Rabat Sacrum 2026

Informazzjoni Ġenerali

Merħba fil-kunvent tal-patrijiet Agostinjani, iddedikat lil San Mark. Din id-dedika ġejja mill-fatt li l-kappella li kien hawn qabel ma inbniet il-knisja li tinsab mal-ġemb ta’ dan il-kunvent, kienet dedikata lil San Mark.

Santu Wistin u l-patrijiet Agostinjani

Santu Wistin ta’ Ippona (345–430) isqof u raħeb li għex fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, fl-Afrika ta’ Fuq. Hu jibqgħa magħruf sew għall-għerf tiegħu li insibu fil-kitbiet tiegħu, kif ukoll tal-ħajja qaddisa li għex. L-Ordni ta’ Santu Wistin, l-Agostinjani, twaqqaf bil-ħida tal-Papa Innoċenz IV fis-sena 1244. L-ewwel Agosntinjani li ġew Malta kienu minn Sqallija għal ħabta tas-sena 1383. L-ewwel kunvent tagħhom kien propju hawn fir-Rabat, il-barra mis-swar tal-Imdina.

L-Agostinjani fir-Rabat

L-ewwel Agostinjani fitxew li jkunu qrib il-belt kapitali l-qadima, l-Imdina. Hu fatt ċert li huma tilfu l-kunvent tagħhom u kulma kienu jippossedu matul l-assedju Tork tal-1429. Huma bnew it-tieni kunvent tagħhom ‘tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mis-swar tal-Imdina’. Dan il-kunvent twaqqa’ mill-Maltin f’Lulju 1551 waqt it-theddida ta’ assedju ieħor mit-Torok fuq Malta; minħabba li l-kunvent kien viċin wisq is-swar tal-belt kien hemm il-biża’ li t-Torok jużawh għal skopijiet militari biex jattakkaw l-Imdina.

Nhar it-28 ta’ Awwissu 1555 il-Kapitlu tal-Katidral ta lill-patrijiet Agostinjani din l-art, fejn ninsabu llum. Hawn kien hawn kappella żgħira iddedikata lil San Mark u ftit djar imġarrfa li kienu jmissu magħha. Huma ħadu ħsieb li tinbena l-knisja li għadna ngawdu sallum, kif ukoll dak li kien it-tielet kunvent Agostinjan fir-Rabat. Huma qabdu lil Ġlormu Cassar (ċ1520–ċ1592) biex iħejji l-pjanti għall-knisja, li għadna ngawdu sallum, kif ukoll dak li kien it-tielet kunvent Agostinjan fir-Rabat.

Ir-raba’ kunvent Agostinjan fir-Rabat

Fis-sena 1739 inħass il-bżonn ta’ kunvent ikbar sabiex jaqdi aħjar il-ħtiġijiet tal-komunità Agostinjana. Waqt il-kapitlu tal-kunvent tal-15 ta’ Marzu, 1739 ittieħdet id-deċiżjoni li jitwaqqa t-tielet kunvent u jinbena mill-ġdid. Il-bini beda nhar is-26 ta’ Awwissu, 1740; u tqegħid tal-ewwel ġebla kien nhar il-5 ta’ Ottubru, 1740. Il-moħħ wara din il-binja kien il-perit Malti Andrea Belli. Il-binja hi xempju mill-isbaħ tal-istil barokk Malti.

Maż-żmien ingħata t-titlu ta’ conventur maior (kunvent kbir), kif ukoll kien deskritt bħala domus celeberrima (dar famuża ħafna) għall-osservanza tal-ħajja reliġjuża. Il-motto tiegħu hu: vetustior glorior (niftaħar għax eqdem) għax l-antikità tiegħu hi xhieda tal-glorja tiegħu mal-mixja taż-żminijiet.

Il-benefattur

Il-Gran Mastru Manuel Pinto da Fonseca (1681–1773), kien benefattur għall-bini ta’ dan il-kunvent.

Il-Kjostru

Fl-arkitettura monastika medjevali kien jingħata valur għoli lil dawk il-partijiet tal-monasteri li kienu jgħinu lill-monaċi jgħixu fi spirtu ta’ ġabra u kontemplazzjoni. Il-kjostru, jew l-ispazju ċentrali li miegħu kienet iddur il-binja kollha, għandu dan il-għan. Għaldaqstant il-kjostru, barra li joffri vantaġġi materjali: bħall-arja u d-dawl, spazju fejn jinżergħu siġar tal-frott u ħxejjex, kif ukoll bjar għall-ilma skont il-ħtieġa; joffri spazju ta’ ġabra spiritwali, fejn ir-reliġjuż jista’ jinġabar fis-skiet u l-ħemda, li xi mindaqqiet tkun imżewqa bl-għana tal-għasafar.

