Il-ministeru taż-żgħażagħ għandu l-għan li jressaq viċin xulxin żgħażagħ minn oqsma differenti tal-ħajja, permezz tax-xewqa komuni li niskopru aktar lilna nfusna, li ngħixu f’sens komunitarju ma’ żgħażagħ oħra, u li nimxu wara Alla, fl-ispirtu tat-tagħlim ta’ Santu Wistin, missierna. Dan il-grupp joffri liż-żgħażagħ il-possibbiltà li jirriflettu fuq dak li Alla jixtieq minnhom, flimkien mal-opportunità li jaqsmu ħsibijiet, riflessjonijiet u esperjenzi ma’ żgħażagħ oħra li qegħdin jimxu triq simili fil-ħajja tagħhom. Aħna nżommu lil Alla bħala ċ-ċentru tal-laqgħat u tal-attivitajiet tagħna, filwaqt li naħdmu biex niskopru iżjed lilna nfusna u biex inkunu ta’ servizz għall-oħrajn.
Artikli Relatati
Il-pass li jmiss – Live-in
Diversi żgħażagħ li kienu jattendu l-kulleġġ tagħna ħadu sehem f’live-in ‘il-pass li jmiss’ organizzat mill-Augustinian Youths hekk kif qed jibdew…
9 ijiem mixi għal Santiago
Esperjenza differenti imma qawwija hija dik tal-Camino de Santiago. 5 żgħażagħ flimkien ma’ fr Terence Spiteri osa għamlu mixja mill-Portugal…
Augustinian Youths
Fi spirtu ta’ komunjoni u ħbiberija, grupp ta’ żgħażagħ minn 18-il sena ‘il fuq jiltaqgħu darba fil-ġimgħa biex flimkien ikompli jgħinu lil xulxin fil-mixja tal-fidi u l-ħajja. Apparti dawn il-mumenti ta’ formazzjoni, jiġu organizzati ukoll attivitajiet oħrajn bħal mixjiet fil-kampanja, picnics, live-ins, attivitajiet sportivi, ħidma volontarja f’Malta u ħafna oħrajn. Jekk tixtieq issir taf iktar fuq dawn l-attivitajiet, tista’ tibgħat email fuq [email protected]
Tagaste Youths
Grupp ta’ adolexxenti u żgħażagħ minn 15-il sena ‘il fuq jiltaqgħu darba fil-ġimgħa biex flimkien ikomplu jiskopru l-ħolma ta’ Alla għalihom billi jsiru jafu iktar lilhom infushom u lil xulxin. Dawn isiru darba fil-ġimgħa u jinkludu mumenti ta’ talb, riflessjoni, diskussjoni u attivitajiet oħrajn ta’ logħob.
Esperjenzi oħrajn barra minn Malta
Camino de Santiago Experience
Dan l-aħħar snin, l-Augustinian Youths permezz ta’ fr Terence Spiteri osa, qiegħed jorganizza esperjenza differenti barra minn Malta fis-sajf. Din hija mixja twila (madwar ‘il fuq minn 100 Km) f’6 ijiem fi Spanja. L-għan ta’ din il-mixja huwa li wieħed ikun jista’ jiskopri iktar lilu nnifsu f’ambjent ta’ komunità. Il-preparazzjoni għal din l-esperjenza jibdew minn Malta xhur qabel biex dawk iż-żgħażagħ li jkunu ser jagħmlu din l-esperjenza jkunu ppreparati b’mod fiżiku imma anke spiritwali permezz ta’ mixjiet, live-ins u mumenti ta’ talb flimkien. Għal iktar informazzjoni tista’ titkellem ma’ Fr Terence Spiteri osa fuq [email protected]
Esperjenza missjunarja fl-Afrika
Għal dawn l-aħħar 30 sena, is-segretarjat missjonijiet Agostinjani (Amigos) joffri esperjenza missjunjarja fis-sajf fl-Afrika flimkien mal-patrijiet u s-sorijiet Agostinjani fl-Afrika. Kull sena l-grupp li jkun ser jitla’ flimkien ma’ fr Mario Abela osa, jiltaqgħu b’mod regolari biex jippreparaw lilhom nfushom. Matul dan iż-żmien ta’ preparazzjoni jiġu organizzati attivitajiet varji ta’ fundraising biex ikunu jistgħu jwettqu x-xogħol tul l-esperjenza.