Matul dawn l-aħħar ġimgħat, grupp ta’ żgħażagħ Maltin (AMIGOS), akkumpanjati mill-patrijiet Agostinjani P. Mario Abela OSA u P. Terence Spiteri OSA, għexu esperjenza missjunarja fil-Kenja, fejn offrew il-ħin, it-talenti u l-enerġija tagħhom għas-servizz tal-familji foqra u tal-komunitajiet lokali. P. Mario Abela OSA flimkien mas-Segretarjat Missjonijiet Agostinjani ilhom joffru esperjenza missjunarja liln hinn minn xtutna għal dawn l-aħħar 32 sena f’pajjiżi bħal Brażil, Mozambique, Kenja u Iquitos (Perù).
Għal P. Mario u P. Terence, esperjenzi bħal dawn huma wkoll xhieda tas-sbuħija tal-vokazzjoni Agostinjana: ħajja mibnija fuq il-komunità milqugħin mill-aħwa Agostinjani li jaħdmu f’dan il-pajjiż, is-servizz u t-tfittxija ta’ Alla permezz tal-imħabba lejn il-proxxmu. Esperjenzi missjunarji bħal dawn joffru liż-żgħażagħ opportunità mhux biss biex jgħinu lil min hu fil-bżonn, iżda wkoll biex jirriflettu fuq is-sejħa tagħhom u jiskopru l-ferħ li jiġi biss meta wieħed jiddedika ħajtu għall-oħrajn.
Il-missjoni ma kinitx immirata biss biex toffri għajnuna materjali, iżda wkoll biex toffri ħbiberija, presenza u tama lil dawk li jgħixu f’ċirkustanzi diffiċli. Fost il-ħidmiet li twettqu ta’ min insemmu bini ta’ djar għal familji fil-bżonn, tqassim ta’ ikel u affarijiet essenzjali, xogħol ta’ tisbiħ u żebgħa ta’ klassijiet fl-iskejjel.
Flimkien ma’ dawn il-proġetti, il-voluntiera qattgħu ħin mat-tfal u mal-istudenti, fejn qasmu magħhom mumenti ta’ ferħ, esperjenzi u logħob. Permezz ta’ dawn il-laqgħat, iż-żgħażagħ esperjenzaw mill-qrib li l-missjoni vera mhijiex biss li tagħti l-affarijiet, iżda li tagħti lilek innifsek.
Din l-inizjattiva kienet possibbli grazzi għall-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi, li permezz tad-donazzjonijiet u t-talb tagħhom bidlu din il-ħolma ta’ solidarjetà f’azzjoni konkreta biex b’hekk dan l-AMIGOS f’isem is-Segretarjat Missjonijiet Agostinjani setgħu jagħtu l-possibbiltà lil bosta familji biex jgħixu ħajja aktar dinjituża.
Hekk kif din il-missjoni qed tasal fi tmiemha, il-patrijiet Agostinjani flimkien mas-Segretarjat Missjonijiet Agostinjani qed jistiednu lil żgħażagħ oħra li qed ifittxu sens, komunità u għotja għall-oħrajn biex jikkunsidraw li jipparteċipaw fl-esperjenza missjunarja tas-sena d-dieħla u jiskopru kif l-għotja personali tista’ tbiddel kemm il-ħajja ta’ dawk li jirċievu l-għajnuna kif ukoll ta’ dawk li jagħtuha.
Għinna:
Account Name: Segretarjat Missjonijiet Agostinjani:
Account No: 40010188817
IBAN – MT58VALL22013000000040010188817
P. Mario Abela OSA u P. Terence Spiteri OSA