Fin-nofs tal-kjostru nsibu il-ħerża tal-bir, magħmula mill-ġebla tal-franka. L-arma Agostinjana, fuq il-quċċata tagħha, tfakkar għal darb’oħra lir-reliġjuż u lill-viżitatur li t-tfittxija ta’ Alla hi l-mistrieħ veru ta’ qalb il-bniedem u li Kristu huwa l-għajn ta’ ilma ħaj.

Il-Mużew

Fost id-diversi opri artistiċi li hawn fil-Mużew, jispikkaw il-pannelli li jiffurmaw polittiku (pittura maqsuma f’diversi partijiet). Dan il-polittiku hu magħmul minn ħames pannelli, però li waħda minnhom hi mitlufa. Il-pannell ċentrali jirrafigura l-Madonna tal-Grazja, bil-qiegħda fuq tron tredda lit-tfajjel Ġesù. Il-pannelli l-oħrajn iġibu x-xbiehat ta’ San Pawl, Santu Wistin u Santa Katerina ta’ Lixandra, tradizzjonalment meqjusa bħala l-patruna tal-istudji fl-Ordni Agostinjan. Dan il-polittiku, impitter fuq l-injam, huwa meqjus ta’ preġju artistiku għoli. Hu meqjus li hu xogħol Sqalli, u li sar qrib is-sena 1400.

Ir-Refettorju

Ir-Refettorju huwa l-post fejn ta’ kuljum il-komunità tinġabar sabiex l-aħwa jaqsmu flimkien l-ikel, frott tal-providenza ta’ Alla u ta’ ħidmiethom. Fiċ-ċentru tar-refettorju hemm leġiju minn fejn kien isir il-qari ta’ kuljum waqt l-ikel. Għax kif jindika Santu Wistin fir-Regola li kiteb għar-reliġjużi tiegħu, fil-waqt li l-ġisem jeħtieġ l-ikel, hekk ukoll il-widnejn għandhom jirċievu l-Kelma ta’ Alla, u hekk waqt li jikol il-ġisem titmantna wkoll ir-ruħ. Is-sawm u l-astinenza f’numru mhux żgħir ta’ jiem matul is-sena iħarrġu l-ispirtu fid-dixxiplina spiritwali.

Scala Regia

It-taraġ prinċipali li jwassal għas-sular ta’ fuq huwa wieħed mill-isbaħ li hawn fil-gzejjer tagħna. Fil-parti ta’ isfel tinsab statwa tal-ġebel li turi lil Santu Wistin ta’ Ippona, liebes it-tonika Agostinjana imħażżma biċ-ċintura, li l-patrijiet jilbsu bħala sinjal tal-konsagrazzjoni tagħhom. Fis-saqaf ta’ quddiem din l-istatwa insibu diversi simboli marbutin ma’ Santu Wistin, bħala duttur (għalliem) u ragħaj tal-Knisja. Fil-bidu tas-seklu XX it-taraġ ġie miksi bl-irħam u b’kitbiet, li tifsira tagħhom hi li meta r-reliġjuż ikun tiela’ għas-sular ta’ fuq, waqt li jaqra l-iskrizzjonijiet mal-art, jiftakar f’dawk il-virtujiet insara li jerfgħuh lejn il-kontemplazzjoni u l-ħajja hienja f’Alla.

Il-Portinerija

Hawn ninsabu bejn żewġ bibien, il-bieb għal barra u l-bieb għall-ġewwa. Hekk il-portinerija hi l-ispazju li jifred ‘barra’ minn ‘ġewwa’, id-dinja ta’ barra mir-realtà ta’ ġewwa, dik li tissejjaħ il-klawsura, iġifieri l-parti magħluqa riżervata għall-membri tal-komunità reliġjuża. Wieħed mir-reliġjużi tal-kunvent, aktarx kien ikun xi fra, kien jaqdi s-servizz ta’ purtinar, iġifier inkarigat biex jilqa’ lil dawk li jħabbtu l-bieb tal-kunvent, u jsejjaħ li min jixtiequ jkellmu jew jgħaddi l-messaġġ mixtieq. Illum hawn insibu l-arma oriġinali tal-Gran Mastru Pinto, kif ukoll kopja tal-polittiku li insibu fil-mużew tal-kunvent.

