It-30 Ħadd matul is-Sena Liturġika B
Ġeremija 31:7-9; Salm 125; Lhud 5:1-6; Mark 10:46-52
Aqra’: F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”.Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”. Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu”. Huma sejħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek”. Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù. U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?”. “Li nerġa’ nara, Rabbuni”, wieġbu l-agħma. U Ġesù qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek”. U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.
Riflessjoni: Darba Ġesu’ ċanfar lid-dixxipli tiegħu: “Għadkom ma ntbaħtux u ma fhimtux? X’ebusija ta’ ras għandkom? Għandkom għajnejn u ma tarawx?” (Mark 8:17-18). Fis-silta tal-Vanġelu tal-lum, Bartimew huwa x-xbieha tad-dixxiplu li fl-aħħar jiftaħ għajnejh għad-dawl tal-Imgħallem u jiddeċiedi li jibqa’ “mixi warajh fit-triq”. Il-laqgħa ta’ Bartimew ma’ Kristu ġġallu jtajjar il-mantar minn fuqu…l-unika ħaġa li kellu. Dan ifisser li ma kinx iktar interessat fit-tip ta’ ħajja li kien għex s’issa. Il-laqgħa ma’ Kristu u mad-dawl tiegħu tpoġġi lil dak li jkun f’kundizzjoni diffiċli. Qabel Bartimew kien bilqiegħda, issa kellu jibda jimxi; qabel kellu il-“professjoni tiegħu” ta’ tallab, li tajjeb jew ħażin kienet tipprovdilu x’jiekol, issa ried jivvinta tip ta’ ħajja għal kollox ġdida; qabel kellu post fejn jgħix qalb in-nies li kien jaf u l-ħbieb, issa kellu jitlaq għal avventura li kienet tidher riskjuża. Kull min irid jiġi għand Kristu m’għandux jilludi lilu nnifsu li ser ikollu ħajja komda u mingħajr inkwiet. L-esperjenza ta’ Bartimew turina li l-mixja li qed tistenna lil min irċieva d-dawl mhix mixja faċli; hija ġġall lil dak li jkun jbiddel id-drawwiet, l-imġieba u l-ħbiberiji tiegħu. Titlob li l-ħajja, il-ħin u l-ġid ikunu mmexxija b’mod radikalment ġdid. Min irid li jkun imdawwal minn Kristu, irid jgħażel bejn il-mantar il-qadim u d-dawl.
Itlob: Ġesu’ lilek ukoll qed jistaqsik: “Xi tridni nagħmillek?” Bartimew l-ewwel talab għall-ħniena, u wara talab għall-fejqan. Inti x’ ser titolbu? Il-ħtiġijiet immedjati…jew l-ewwel ser titolbu li jkabbarlek il-fidi fih, fil-qawwa tiegħu, fl-imħabba tiegħu?
Agħmel: Biex naslu biex ngħarfu n-nuqqasijiet tagħna, u nitolbu lill-Mulej id-dawl tiegħu, Irridu nammettu li aħna lkoll b’xi mod “għomja”,. Imbagħad inkunu nistgħu ntajru l-“mantar” u ngħażlu ħajja ġdida fid-dawl ta’ Kristu.