfal u fi ftit snin, il-Gvern ingliż beda jiftaħ l-ewwel skejjel tiegħu. Sensibbli għal din ir-realtà, fl-1847 il-Provinċjal kiteb lill-Pirjol Ġenerali tal-Ordni f’Ruma u qasam miegħu il-ħsieb li kellu li l-Provinċja, tinvesti fi skola bla ħlas għat-tfal. Il-Pirjol Ġenerali malajr approva u esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-idea sabiħa ta’ din l-opra soċjali li sejħilha kbira u meħtieġa. L-istess idea kienet imbagħad diskussa u approvata unanimament fil-Kunsill Provinċjali nhar il-31 ta’ Awissu 1848. Nhar it-23 ta’ Ottubru 1848 fetħet l-ewwel sena akkademika tal-Iskola Santu Wistin li kienet filfatt l-ewwel skola kattolika bla ħlas fil-gżejjer Maltin. Apparti s-sensibilità għall-bżonn reali tat-tfal, kien hemm bla dubju ta’ xejn fatturi oħra li mmotivaw dan il-pass bħalma kien in-numru sabiħ ta’ reliġjużi li setgħu jagħtu kontribut soċjali akbar u s-sentiment li l-Knisja Kattolika tibqa preżenza valida f’kull qasam, imma fuq kollox jibqa’ l-fatt li f’dawn iċ-ċirkostanzi kien pass profetiku.

Żgur li ma kienx jgħaddi minn moħħ ir-reliġjużi ta’ dak iż-żmien l-iżviluppi kbar li din l-opra soċjali kellha tgħaddi minnhom tul is-snin. Fost dawn, ta’ min isemmi l-investiment kontienwu fl-ispazji u r-riżorsi, il-qtigħ il-qalb ta’ żmien il-gwerra, l-għażliet li saru meta r-reliġjużi ma setgħux jibqgħu ilaħħqu mal-impenn meħtieġ weħidhom u allura il-kollaborazzjoni tal-lajċi, l-espansjoni tal-Kulleġġ, u diversi fatturi oħra. F’nota li sibt fl-arkivju tas-segreterija xi ħadd kien ħalla miktub li matul is-snin tat-tieni gwerra dinjija r-reliġjużi għamlu li setgħu biex baqgħu isibu modi kif jgħallmu lit-tfal, anke jekk il-bibien tal-iskola formalment kellhom jingħalqu. Ftit forsi kien jgħaddilna minn moħna li din l-istorja kellna nerġgħu ngħaddu minna fi żmienna meta faqqgħet il-Pandemija Covid-19 u l-bibien tal-Kulleġġ reġgħu ingħalqu. Grazzi għat-tmexxija preżenti, anke din id-darba l-Kulleġġ impenja lilu nnifsu li jibqa’ għaddej u kien minn ta’ l-ewwel biex jimraħ f’sistemi virtwali li setgħu jibqgħu iwasslu t-tagħlim lit-tfal fid-djar tagħhom. Meta tħares lejn dan kollu tirrealizza kemm l-istorja tirrepeti ruħha anke jekk quddiem strutturi, u riżorsi li huma ferm differenti minn ta’ qabilhom. L-isbaħ fuq kollox huwa l-fatt li dak li baqa jirripeti ruħu huwa l-ispirtu u l-impenn li l-iskola jew il-Kulleġġ tagħna jibqa’ jagħti l-aħjar.

Illum inħarsu lejn din il-missjoni edukattiva u tassew għandna għax irroddu ħajr lil Alla għal dak kollu li għamel magħna tul is-snin. Kemm hu sabiħ li napprezzaw dak li sar qabilna li jitwaħħad f’esperjenza kontienwa ma dak kollu li għadu jsir illum f’istorja waħda twila. Nixtieq minn qalbi nsellem lill-aħwa kollha li tul is-snin ħadmu fil-Kulleġġ u li llum m’għadhomx magħna. Il-Mulej jilqagħhom fi ħdanu u jagħtihom il-premju tal-eternita’ li tant ħadmu għalih. Insellem anke lil dawk kollha li għadhom mimlija bil-għomor u li ħadmu b’mod jew ieħor fil-Kulleġġ. Żgur li ż-żmien tagħhom fil-Kulleġġ immarkahom b’xi mod jew ieħor għal ħajjithom, bħalma l-marka ta’ kull wieħed minna tibqa’ fil-qalb tal-istudenti u familji kollha li xi darba kienu parti mill-komunita’ edukattiva tal-Kulleġġ. Fuq kollox insellem lill-aħwa li huma impenjati fil-Kulleġġ illum, partikolarment il-Komunità tagħna f’Tal-Pieta li, barra responsabiltajiet oħra fil-Provinċja, janimaw fuq kollox din il-Missjoni Edukattiva; ir-Rettur P. David Cortis, ic-Chaplain P. Terence Spiteri u l-Pirjol tal-Komunità P. Mario Abela. Grazzi tal-ħidma li qed tagħmlu f’isimna lkoll, waqt li f’isimkom, ilkoll kemm aħna ngħixu l-preżenza u l-qadi tagħna f’servizzi u komunitajiet oħra.

Għalkemm din iċ-ċirkolari hija indirizzata aktar għar-reliġjużi, ma nixtieqx nagħlaq dawn il-kelmtejn bla ma nsellem in-numru dejjem jikber ta’ lajċi li jikkollaboraw magħna f’din il-ħidma  partikolarment il-kapijiet rispettivi u l-assistenti kapijiet, imma magħhom dawk kollha li jservu f’kull qasam. Is-sabiħ ta’ din l-istorja kollha, kemm bit-tant reliġjużi tul is-snin, u anke bil-ħafna lajċi llum, huwa l-fatt li jirnexxielna nġibu flimkien tant karattri differenti li iżda jinagħqdu fi spirtu u għan wieħed li huwa l-missjoni edukattiva tat-tfal tagħna.

Ejjew nitolbu l-Mulej inissel l-ispirtu tiegħu fuq il-Komunità edukattiva kollha tal-Kulleġġ tagħna waqt li jgħinna nkomplu ninvestu b’kull mezz possibbli fi struttura li tagħti stabilita’ u kontinwita’ lil din il-missjoni tagħna.

P. Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.