Ċelebrazzjoni tal-Festa Devota ta’ Santa Rita

Ix-xahar ta’ Mejju, għalina l-Agostinjani u għal tant devoti f’Malta u madwar id-dinja huwa marbut mal-figura tar-reliġjuża Agostinjana, Santa Rita ta’ Cascia. Hija qaddisa tant popolari fost tant devoti li jiffrekwentaw il-knejjes kollha tagħna u partikolarment fil-Knisja tagħna tal-Belt Valletta u tar-Rabat Ghawdex li tul is-snin saru Ċentri Nazzjonali għad-devozzjoni lejn il-qaddisa.

L-esperjenzi differenti li l-ħajja laqagħet magħhom lil Santa Rita, għamluha figura li tant tappella għal tant nies anke fiż-żminijiet tagħna. F’kull stat tal-ħajja li għexet, bħala, xebba, mara miżżewġa, omm, armla u soru Agostinjana, għexet b’mod erojku il-virtujiet insara partikolarment l-imħabba, il-maħfra, il-fidi u d-disponibilità totali għar-rieda t’Alla.  

Il-festa ta’ Santa Rita ġiet iċċelebrata f’dawn il-jiem fil-knejjes kollha tagħna imma fil-jum tal-Festa Liturġika, jiġifieri t-22 ta’ Mejju, iċ-ċelebrazzjonijiet iffukaw fil-knejjes tal-Belt Valletta u tar-Rabat Għawdex fejn sar anke pellegrinaġġ bl-istatwa devota tal-qaddisa. Fil-jiem partikolari u fiċ-ċelebrazzjonijiet kollha li ġew organizzati tant devoti rrikorrew għall-interċessjoni tal-quddisa tal-Impossibbli bit-toqol tal-ħajja tagħhom.  Il-festa fil-Kappella ta’ Santa Rita f’San Ġiljan ser tiġi ċelebrata s-Sibt 6 ta’ Ġunju.

Sadanitant il-figura ta’ Santa Rita tibqa’ ispirazzjoni ta’ qdusija mill-isbah li tiġbed lejn Alla tant persuni li jsibu fiha sinjal ta’ tama. Jalla tibqa’ tkun anke ta’ ispirazzjoni għall-aħwa reliġjużi kollha li llum jgħixu l-istess spirtu li għexet hi fil-ħajja Konsagrata Agostinjana.

Ritratti: Provinċja Agostinjana Maltija , David Aquilina

Scroll to Top