Augustinian Cloister Foundation

L-Augustinian Cloister Foundation twaqqfet biex tippromwovi l-wirt ta’ dan il-bini uniku u trawwem djalogu mas-soċjetà. Hi tieħu ħsieb li jiġu organizzati diversi attivitajiet u kunċerti, sew fil-kunvent kif ukoll fil-knisja.

Il-faċċata

Il-faċċata tal-kunvent hi ddominata mill-portiku ċentrali u l-gallarija ta’ fuqu. Dan il-bieb kbir hu sinjal ta’ akkoljenza daqstant ieħor kbira, fil-linja tal-ispiritwalità ta’ Santu Wistin. Taħt il-gallarija nsibu x-xbiehat tal-virtujiet tal-karità (il-figura bil-qarn tal-abbundanza) u tal-ġustizzja (il-figura bix-xabla); li joffru viżjoni ta’ ħajja nisranija Agostinjana. Bejniethom l-arma tal-Gran Mastru Pinto, benefattur għall-bini ta’ dan il-kunvent. Fuq il-bieb tal-gallarija insibu l-arma tal-Ordni Agostinjan: qalb taqbad u minfuda, sinjal ta’ nirien l-imħabba li biha inħakmet qalb Santu Wistin mal-konverżjoni tiegħu meta ġiet minfudha mill-Kelma ta’ Alla.

Informazzjoni Ġenerali

Merħba f’din il-knisja, iddedikata lil San Mark. Qabel din il-knisja kien hawn kappella, ukoll kienet iddedikata lil San Mark. Fis-sena 1555 ingħatat l-art li fuqha huma mibnija l-knisja lill-patrijiet Agostinjani. Huma ħadu ħsieb li tinbena din il-knisja u dak li kien it-tielet kunvent tagħhom fir-Rabat.

Il-Knisja ta’ San Mark

Il-perit ta’ din il-knisja hu l-Malti Ġlormu Cassar (ċ1520–ċ1592). Hu kien l-arkitett tal-Ordni ta’ San Ġwann li ħa ħsieb ħafna mill-bini tal-belt Valletta, mis-sena 1566 il-quddiem. It-tqegħid tal-ewwel ġebla ta’ din il-knisja, mibnija fuq stil rinaxximentali, sar fis-sena 1556, iżda jidher li l-bini seħħ bejn bejn is-snin 1571 u 1588.

Din il-binja servit ta’ prototip għall-binja oħra importanti ta’ Ġlormu Cassar, il-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann, fil-belt Valletta. Dan wieħed jista’ jarah fil-proporzjonijiet, it-tqassim, u elementi tal-arkitettura. Maż-żmien minn ġewwa ġiet iddekorata fl-istil barokk. Il-faċċata tal-knisja ġiet mibnija mill-ġdid wara t-terremot tas-sena 1693.

Ħarsa ġenerali

Il-binja tikkonsisti minn korsija b’saqaf ‘nofs bettija’ u sitt kappelluni. Fil-prospettiva ċentrali fis-saqaf insibu ajkla, simbolu ta’ Santu Wistin, u żewġ dati 1588, meta intemmet il-binja, u 1957, meta saret id-dekorazzjoni tas-saqaf bl-stucco, fuq disinn ta’ Ġużeppi Galea. Attwalment il-knisja għandha l-artal maġġur, artal tal-kor u sitt artali laterali.

L-Orgni

Fuq il-bieb il-kbir tal-knisja insibu l-gallarija tal-orgni. L-orgni hu tad-ditta Taljana Mascioni, u ġie installat fis-sena 1959. Taħt il-gallarija insibu niċċa li fiha l-istatwa tal-qaddis Agostinjan San Nikola ta’ Tolentino (1245–1305), protettura tal-erwieħ tal-Purgatorju. Narfuh għax fuq sidru għandu s-simbolu ta’ kewkba u f’idu għandu l-ġilju. Ir-ras u l-idejn, li huma tal-injam, huma attribwiti lill-artist mill-Birgu Melchiorre Gafà (1636–1667), waqt li l-ġisem sar fil-kartapesta mill-istatwarju minn Għawdex Wistin Camilleri (1885–1979), fis-sena 1914.

