Ħa Jsibu Qalbna u Moħħna il-Veru Kwiet fil-Mulej

Fit-28 ta’ Awwissu l-Knisja tiċċelebra l-Festa ta’ Santu Wistin Missierna.  Kull festa tistedinna nirriflettu mill-ġdid fuq din il-figura li ispirat b’mod partikolari lilna r-Reliġjużi fil-mixja tagħna wara Ġesu, u nixtiequha tkompli tispira anke lil dawk kollha li b’mod jew ieħor jixtiequ jixorbu minn dak l-għerf qaddis li bih il-Mulej għoġbu jżejjen lil Santu Wistin u jagħmel minnu don għall-Knisja.

Santu Wistin ħolom li jaqsam il-ħajja tiegħu mal-ħbieb, jew mal-‘aħwa’, u flimkien ikomplu jfittxu lil Alla. Is-sejħa tiegħu għas-servizz pastorali kienet sejħa li ġiet aktar tard u l-istess Wistin laqagħha waqt li adatta l-istil ta’ ħajja mal-aħwa li ġa kien qiegħed jgħix. Fir-regola li tagħti dawl lil ħajja tagħna, il-motivazzjoni ċentrali li Santu Wistin ippropona għal dawk li xtaqu jgħixu fuq il-passi tiegħu hija ċara: “l-għan ewlieni li għalih intom inġbartu flimkien hu li tgħixu għalenija fid-dar, qalb waħda u ruħ waħda f’Alla”. Allura il-veru serħan tal-qalb f’Ġesu ma jiġix l-aktar minn dak li nwettqu daqskemm mis-sejħa nfisha ta’ ħajja nisranija u t-tfixxtija kontinwa ta’ Alla mgħixa b’impenn ġenwin.

Nixtieq ġenwinament inkompli nitlob l-interċessjoni ta’ Santu Wistin biex il-Mulej inissel fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna x-xewqa li nibqgħu infittxu dejjem il-milja ta’ dak li aħna l-ewwel u qabel kollox bħala mgħammdin, imma anke fl-għażliet kollha li għamilna u li nagħmlu fil-ħajja. Dan jgħinna nkunu aktar liberi bħala persuni għax internament nintrabtu anqas ma dak li jġib il-gratitudni immedjata tal-oħrajn, u jiftaħna aktar għal dak li jixtieq minna Alla u x-xhieda li tixtieq minna l-Knisja bħala nsara impenjati.

Qed ngħixu anke f’soċjeta li qed issir dejjem aktar sensittiva għas-saħħa mentali u l-ħtieġa ta’ aktar sostenn għal xulxin f’kull qasam tal-ħajja. Din hija anke riflessjoni importanti ħafna li għandna nagħmlu biex l-ewwel nagħrfu r-realta u l-limitazzjonijiet tagħna u imbagħad nitħeġġu aktar biex insibu u nagħtu sostenn adegwat lil xulxin. Santu Wistin ma ddejjaqx jitkellem fuq il-limitazzjonijiet tiegħu bħalma nsibu fl-Istqarrijiet, u fuq kollox fittex is-sostenn fil-ħbiberija u f’dawk li għażel li jkun qrib tagħhom. Magħhom qasam it-tfittxija, id-dubji, imma fuq kollox qasam is-sejba sabiħa tal-esperjenza ta’ Ġesu f’ħajtu.

Ejjew verament nissapportjaw lil xulxin u ngħinu lil xulxin biex nersqu lejn dak li jagħtina l-veru paċi tal-qalb u serenità. Huwa biss b’din l-attitudni li nistgħu niġġeddu fil-mixja kontienwa li jipproponielna Santu Wistin meta jgħidina li l-ewwel għan tagħna huwa li nfittxu li ngħixu għalenija u nfittxu lil Alla flimkien, u meta jfakkarna li qalbna ma ssib qatt kwiet jekk mhux fiH. Dan huwa l-akbar sostenn li n-nisrani jista’ jsib f’ħajtu.

 

Fr. Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.