Il-Kulleġġ Santu Wistin kien twaqqaf fl-1848. Għal kważi mitt sena kienu jintużaw spazji fil-kunvent tal-Belt Valletta. Minħabba raġunijiet ta’ spazju, il-Kulleġġ kien trasferit l-ewwel għal Ħal Tarxien imbagħad għal Tal-Pietà. Infatti fis-17 ta’ Ġunju 1965, deher avviż fit-Times of Malta dwar bejgħ ta’ tliet vilel, mezzanin u ġnien kbir fl-għolja ta’ Gwardamangia, Tal-Pietà. Il-proposta mressqa mill-Provinċjal P. Ugolin M. Gatt OSA, sabiex tinxtara din il-proprjetà, ġiet aċċettata mill-Kunsill, mill-awtoritajiet tal-Knisja lokali.
F’Jannar 1966 beda x-xogħol tat-tiswijiet meħtieġa fil-vilel fejn kellha tkun l-iskola u fejn kellhom jgħammru l-patrijiet tal-kulleġġ. Kif it-tiswijiet kienu lesti, ġiet determinata l-ewwel komunità ta’ reliġjużi li kellhom jagħmlu l-ħidma fil-kulleġġ bħala l-missjoni prinċipali tagħhom. Dawn daħlu fil-bini trasformat f’kunvent nhar l-10 ta’ Marzu 1966. Fl-14 ta’ April 1966 waslu d-digrieti tal-Ġeneral Pirjol Ġenerali Agostino Trapè u tas-Sagra Kongregazzjoni tar-Reliġjużi u jumejn wara, il-kulleġġ ġie inawgurat b’quddiesa fis-sala tal-kulleġġ il-ġdid. Fit-28 tal-istess xahar ġiet imwaqqfa kanonikament id-dar reliġjuża bl-isem ta’ “San Tumas minn Villanova”.
Illum ir-reliġjużi, fr. Mario Abela osa (Pirjol tal-komunità), fr. David Cortis osa (Rettur tal-Kulleġġ), fr. Terence Spiteri osa (Chaplain tal-Kulleġġ) li jgħixu f’din il-komunità huma involuti fil-ħidma pastorali edukattiva fil-Kulleġġ Santu Wistin f’Tal Pieta (Kampus Sekondarja) u fil-Marsa (Kampus Primarja).
Il-komunità għandha l-missjoni li takkumpanja liż-żgħażagħ fid-dixxerniment vokazzjonali tagħhom u tgħinhom fil-formazzjoni inizjali tagħhom, filwaqt li toffri spazji għaż-żgħażagħ biex ikomplu jiskopru lilhom infushom u lil Alla. Reliġjużi minn din il-komunità jgħinu b’mod dirett u indirett fit-tmexxija u l-amministrazzjoni tal-Provinċja.