Fin-niċċa l-oħra insibu statwa ta’ Santu Wistin (345–430), xogħol Charles Micallef fis-sena 2006. Din hi esposta hawn temporanjament, għax postha hu fil-kappella ta’ fuq tal-kunvent.

Il-Kappelli Laterali

Il-knisja hi mdawra b’sitt kappelli, kull waħda b’artal iddedikat lil xi qaddis partikolari.

L-ewwel kappella fuq il-lemin hi ta’ San Ġlormu (347–420), li bħal Santu Wistin għex fl-ewwel żminijiet tal-knisja; magħruf għat-traduzzjoni tal-Kotba Imqaddsa mill-lingwi oriġinali għal-Latin. Il-kwadru, li juri lil San Ġlormu jitlob fid-deżert, hu xogħol tal-bidu tas-seklu XVII.

L-ewwel kappella fuq ix-xellug hi iddedikata lill-Ispirtu s-Santu. F’dan l-ispazju kienet tinsab il-kappella antika ddedikata lil San Mark li kienet ġiet mogħtija lill-patrijiet Agostijani. Il-kwadru li nsibu f’din il-kappella, li sar fis-sena 1719 mill-artist Malti Alessio Erardi (1669–1727), juri l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli nhar Għid il-Ħamsin. Fin-niċċa insibu l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt, xogħol fil-kartapesta, tal-istatwarju Tarxiniż Renzo Gauci (1959–2018), fis-sena 2006.

It-tieni kappella fuq il-lemin hi ddedikata lil qaddis Agostinjan San Ġwann minn Sahagun, Spanja (1430–1479). Fil-kwadru naraw lill-qaddis juri s-simboli ewkaristiċi. Huma rappreżentati wkoll San Gulliermu u Santa Barbara. Dan il-kwadru hu meqjusa bħala xogħol ta’ Mattia Preti u bottega.

It-tieni kappella fuq ix-xellug hi ddedikata lil qaddis Agostinjan San Nikola ta’ Tolentino (1245–1305). Il-kwadru juri lil Marija Santissima tnewwel ħbejża lil San Nikola fil-mument li l-qaddis kien għaddej minn prova ta’ mard. Permezz ta’ dan huwa kiseb mill-ġdid il-fejqan. Għaldaqstant baqet id-devozzjoni tat-tberik tal-ħbejżiet ta’ San Nikola. F’din il-kappella qed naraw ukoll il-vara tal-Madonna taċ-Ċintura, xogħol l-istatwarju Ġużeppi Cilia li għamel fis-sena 1913. Fis-sena 1953 tqabbad l-istatwarju Ġlormu Dingli biex jirrestawra din il-vara; iżda barra li ġiet restawrata ġiet ukoll mibdula xi ftit, b’mod partikolari ir-ras tal-Bambin.

It-tielet kappella fuq il-lemin hi dedikata lil Sidna Marija tal-Konsolazzjoni, jew tal-Faraġ, jew kif popolarment magħrufa taċ-Ċintura. Hawn insibu l-kwadru sabiħ ta’ Stefano Erardi (1630–1716), magħmul fl-1637. Fih naraw lill-Madonna bit-tfajjel Ġesù, Santu Wistin u ommu Santa Monika. Tajjeb ninnutaw li l-Madonna barra ċ-ċintura, f’idejha qiegħda żomm ukoll ħatar; u għalhekk hawn għandna titlu ieħor Marjan, dak tas-Sukkors (il-ħelsien mill-inkwiet u l-perikli). Bħala sotto kwadru insibu ix-xbieha devota tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb, magħmula fl-1755 mill-Malti Arrigo Reno għalkemm ismu aktarx kien Enrico Regnaud (1692–1764). F’din il-kappella insibu ukoll l-istatwa ta’ Santa Rita (1381–1447/57), is-soru agostinjana, il-qaddisa tal-impossibli. L-istatwa hi xogħol fil-kartapesta ta’ Ġużeppi Cilia, fis-sena 1913.

