It-Trinita’ Qaddisa
Dewteronomju 4:32-34.39-40; Salm 32; Rumani 8:14-17; San Mattew 28:16-20
Aqra’: Ġesu’ resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtielkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”.
Riflessjoni: Aħna l-insara m’għandniex xi dritt esklussiv fuq il-fidi f’Alla. Madanakollu, it-twemmin li f’Alla wieħed hemm il-Missier, l-Iben u d-don ta’ mħabba fl-Ispirtu, hi xi ħaġa li nsibuha biss fil-fidi nisranija. B’terminu astratt, li la hu bibliku u ċertament mhux adekwat biżżejjed, insejħu dan il-misteru: it-Trinita’. Ngħidu “misteru” mhux fis-sens ta’ xi ħaġa li ma tistax tinfthiem, imma fis-sens tar-rikkezza kbira tal-ħajja infinita ta’ Alla wieħed. Huwa jmur lil hinn minn kull ma aħna ‘l bnedmin nistgħu nifhmu. Bil-mod il-mod Huwa juri ruħu lill-bnedmin biex jintroduċihom għalih innifsu. Biex jidħlu fil-misteru ta’ Alla, il-Musulmani għandhom il-Koran, li minnu jġibu id-disa’ u disgħin isem ta’ Allah; il-mitt isem ma jissemmhiex, għaliex il-bniedem ma jistax jifhem għal kollox lil Alla. Il-Lhud isibu l-Mulej fil-ġrajjiet tal-istorja tas-salvazzjoni tagħhom, li mmeditaw fuqhom, kitbuhom u nterpretawhom kemm il-darba, sakemm fl-aħħar ġew mogħtijin lill-poplu, u iktar tard fil-kotba mqaddsa. Għall-insara, il-ktieb li jintroduċi lill-bnedmin għal Alla huwa Ġesu’ Kristu. Huwa l-Iben li mis-salib juri li Alla huwa Missier u don ta’ Imħabba, Ħajja, Spirtu.
Il-Vanġelu ta’ San Mattew jagħlaq bl-istess mod li jibda, bis-sejħa għall-Għimmanu-el, Alla magħna, l-isem li bih il-Messija kien imħabbar mill-profeti (Mt 1:22-23). Dak Alla li fih jemmnu l-insara mhuwiex il-bogħod mill-bnedmin, daqslikieku il-problemi, il-ferħ u l-inkwiet tagħna ma jinteressawhx. Huwa “Alla magħna”, Alla li huwa maġenbna ta’ kuljum, sakemm jilqagħna f’daru għal dejjem.
Itlob: Urini Mulej bil-moħħ u bil-qalb il-ħajja qaddisa tiegħek li hija mħabba.
Agħmel: “Għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtielkom jien”. X’qegħdin nagħmlu biex inxandru l-imħabba ta’ Alla lill-bnedmin ta’ żmienna?