Iċċelebrati diversi festi fil-Knejjes Agostinjani

Il-ġimgħat li għaddew ġabu magħhom diversi festi fil-kalendarju Liturġiku Agostinjan. Ewlenin fosthom huma l-festi ta’ Santu Wistin u tal-Madonna taċ-Ċintura li kienu ċċelebrati b’mod solenni partikolarment fil-Knejjes Agostinjani tal-Belt Valletta u tar-Rabat f’Malta, u tal-Belt Victoria f’Għawdex. Għal dawn il-festi tħejja programm ta’ ċelebrazzjonijiet liturġiċi li permezz tagħhom raddejna ħajr lil Alla għal dak kollu li għamel magħna permezz ta’ Ommu Marija u ta’ Santu Wistin missierna.

Il-festi fil-Belt Valletta laħqu l-qofol tagħhom permezz tal-Festa Titulari tal-Parroċċa li ġiet iċċelebrata fit-3 ta’ Settembru bil-purċissjoni bl-istatwa ta’ Santu Wistin fit-toroq tal-Belt. Il-Festa tal-Madonna taċ-Ċintura fil-Belt kienet iċċelebrata s-Sibt 26 ta’ Awwissu, waqt li fir-Rabat imbagħad kienet iċċelebrata s-Sibt 9 ta’ Settembru. Fil-Knisja ta’ Santu Wistin f’Għawdex iż-żewġ festi kienu ċċelebrati fil-ġranet liturġiċi tagħhom jiġifieri nhar it-28 ta’ Awwissu u l-4 ta’ Settembru. Barra l-jiem tal-festa saru anke jiem ta’ preparazzjoni b’diversi ċelebrazzjonijiet li offrew riflessjonijiet fuq il-figuri ta’ Santu Wistin u d-devozzjoni tal-Madonna taħt it-titlu tal-konsolazzjoni li hija l-padruna tal-familja Agostinjana.

Fis-27 ta’ Awwissu flimkien mal-Knisja universali ċċelebrajna anke l-festa ta’ Santa Monika, omm Santu Wistin, waqt li fl-10 ta’ Settembru imbagħad, il-Kalendarju liturġiku Agostinjan ippreżentalna l-figura ta’ San Nikola minn Tolentino li huwa l-ewwel reliġjuż Agostinjan li kien iddikjarat qaddis. Il-festa tiegħu fil-Knisja ddedikata lilu f’Ħal-Tarxien ser tiġi ċċelebrata s-Sibt 30 ta’ Settembru.

Sadanittant matul ix-xahar ta’ Settembru, diversi Parroċċi madwar Malta iċċelebraw il-festa tal-Madonna taċ-Ċintura bl-aħħar waħda tkun imbagħad dik tal-Gudja li tiġi ċċelebrata fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.