Il-Komunità Agostinjana tar-Rabat turi l-apprezzament għas-solidarjetà u l-viċinanza ta' tant persuni

Il-virus li f’dawn l-aħħar xhur ħoloq tant tensjoni u restrizzjonijiet fl-imġieba tagħna, dawn il-jiem laqat anke membru tal-Komunità tagħna l-patrijiet Agostinjni tar-Rabat. Konsegwenza ta’ hekk il-Knisja Konventwali ta’ San Mark tinsab magħluqa u l-patrijiet tal-komunita jinsabu fi kwarantina. Għalkemm żgur li  mhix esperjenza sabiħa, dawn il-jiem kienu anke mument fejn wieħed japprezza l-viċinanza ta’ tant persuni qrib tal-Komunita. Hekk kitbilna l-Pirjol tal-istess Komunita, P. Rafel Abdilla:

“Nhar il-Ġimgħa filgħaxija, hekk kif sirna nafu li wieħed mir-reliġjużi tal-Kunvent tagħna kien positive għall-Covid-19, bla ma qgħadna nistennew l-awtoritajiet jgħidulna biex nidħlu f’kwarantina mandatorja, b’rispett lejn kull min jidħol fil-kunvent tagħna u lejn kull min jiffrekwenta l-Knisja tagħna, ħadna mill-ewwel id-deċiżjoni li nagħlqu kollox b’effett immedjat biex din l-istess marda ma tkomplix tinxtered. Hekk, aħna l-Patrijiet Agostinjani tar-Rabat flimkien mal-Provinċjal tagħna P. Leslie Gatt, bi prudenza lejn kulħadd għalaqna kollox għal matul dawn il-ġranet li ġejjin sakemm niftħu mill-ġdid l-istess Kunvent u l-Knisja ta’ San Mark għas-servizz ta’ kulħadd.

M’għandniex fomm biex nirringrazzjaw lil tant persuni li matul il-ġurnata tal-bieraħ ma waqfux iċemplulna u jiktbulna biex joffrulna l-għajnuna tagħhom f’dan iż-żmien li aħna l-Patrijiet Agostinjani ser ikollna nibqgħu ġewwa. Is-solidarjeta’ tagħkom tat lilna l-patrijiet serenita’ f’dan il-mument ta’ inċertezza u ta’ biża’. Ħafna oħrajn bħalna għixu jew qegħdin jgħixu din l-esperjenza li llum ninsabu fija aħna l-patrijiet. Ma nixtiequ lil ħadd jgħaddi minn dawn l-inċertezzi u l-biżgħat li din il-marda ġġib magħha. Biss, fl-istess waqt, j’Alla li kull min ser ikollu jħabbat wiċċu ma’ din is-sitwazzjoni tal-pandemija, isib min ikellmu, ifarrġu, joffrilu l-għajnuna li jista’ jkollu bżonn. Fil-jum tal-bieraħ, aħna l-Patrijiet Agostinjani esperimentajna verament kemm hawn persuni li jaħsbu fina u li jħobbuna. Grazzi tassew minn qalbna tal-qalb kbira tagħkom.”

 Waqt li nawguraw fejqan ta’ malajr, inwiegħduhom it-talb tagħna.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.