Inkunu bennejja ta' Komunita' Evanġelika - Laqgħat ta’ Formazzjoni

“Dak li għamlek mingħajrek ma jsalvakx mingħajrek” (Santu Wistin, Kummentarju fuq Salm 169,13). Għalhekk aħna r-reliġjużi Agostinjani nħossu l-bżonn li niġġeddu dejjem. Wieħed mill-modi kif dan isir huwa permezz tal-Formazzjoni Permanenti. Din il-Formazzjoni tieħu sens mill-fatt li aħna r-reliġjużi għandna bżonn insostnu u nagħtu ħajja ġdida l-grazzja tal-vokazzjoni tagħna. Kif ifakkarna Santu Wistin: “Jekk tgħid: ‘Daqshekk, biżżejjed’, tmut. Imxi dejjem ‘il quddiem, la tieqafx, la tħarisx lura, tieħux triq b’oħra. Min ma jimxix ‘il quddiem jieqaf, min ma jmurx ‘il quddiem imur lura” (Santu Wistin, Serm, 169,15.18)

Għalhekk nhar l-Erbgħa, 13 ta' Jannar 2021 bdejna sensiela ta’ laqgħat ta’ Formazzjoni bit-tema: Inkunu bennejja ta' Komunita' Evanġelika. Il-laqgħat qed imexxihom Fr. Philip Cutajar OFM Cap.

L-ewwel laqgħa saret fil-Knisja ddedikata lil San Nikola ta’ Tolentino f’Ħal Tarxien. Għażilna li l-laqgħa tkun fil-knisja biex inkunu nistgħu nżommu aħjar d-distanzi soċjali minħabba l-pandemija. Il-laqgħa bdiet bit-talba tal-Għasar u wara saret il-konferenza minn Fr Philip.

Nitolbukom titolbu għalina r-reliġjużi agostinjani f’Malta u Għawdex, biex dawn il-laqgħat iħallu frott spiritwali fina, ħalli ngħixu dejjem aħjar il-komunjoni ta’ bejnietna, biex inkunu xhieda tal-Evanġelju fost il-Poplu ta’ Alla f’dawn il-gżejjer.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.