It-tielet kappella fuq ix-xellug hi iddedikata lil eremit Sant’Anton abbati (ċ251–357). Il-ħajja ta’ Sant’Anton kellha influwenza qawwija fil-konverżjoni ta’ Santu Wistin. Il-kwadru hu xogħol Alessio Erardi (1669–1727). F’din il-kappella insibu ukoll l-istatwa artistika tal-qaddis magħmula fis-sena 1806, minquxa fl-injam mill-iskultur Żejtuni Xandru Farrugia (1791–1871).

L-Artal Maġġur

L-artal maġġur kien ikkonsagrat nhar id-9 ta’ Ottubru 1869 mill-isqof ta’ Malta, l-Agostinjan Gaetano Pace Forno OSA, u mill-ġdid nhar is-26 ta’ Ġunju 1906, din id-darba mill-isqof ta’ Għawdex, l-Agostinjan Giovanni M. Camilleri OSA.

Fis-sena 2006, f’għeluq il-mitt sena mill-konsagrazzjoni tal-knisja, sar l-artal u l-ambone tal-irħam, u iktar tard is-sedja, sabiex jaqdi aħjar il-liturġija skont ir-riforma tal-Konċilju Vatikan II.

Il-Kor

Dan il-kor, il-post fejn ir-reliġjużi jinġabru sabiex flimkien ifaħħru lil Alla permezz tat-talb tas-Salmi sar fis-sena 1855. Il-prospettiva ġiet iddiżinjat fis-sena 1893 mill-artist Giovanni Galdes u approvat mill-arkitett Emanuel Luigi Galizia (1830–1907). Hawn insibu l-kwadru titulari ta’ San Mark Evanġelista, ta’ artist mhux magħruf, skola Rumana tas-seklu XVI; jista’ jkun tas-sena 1604 u xogħol dixxiplu tal-artist Girolamo Muziano.

Taħt dan il-kwadru insibu l-istatwa tal-irħam li tirrapreżenta lil Santu Wistin jeħodha kontra l-ereżiji permezz tad-diskorsi u l-kitbiet tiegħu. Din l-istatwa, li saret fis-sena 1894, hi l-ħidma tal-artist Taljan Paolo Triscornia (1853–1936).

Is-Sagristija

Is-sagristija hi mgħammra b’għamara tas-seklu XVIII, magħmul bil-finta vena. Jiddomina l-kwadru li jurina lil Santu Wistin, imnebbaħ minn Alla sabiex jissielet kontra l-ereżija. Dan il-kwadru hu xogħol tal-artist magħruf tal-perjodu Barokk Taljan, il-kavallier Mattia Preti (1613–1699), tas-sena 1694. Fuq in-naħa l-oħra nistgħu nammiraw l-kurċifiss astistiku, magħmul mill-kartapesta, u li jġib id-data 1705.

L-erba’ pitturi mad-dawra tas-sagristija iġibu x-xbieha ta’ erba’ patrijiet Agostinjani Maltin li ħallew marka fl-istorja tal-Ordni Agostinjan sew f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. Dawn huma:

Mons. Gaetano Pace Forno (1809–1874), Isqof ta’ Malta (1857–1874); Mons. Giovanni Maria Camilleri (1843–1925), Isqof ta’ Għawdex (1889–1924) impitter minn Edward Caruana Dingli;
Mons. Pawlu Micallef (1818–1883), Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjan (1859–1865) u Arċisqof ta’ Pisa (1871–1883);
Kard. Prospero Grech (1925–2019) impitter minn Raymond Pitré.

Il-Kampnar

Imlaqqam is-Sultan tar-Rabat, dan il-kampnar jilqek int u tiela’ lejn is-Saqqajja. Dan hu t-tielet kampnar. L-ewwel kampnar kien xogħol Ġlormu Cassar. Wara t-terremot tal-1693 inbena it-tieni kampnar, din id-darba xogħol Lorenzo Gafà (1639–1703).

Il-kampnar attwali, li jiġi t-tielet wieħed, inbena fl-1911 fuq diżin tal-perit Adeodato Francesco Sammut. Kien Fra Nikola Mula Sciberras OSA li ħabrek sabiex jinbena dan il-kampnar. Fuq il-quċċata tiegħu nsibu diversi simboli marbutin ma’ Santu Wistin u l-Ordni Agostinjan.  Fil-kampnar hemm erba’ qniepen. Il-funzjoni ta’ kull kampnar huwa li jkunsinjal ta’ preżenza nisranija, u permezz tad-daqq tal-qniepen isejjaħ lill-poplu ta’ Alla għall-mument ta’ talb.

Scroll to Top